Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ilqa’


It-Tieni Ġimgħa – Il-Ġimgħa

“Kif jista’ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? Billi jħares il-kelma tiegħek.” – Salm 119:9

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Il-meditazzjoni tal-lum ħalliet impatt fuqi iżjed mill-oħrajn kollha. Nitlobkom tistabru bija jiena u nistedinkom biex illum tinżlu iktar fil-fond. “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu” (Mt 1:24; l-enfasi hi miżjuda). Xi jfisser dan? Li kelna nħarsu lejn l-Avvent minn għajnejn Ġużeppi, ikun importanti għalina li hawnhekk nagħmlu distinzjoni biblika preċiża. Fl-oriġinal Grieg, il-kelma tradotta bħala “ħa” hi paralamban­ō, li litteralment tfisser “tidħol f’relazzjoni intima”. Fejn iżjed naraw frażi tixxiebah jew tal-inqas riferenza li tista’ tgħinna napprezzaw il-virtù ta’ Ġużeppi? Fi Ġwanni 19:26-27 nisimgħu lil Ġesù, minn fuq is-Salib, ikellem lil Ġwanni u lil Marija: “Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara, hawn hu ibnek’. Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”. Qed jintuża l-istess għerq tal-kelma Griega tradotta bħala “ħa” – lamban­ō, “tidħol f’relazzjoni intima” (Paralamban­ō, użata f’Mt 1:24, hi sempliċiment forma enfatika ta’ lamban­ō, użata fi Ġw 19:27).

Imma Ġużeppi u Ġwanni jilqgħu lil Marija. Fis-sens strett tal-kelma, Ġużeppi ma “jiħux” lil Marija biex tkun “tiegħu”. Lanqas l-Appostlu Ġwanni ma “jieħu” lil Marija biex tkun “tiegħu”. Iż-żewġt irġiel ta’ virtù kbira jilqgħu lil Marija bil-kundizzjonijiet tagħha, u mhux b’tagħhom. Ġużeppi, bħal Ġwanni, jilqa’ lil Marija “biex jidħol f’relazzjoni intima” magħha. Ġużeppi ħares lejn Marija b’mod li seta’ jilqagħha.

Hemm erba’ dimensjonijiet relazzjonali ta’ rġulija matura, integrata: iben, ħu, żewġ, u missier. Irġiel maturi, integrati għandhom għarfien tajjeb ta’ min huma bħala wlied. Il-prova li raġel hu sħiħ fl-identità tiegħu bħala iben hi li m’għandux bżonn jikkompeti jew jipprova lilu nnifsu. It-tieni, l-irġiel jitgħallmu kif isiru aħwa. Hawn, l-irġiel jitgħallmu jaraw lin-nisa għal dak li huma, bħala ħuthom nisa, u mhux oġġetti. Il-prova li raġel hu sħiħ fl-identità tiegħu bħala ħu hu li jara lin-nisa bħala dak li huma, u mhux kif l-immaġinazzjoni tiegħu tikkompartimentalizzahom. Ir-raġel jista’ jkun raġel miżżewweġ u missier kif imiss biss jekk ikun iben u ħu kif imiss. Il-maturità tiegħu bħala raġel miżżewweġ tidher fis-safa li biha jara lil martu bħala dak li hi u, għalhekk, jilqagħha u jħalliha turih min hi.

Is-safa ta’ kif Ġużeppi jara lil Marija twassal għas-safa ta’ kif Ġużeppi jilqa’ lil Marija. Għalhekk, hemm is-safa ta’ kif Ġużeppi jidħol f’relazzjoni intima (paralamban­ō) magħha. Ir-relazzjoni tagħhom kienet waħda ta’ intimità, vulnerabbiltà u reċettività qawwija preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ dnub ta’ Marija u l-virtù ta’ Ġużeppi. Ġużeppi qatt ma “jieħu” mingħand Marija; huwa dejjem u biss jilqagħha. Għal dawk li forsi jsibuha bi tqila biex jifhmu ż-żwieġ ta’ Ġużeppi u Marija, immaġina għal waqt wieħed biss x’kien ikun ifisser għal mara tas-safa ta’ Marija li tistiednek fil-qalb tagħha, u meta tkun hemm tistenna minnek dik l-istess profondità ta’ safa. Preċiżament minħabba f’kemm intima kienet ir-“relazzjoni intima” tagħhom, ma kien hemm imkien fejn Ġużeppi seta’ jistaħba. Ġużeppi kien għal dejjem minfud mis-safa, u l-unika qagħda tiegħu kienet li jilqa’ lil Marija kif kienet.

Fil-qalb ta’ Ġużeppi, osserva dak li ma nosservawx: ma hemm ebda biża’ li jidher hekk kif inhu. Ma hemm ebda biża’ li Marija tkun tafu. Ma hemm ebda bżonn li jistaħba minn Marija. Ġużeppi hu fis-sliem. Tista’ tħossha din id-doċilità ta’ Ġużeppi? Tista’ tħossha din il-qima ta’ Ġużeppi għal Marija?

Hemm differenza bejn li taħseb dwar Alla u li titkellem ma’ Alla. Min jaf kemm drabi Ġużeppi kellu jdur lejn il-Missier u jiftaħ qalbu miegħu. Wara kollox, biex seta’ jħobb lil Marija bil-livell ta’ safa li kien jixirqilha, Ġużeppi ried joffri dak kollu li seta’ joffri. Illum, la tibżax. Tkellem ma’ Alla. Isma’ l-leħen tiegħu. Afda li Alla qed jilqa’ lilek u lill-qalb tiegħek.

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda aqra bil-mod is-Salm 119:1-16. Aqrah iktar minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok tinfed lil qalbi bis-safa. Għinni nara lill-oħrajn kif tarahom int. Għinni nilqa’ lill-oħrajn kif tilqagħhom int.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

“B’qalbi kollha jiena nfittxek; tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek”. – Salm 119:10