Riflessjoni fuq il-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Iċ-ċentru tal-Milied għandu jkun Ġesù. Jekk huwa ma jibqax il-fus li fuqu jkunu bbażati dawn il-festi, allura għalina l-insara hemm xi ħaġa li mhix sejra tajjeb. Forsi hawnhekk nagħmlu sewwa jekk nistaqsu lilna nfusna x’inhuma l-prijoritajiet tagħna għal dawn il-festi.

1 Nagħtu aktar bixra nisranija lill-Milied

Ma ninsewx li f’dawn il-festi  jintwerew valuri  ta’ ħbiberija u ferħ. Dawn huma fihom infushom tajbin u jekk ninqdew bihom tajjeb naslu wkoll għand Ġesù. Iżda jekk ma nagħtux kas jista’ jiġrilna bħal dawk il-persuni li jiċċelebraw it-twelid ta’ tarbija u waqt il-festin hija qiegħda f’xi rokna u jaslu biex jinsew l-iskop li għalih iltaqgħu.

Tkun ħaġa qaddisa jekk nagħtu dawn il-festi aktar bixra nisranija; billi nagħmlu xi presepju fid-dar tagħna, xi statwa ta’ Ġesù tarbija, ma nagħtuhiex għal divertiment bla rażan filwaqt li nagħmlu qrara sinċiera. Niftakru li l-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien jgħid: “Christmas is a big business day” jiġifieri l-Milied huwa jum ta’ negozju kbir.

Jekk ninġarru minn dan il-kurrent inkunu tbegħidna minn Ġesù. Niftakru li huwa biss għandu l-qawwa li jagħtina l-paċi.  Għalhekk jekk infittxu l-paċi mingħajru m’aħniex ser insibuha.

Ġesù jieħu n-natura ta’ bniedem

Matul dawn il-festi jkun xieraq li nħallu ftit ta’ mumenti ta’ skiet biex nirriflettu fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni jiġifieri li Sidna Ġesù Kristu t-tieni persuna tat-Trinità Qaddisa sar f’kollox bħalna minbarra mid-dnub. San Ġorġ Preca fl-Arloġġ Museumin għandu din it-talba: “L-Iben etern tal-Missier sar bniedem minn Marija Verġni u semmewh Ġesù”.

Għalhekk sewwa li niftakru  li fil-25 ta’ Marzu l-Liturġija tiċċelebra t-tħabbira tal-anġlu Gabrijiel lil Marija Santissima. Hija aċċettat din l-istedina mingħand Alla u l-Ispirtu s-Santu nissel lil Ġesù fil-ġuf tagħha. San Ġorġ Preca kien devot ħafna ta’ din il-ġrajja tant li qabbad lil pittur il-Kav. Rafel Bonnici Cali biex  ipitter Madonna b’Ġesù f’sidirha.

Il-Knisja tiċċelebra l-Milied disa’ xhur wara. Dan jurina li għalkemm Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla ħa n-natura ta’ bniedem tassew. Kif Adam qal lil Eva: “Did-darba din hija għadam minn għadmi u laħam minn laħmi” (Ġen 2, 23) hekk Marija setgħet tgħid l-istess għal Ġesù.

Meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem huwa għolla wkoll id-dinjità tagħna l-bnedmin. Fil-ktieb tal-Ġenesi nsibu li Alla ħalaq lill-bniedem fuq xbieha tiegħu. Bit-twelid tiegħu fid-dinja Ġesù sar wieħed minna u qasam l-esperjenza umana minbarra d-dnub. F’ħajtu huwa kien jikber, ibati, kien jgħejja, jaqbdu l-ġuħ u l-għatx, kien jibki kif ukoll jifraħ.

Ladarba l-bniedem huwa maħluq fuq xbieha ta’ Alla u Ġesù sar bniedem bħalna minbarra d-dnub, jistħoqqlu kull gieħ u rispett avolja ġie li jiżbalja. Iżda anki jekk jagħmel xi ħaġa ħażina jew igiegħel lil ħaddieħor ibati, xorta waħda jibqagħlu d-dinjità.

3 Inħobbu lill-proxxmu tagħna

Għalhekk għandna nħobbu l-proxxmu tagħha huwa min huwa u minn kull fejn ġej għax fih naraw lil Kristu. Infatti huwa stess jgħidilna li fil-ġudizzju universali sejrin inkunu iġġudikati fuq l-opri tal-ħniena għax dawn inkunu qisna għamilnihom miegħu stess. Huwa stess qalilna li ser jgħid lit-tajbin: “Ngħidilkom is-sewwa, kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). U ta’ dan jirċievu premju filwaqt li l-ħżiena jirċievu l-kastig talli ma għamlux karità mal-proxxmu għax din l-azzjoni qishom għamluha lil Kristu. San Ġwann tas-Salib jgħidilna: “Fit-tmiem ta’ ħajjitna niġu ġġudikati fuq l-imħabba”. U jekk inħobbu lil Alla nħobbu wkoll lil proxxmu.

Għalhekk nieħdu bis-serjetà l-imħabba tal-proxxmu jkun min ikun saħansitra lill-għedewwa tagħna. Inkunu ngħinu lill-proxxmu tagħna mhux biss meta nagħtuh għajnuna materjali, iżda wkoll meta nagħtuh xi parir tajjeb, nisimgħuh u ma nikkritawhx bla bżonn.

L-għajnuna lill-proxxmu narawha fil-parabbola tal-għani u Lazzru. L-għani kien jilbes ilbies ta’ lussu u jagħmel l-ikliet filwaqt li wara biebu kellu tallab. Dan jgħallimna li ma għandniex ningħalqu fina nfusna u ma jimpurtaniex mill-oħrajn. Dan nistgħu nagħmluh permezz ta’ xi kelma ta’ inkoraġġiment, sapport lill-oħrajn fid-difffikultajiet tagħhom u nisimgħu l-problemi tagħhom. Din it-tip ta’ għajnuna lill-proxxmu hija imprezzabbli peress li hawn tendenza li anki l-membri tal-istess familja jitbiegħdu minn xulxin minħabba dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda li għandna f’idejna. Il-filosofu prominenti reliġjuż Ortodoss Russu, Nikolai Berdyaev (1874-1948), jgħidilna: “Kull att morali ta’ mħabba, ta’ ħniena, u ta’ sagrifiċċju jeqirdu mid-dinja, li hija mimlija bihom, il-mibegħda, il-krudeltà, u l-egoiżmu.”

Iżda l-akbar att ta’ mħabba huwa li taħfer lil min naqsek jew għamillek il-ħsara. Ma ninsewx li l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu fil-Milied huwa li naħfru lill-għedewwa tagħna u jekk nistgħu nirranġaw nagħmlu dan. L-għada tal-Milied niċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu. Dan l-ewwel martri tal-Knisja waqt li kienu jħaġġruh talab għall-għedewwa tiegħu. Dan il-qaddis mexa fuq il-passi ta’ Kristu li ħafer lil dawk li sallbuh. Parti minn talba li jisimha l-Vittma miktuba minn San Ġorġ Preca tgħidilna: “Isma l-leħen tad-demm ta’ dan Ħuna s-saċerdot, qaddis u etern, jgħajjat quddiemek: maħfra, paċi u saħħa”

Minn Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: