Verbum Dei Caro Factum Est


Bil-Latin, imma hi frażi popolari li San Ġorġ Preca ried li ngħiduha, inkantawha, tintlibes bħala badge u titqiegħed fil-bidu tal-korrispondenza tal-Membri tas-Soċjetà li beda u li għadha twassal il-messaġġ tiegħu. San Ġorġ Preca kellu devozzjoni kbira lejn l-Inkarnazzjoni.

Misteru kbir

Museum disk.jpgL-Inkarnazzjoni hi misteru kbir. Alla, hekk kbir, jitwieled tarbija! ”L-Iben etern tal-Missier sar bniedem minn Marija Verġni, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu u semmewh Ġesu’.”(mil-L-Arloġġ, il-ktieb tat-talb tas-Soċji tal-MUSEUM). Ix-xandir ta’ din il-verita’ ġie afdat, iva lill-Knisja, imma wkoll bħala wirt ta’ San Ġorġ Preca lill-membri tal-Għaqda tiegħu. It-tradizzjoni fi ħdan il-MUSEUM għenet biex dan il-wirt ma jisfumax, biex jibqa’ marbut mal-essenzjal li hu l-misteru li hemm fl-Inkarnazzjoni. San Ġwann Krisostmu, fl-Omelija tiegħu fuq il-Vanġelu ta’ San Mattew, jiskanta b’min jippretendi li jista’ jispjega t-tnissil ta’ Ġesu’ għax l-Inkarnazzjoni tibqa’ misteru li jaħrab lil kull investigazzjoni mir-raġuni. Għax kif l-infinit ingħalaq ġo ġuf ta’ omm? Kif dak li jesa’ kollox qed jinġarr minn mara? Kif Verġni twelled u tibqa’ verġni? Kif l-Ispirtu s-Santu sawwar dan it-tempju?

Fil-Knisja tas-Salvatur, f’Istanbul, it-Turkija, hemm xbieha li tirrappreżenta lill-Verġni Marija u Binha. Ħdejn ix-xbieha hemm kitba li hi ġabra tat-teoloġija Marjana fil-kultura Biżantina. Il-kitba li ssejjaħ lil Ġesu’, li qiegħed f’dirgħajn Marija, bħala l-art, l-ispazju, il-post li jesa’ fih il-ħajjin kollha, filwaqt li Marija hi msejħa dik li fiha hemm dak li mkien ma jesgħu.

Enzo Bianchi, awtur magħruf, hu monaku lajk u fundatur tal-komunita’ monastika Di Bose. jirrifletti hekk fuq il-kobor tal-misteru ta’ l-inkarnazzjoni:
• Marija hi l-post, l-ispazju li fih laqa’ lil Dak li jimla kull spazju u li mkien ma jesgħu.
• Marija hi l-post viżibbli ta’ Alla inviżibbli.
• Marija hi l-post fejn ħa l-ġisem Alla, li hu spirtu.
• Marija hi l-post fejn l-immortali sar jista’ jmut.
• Marija hi l-post fejn l-etern twieled fiż-żmien.
• Marija hi l-post fejn, minn ħdan il-Missier, l-Iben ġie fostna fil-ġuf ta’ Marija.
• Marija hi l-post fejn il-kelma ta’ Alla, li kienet mill-bidu, saret laħam f’Marija u fiha saret Kelma li tinstema’, preżenza viżibbli għall-bnedmin.
• Marija hi dik li fuqha, mara bint Eva, niżel l-Ispirtu s-Santu biex jagħti lill-umanita’ dak il-bniedem Ġesu’ li Alla biss seta’ jagħti.

Prologu għal qalb Dun Ġorġ

Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni kien tant għal qalb San Ġorġ Preca. Il-qima tiegħu fil-misteru nbniet b’riflessjoni profonda ta’ l-istqarrija ta’ l-Evanġelista San Ġwann. Il-frażi fl-ewwel kap ta’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann: “U l-Kelma saret ġisem, u għammret fostna”. (Ġw 1,14) kienet taffaxxina ħafna lil Dun Ġorġ. Xhieda ta’ dan hu Ewġenju Borg li kien jirrakkonta li Dun Ġorġ kien jieħdu għalih waħdu fil-kampanja ta’ Santa Venera u joqgħod jispjegalu l-Bibbja, “u b’mod speċjali l-prologu ta’ San Ġwann”. Dwar dan il-prologu Dun Ġorġ kien qallu: “Dawn huma versi tqal u huma l-fundament tar-Reliġjon tagħna.”

In-Novena

berbum dei.JPGForsi bla ma jaf, San Ġorġ Preca ħa l-parir ta’ San Ġwann tas-Salib li, biex ikollna ftit dawl għal dan il-misteru, jgħidilna: “Itfa’ ħarstek fuq Kristu.” Hekk stieden San Ġorġ Preca lill-membri tiegħu biex jirreflettu fuq dan bil-ktejjeb tiegħu ‘L-Iskola ta’ Betlem’ li ssir tul in-Novena tal-Milied. Ried li ”nieqfu bil-ħsieb tagħna quddiem l-Imgħallem Divin tagħna, imwieled tarbija, u nieħdu minnu t-tagħlim tal-ħajja eterna.”

L-Iskola ta’ Betlem hi laqgħa ta’ adorazzjoni quddiem il-verita’ li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u mod kif San Ġorġ Preca ried li l-membri tiegħu jħejju ruħhom b’novena għall-festa tal-Milied. Kien hemm żmien li l-Iskola ta’ Betlem kienet issir billi l-membri jġibu quddiem għajnejhom lil Ġesu’ tarbija fil-grotta ta’ Betlem u jissieħbu ma’ Ġużeppi u ma’ Marija, jaduraw ’I Alla magħmul bniedem. Jistħajlu li l-anġlu kustodju jindikalhom fuqiex għandhom jaħsbu f’dik il-ġurnata. L-anġlu jgħid lill-membru: ”X’jidhirlek mill-virtu’ tal-Umilta’,…?” Imbagħad ifaħħru l-kliem tal-Verbum Dei u jgħidu l-Glorja għal disa’ darbiet.

Is-sehem ta’ Marija

San Ġorġ Preca ta lil Marija s-sehem tagħha fl-Inkarnazzjoni. Ma kienx ħafif għal Marija li tgħid ’iva’, li switilha tant tbatija. Imma b’imħabba kbira u għax riedet, tatna lil Binha. Santa Katerina ta’ Siena (1380) qalet hekk lill-Madonna, fit-talba O Marija, tempju tat-Trinita’:

… l-Iben ta’ Alla ma ġiex fil-ġuf tiegħek
qabel ma int aċċettajtu bil-volonta’ tiegħek.
Huwa stenna fil-bieb tal-volonta’ tiegħek
sakemm inti tiftaħlu,
u ma kienx jidħol
kieku inti ma ftaħtlux meta għidtlu:
“Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej.
Ikun minni skond kelmtek.”

Dun Ġorġ qiegħed dan il-ħsieb fil-prattika meta huwa nnifsu kkummissjona għal darbtejn lill-pittur Rafel Bonnici Cali’ l-kwadru ta’ Marija filwaqt li Hi qiegħda taċċetta Ii tkun Omm il-Feddej. Din il-pittura tal-Kelma ta’ Alla fil-ġuf ta’ Marija hi magħrufa fostna bħala l-Madonna tal-Ver¬bum Dei.

Il-purċissjoni tal-Bambin

Fil-purċissjoni tal-Bambin naraw każ ta’ kif iċ-ċelebrazzjoni ta’ misteru ġġibu qrib in-nies. San Ġorġ Preca ikkonkre¬tizza l-imħabba tiegħu lejn il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni permezz tad-‘dimostrazzjoni’ ta’ Ġesu’ Bambin fit-toroq ta’ l-ibliet u l-irħula Maltin. Użanza ftit u xejn kurjuża fl-ewwel snin tas-Soċjeta’ hi marbuta ma’ din id-dimostrazzjoni ta’ Ġesu’ Bambin. Kien hemm żmien meta din id-dimostrazzjoni Dun Ġorġ riedha ssir fid-djar tal-MUSEUM kull 25 tax-xahar, bil-¬kant ta’ l-Adeste Fidelis. (li lluminkantawha Ninġabru Insara. Imma kemm-il darba din il-ħaġa kienet tistona xi ftit, speċjalment meta l-25 tax-xahar kien jaħbat qrib il-Ġimgħa Mqaddsa! Maż-żmien id-dimostrazzjoni ta’ kull xahar fil-Qasam spiċċat u flokha San Ġorġ Preca daħħal il-”Kult tal-Verbum Dei” biex jieħu post talba fl-¬Arloġġ Museumnin, (ara iktar ‘il fuq) kull 25 tax-xahar.

San Ġorġ Preca kellu entużjażmu għat-tixrid tal-Verbum Dei. Huwa stampa ħafna kartonċini bil-kliem stampat Verbum Dei caro factum est u qassmu bl-eluf fil-veru sens tal-kelma. Kiteb fuljetti li qalibhom f’lingwi oħra, fosthom l-Ingliż u l-Franċiż. Dun Ġorġ ried li l-membri tal-Għaqda tiegħu jġibu fuqhom il-badge li fuqha jkun hemm il-kliem Verbum Dei caro factum est. Anzi huwa xtaq li din il-badge tintlibes minn kulħadd. Kien hemm żmien meta fil-purċissjoni tal-Milied it-tfal kienu jingħataw Verbum Dei tal-karti u kulħadd kien ikun biha fil-purċissjoni tal-Bambin.

Drawwa li daħlet ħafna snin ilu fis-Soċjeta’ tal-MUSEUM hi dik tal-għoti ta’ grotti u xbihat tat-tarbija Ġesu’ fil-premjazzjoni tal-Milied. Huma premjijiet li jsiru b’imħabba mill-membri tal-MUSEUM. Din id-drawwa hi mod prattiku kif il-misteru tal-Inkarnazzjoni jitwassal b’mod sabiħ għand il-familji tat-tfal li jkunu rċevew il-premju.

“Alla hekk ħabb lid-dinja”

San Ġorġ Preca kien konvint mill-verita’ li Alla ”hekk ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu l-waħdieni”. Il-ġrajja ta’ l-Inkarnazzjoni kienet aħbar li ma setgħetx tibqa’ magħluqa ġo fih. Ħadem għal dan, u rnexxielu. F’idejna li nkomplu l-inizjattiva tiegħu, fost oħrajn billi niċċelebraw in-Novena tal-Milied, niggustaw l-Iskola ta’ Betlem u b’entużjażmu ngħaddu mit-toroq b’Ġesu’ Bambin. Inkunu mhux biss infakkru l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni, imma nesprimu l-konvinzjoni li Alla għad għandu lill-bniedem fil-ħsieb tiegħu.

Kitba ta’ Joe Galea

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.