Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Jipprovdi

It-Tielet Ġimgħa – It-Tnejn

“Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.” – Iżaija 55:3

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Kif Ġużeppi u Marija ħallew Nazaret għal Betlehem, Ġużeppi kien jaf fejn kien sejjer. Il-preċetti tat-Testment il-Qadim kienu jitolbu miċ-ċittadini Lhud li jagħmlu pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm tliet darbiet fis-sena. Ġużeppi kien jafhom tajjeb it-toroq għal Ġerusalemm. Mill-bibien ta’ Ġerusalemm kien hemm inqas minn għaxar mili għal Betlehem. Għalhekk, imqar jekk Ġużeppi qatt ma kien mar Betlehem, ma kienx sa jkun diffiċli jsib triqtu ’l hemm.

F’ċertu sens, Ġużeppi kien jaf fejn kien sejjer. Min-naħa l-oħra, Ġużeppi qatt ma kien mar hemm qabel. Qatt ma kien akkumpanja lil martu, li issa kienet kważi waslet biex teħles, f’toroq li kellhom fihom anki ħallelin lesti biex japprofittaw mill-għadd ta’ pellegrini. Qatt qabel ma kellu għax ibassar jekk kienx se jasal Betlehem fil-ħin għat-twelid. Qatt ma kien ħejja biex irabbi lill-Feddej tad-dinja. Ġisem Marija seta’ jissaporti dan il-vjaġġ? Fejn kienu se joqogħdu meta jaslu? Il-ftit li kien faddal kien se jkun biżżejjed għat-taxxa taċ-ċensiment kif ukoll għall-vjaġġ ’l hemm u lura? Nazaret diġà kien raħal ċkejken b’ekonomija żgħira, biex ngħidu hekk. Iktar minn dan, ix-xogħol tiegħu ta’ mastrudaxxa ma kienx jipprovdi l-għajxien għal xi ħajja komda żżejjed. Il-vjaġġ lejn Betlehem kien se jġebbed aktar il-mezzi fqajra ta’ proviżjon li kellu Ġużeppi.

Ħaġa tafda li Alla se jipprovdi. Imma sakemm Alla jidħol għalik, hu naturali li jkollok tissielet mal-ansjetà. F’dawk il-mumenti, meta l-biża’ kien se jaħkem lil Ġużeppi, l-għarfien tiegħu tal-Iskrittura sar il-faraġ tiegħu. Ġużeppi ftakar f’Abraham, u kif Alla pprovdielu iben, fil-mod kif Mosè għadda mill-Baħar l-Aħmar, u fl-ikel ta’ Elija taħt is-siġra tal-ġummar. Meta Ġużeppi beda jissielet biex jafda fil-providenza ta’ Alla, l-Iskrittura kienet il-balzmu għall-ansjetà ta’ Ġużeppi. Meta Ġużeppi beda jibża’ dwar kif sa jipprovdi, ġera għall-Iskrittura.

Ħafna rġiel jafu xi jkun it-toqol li jridu jġorru biex jipprovdu. Fi tmiem il-ġurnata, meta kulħadd ikun jistrieħ f’soddtu, ħafna rġiel jafu xi jfisser tibqa’ mqajjem taħseb għal dawk l-erwieħ f’dawk is-sodod, il-finanzi li hemm bżonn biex jipprovdu għall-għajxien tagħhom, u ħafna affarijiet oħra dwar kif sa jipprovdu għalihom. In-nassa moħbija għal min jitħasseb iżżejjed kif ħa jipprovdi mhix daqstant l-ansjetà imma l-iżolament interjuri. Ħafna rġiel jirtiraw ġo ħsiebhom stess, jiżolaw ruħhom billi jippruvaw jaraw x’se jaqbdu jagħmlu u kif se jsolvu s-sitwazzjonijiet tagħhom waħidhom. Hekk, jistgħu jħossuhom bħallikieu l-pressjoni kollha kienet fuqhom.

Il-kwistjoni mhijiex tħossx ansjetà għax trid tipprovdi għal ħaddieħor; il-kwistjoni hi fejn sa tmur b’din l-ansjetà? X’hemm f’qalbek bħalissa dwar kif ħa tipprovdi? Iktar importanti, fejn sa tmur bl-ansjetà tiegħek?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bit-Testment il-Qadim, speċjalment bi kliem mill-profeta Iżaija. Ibda t-talba tiegħek billi taqra bil-mod Iżaija 55. Aqrah iżjed minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok tgħinni nafda fik. Għinni nafdak b’kollox. Għinni nafda li int qed taħdem tassew fil-ħajja tiegħi.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply