Ħsieb fuq il-pittura ’MILIED MISTIKU’, ta’ Filippo Lippi


It-tradizzjoni Nisranija, li għaddiet għandna mill-imgħoddi b’manjieri differenti, turina li l-Milied għandu rabta qawwija mal-Ewkaristija. Dan narawh f’tabernaklu tas-seklu 14, fi Siena, imsejjaħ it-tabernaklu tat-Taħbira tal-Anġlu. F’naħa minnhom, hemm l-anġlu ħabbar u hemm Marija fuq in-naħa l-oħra. Alla l-Missier hu fin-nofs, fuq il-bieba tat-tabernaklu. Ġewwa t-tabernaklu hemm il-Kelma li saret laħam u l-laħam li sar ħobż.

Ir-rabta bejn it-twelid ta’ Ġesù u l-Ewkaristija kienet komuni fl-arti Nisranija, kif hemm fil-kwadru wara l-altar, imsejjaħ il-‘Quddiesa ta’ San Martin ta’ Tours’, minn pittur anonimu tas-seklu 15. Il-kwadru jinsab fil-mużew tal-arti, f’Allentown, Pensilvanja. Kemm is-saċerdot kif ukoll in-nies fil-knisja setgħu jaraw, meta jħarsu lejn l-altar, is-saċerdot bil-ħobż ikkonsagrat u lit-Tarbija Ġesu’ f’dirgħajn ommu Marija.

Dan jintroduċina għall-kwadru msejjaħ ‘Milied Mistiku’. Fost il-pitturi li juru r-relazzjoni bejn Marija u l-Ewkaristija, hemm pittura tas-seklu 15. Jinsab f’gallerija tal-arti f’Berlin. Il-kwadru hu xogħol tal-patri Karmelitan Filippo Lippi, li għamlu fuq ordni tal-familja Medici għall-kappella privata tal-palazz tagħhom f’Firenze.

crib

Juri lil Marija f’adorazzjoni quddiem Binha, taħt il-ħarsa tal-Missier li qiegħed jagħti l-Ispirtu s-Santu. Fuq ix-xellug hemm San Ġwann il-Battista u San Romwaldu. Dan il-kwadru tal-Madonna kien il-punt fejn jaslu l-affreski l-oħra, li pitter Benozzo Gozzoli fil-ħitan tal-kappella, li jirrakkuntaw il-vjaġġ tal-Maġi, mexjin fid-direzzjoni ta’ din ix-xena ċentrali. Minbarra dan, it-tieqa tonda fuq l-altar tissimboliza l-kewkba li tindika t-tmiem tal-vjaġġ, fejn riedu jaslu l-Maġi.

It-tema tal-kwadru ta’ Lippi hi l-miġja tal-Mulej fid-dinja, it-twelid tal-Iben t’Alla. Wieħed jara ċar it-Tliet persuni tat-Trinità Qaddisa: il-Missier, li qiegħed fuq nett, taħtu hemm l-Ispirtu s-Santu u l-Iben qed jirċievi r-raġġi tal-Ispirtu s-Santu. Il-linja dritta, bil-Missier b’dirgħajh miftuħa, l-Ispirtu s-Santu jittajjar bi ġwienaħ miftuħin u t-Tarbija Ġesù, tibqa’ sejra san-nofs tal-altar, il-punt eżatt fejn is-saċerdot jikkonsagra l-ħobż u l-inbid waqt il-Quddiesa. Hekk, elementi ta-ħajja huma marbutin b’qawwa mal-ġisem ta’ Kristu li twieled fuq l-art.

Fil-pittura ‘Milied Mistiku’, wieħed jista’ jara l-Ewkaristija bħala estensjoni tal-ħajja Trinitarja irrevelata bit-twelid ta’ Kristu. Fil-Quddiesa, is-Saċerdot jitlob lill-Missier biex jilqa’ s-sagrifiċċju tal-Iben, fl-offerta tal-ħobż u l-inbid u biex jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuq dawn l-offerti.

Fil-kwadru tal-Medici li qegħdin nirriflettu fuqu, il-valur tas-sagrifiċċju li ġġib magħha l-Ewkaristija hu msaħħaħ mill-preżenza ta’ San Ġwann il-Battista, il-profeta li ħabbar il-mewt ta’ Ġesù. Hemm ukoll San Romwaldu, il-fundatur axxetiku tal-ordni semi-eremitiku tal-Camaldoleżi. Tajjeb ngħidu li x-xena ddur madwar il-foresta li kienet iddawwar l-eremitaġġ ta’ Camaldoleżi, fejn il-familja tal-Medici kienu jmorru biex jitolbu.

Il-figura maġġuri u dominanti hi dik ta’ Marija. Għalkemm mhijiex fin-nofs, qiegħda taħt il-kenn tal-ispirtu s-Santu li qed jonfoħ fuqha l-Missier, il-ġabra profonda u t-talba tagħha ta’ adorazzjoni jimlew is-silenzju u l-misteru ta’ din ix-xena kif mistħajla mill-pittur. Din kienet epoka fejn il-fidili kienu rarament jirċievu l-Ewkarstija għax kienu jippreferu li jikkontemplaw l-Ewkaristija b’għajnehom u jadurawha b’qalbhom. Din ix-xbiha ta’ Marija, bħal oħrajn li jpittruha għarkubbtejha quddiem it-Tarbija li għadha kif twieldet, hi ispirata mir-Revelazzjonijiet ta’ Santa Briġida tal-Isvezja, qaddisa mistika tas-seklu 14, li l-Verġni kienet dehritilha għarkubbtejha f’adorazzjoni  quddiem it-Tarbija li minnha ħiereġ dawl qawwi. Hekk qed tagħmel Marija, fil-kwadru ‘Milied Mistiku’. Qed tikkontempla u tadura.

Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.