Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Marija tal-Anġli

Print Friendly, PDF & Email

Fis-16 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil Beata Marija tal-Anġli, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1661 sa 1717.

Kien jisimha Marianna Fontanella, u twieldet fis-7 ta’ Jannar 1661 f’Augusta fil-provinċja ta’ Turin, l-Italja. Hija kienet bint familja nobbli mill-Pjemonte.

Minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri tagħha, fl-1675, meta kien għad kellha 15-il sena, daħlet fil-monasteru Karmelitan Tereżjan ta’ Santa Kristina ta’ Turin.

Imma għall-ewwel ma setgħetx tidra bħala novizza u kienet tistmell il-mod ġdid ta’ ħajja u lill-majjistra tagħha.

Hi għaddiet minn stati għoljin ta’ talb u kienet tagħmel penitenzi ħorox. Il-fama ta’ qdusija ta’ din il-mistika Karmelitana ħarġet ukoll barra l-monasteru u ħafna kienu jfittxuha għall-pariri tagħha fosthom anki membri tal-familja rjali.

Hija kellha qima speċjali lejn San Ġużepp, li f’ġieħu hija waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri li fetħet fl-1703 biex tilqa’ fih tfajliet li ma setgħux jingħaqdu magħhom bħala sorijiet f’Turin minħabba nuqqas ta’ wisgħa.

Bosta drabi qdiet hawn bħala majjistra tan-novizzi u prijura u fittxet li tnissel fil-komunità l-imħabba mħeġġa lejn Alla wkoll meta kienet għaddejja minn provi kbar. Meta kienet ser tingħażel bħala prijura għall-ħames darba, hija ma ħassithiex kapaċi għal din il-kariga u talbet li, jekk kienet volontà ta’ Alla, hija tmut f’qasir żmien.

Fi żmien tliet ġimgħat hija mardet b’mod gravi u mietet fis-16 ta’ Diċembru 1717 fl-għomor ta’ 56 sena. Kienet iddikjarata Beata mill-Beatu Piju IX fl-1865, bħala l-ewwel soru Karmelitana Taljana li telgħet għall-ġieħ tal-altari.

Ħalliet miktub: “It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna.”

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading