Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Luċija

Print Friendly, PDF & Email

Fit-13 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil Santa Luċija, Verġni u Martri li twieldet għall-ħabta tas-sena 283 u ħadet il-martirju fis-sena 304.

Skont tradizzjoni, jew forsi aħjar leġġenda, Santa Luċija twieldet Sirakuża, Sqallija, dwar is-sena 283, minn familja nobbli. Meta kienet għadha żgħira tilfet lil missierha, u rabbietha ommha, Ewtakja.

Meta kibret, Luċija ipperswadiet lil ommha li kienet ilha marida, biex jagħmlu pellegrinaġġ flimkien għal Katanja u jmorru fuq il-qabar ta’ Santa Agata li kienet mietet martri xi ħamsin sena qabel. Waqt li kienu qed jitolbu, l-omm fieqet f’daqqa waħda.

Luċija ddeċidiet li tħalli d-dinja u tikkonsagra ħajjitha kollha lil Alla, u tgħin lill-fqar. Għamlet il-vot tal-verġinita’, u ħassret iż-żwieġ li kienet ser tidħol fih ma’ żagħżugħ nobbli pagan. Dak iż-żagħżugħ ħassu mweġġa b’din l-azzjoni ta’ Luċija, u biex ipattihielha akkużaha quddiem il-Konslu Ruman li kienet nisranija, u ma kinetx tosserva l-liġijiet tal-Imperu.

Santa Luċija b’kuraġġ kbir stqarret il-fidi tagħha u ġiet ikkundannata għat-torturi bin-nar u bl-ilma jagħli. Hi baqgħet soda minkejja t-torturi li sofriet sakemm fl-aħħar nifdulha griżmejha b’xabla. Hi baqgħet ħajja sakemm xi ħadd qarbinha, imbagħad mietet. Dan ġara fil-persekuzzjonijiet tal-Imperatur Djoklezjanu fis-sena 304.

Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza storika ta’ din it-tradizzjoni dwar ħajjitha, ma hemm l-ebda dubju dwar il-kult tagħha u l-konnessjoni tagħha ma’ Sirakuża. Isimha hu mniżżel fil-Kanone tal-quddiesa.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: