L-omelija tal-Kardinal Giovanni Battista Re fil-funeral tal-Kardinal Prospero Grech


Fuq l-altar tal-Katedra tal-Bażilika tal-Vatikan, nhar il-Ħamis 2 ta’ Jannar 2020 filgħodu sar il-Funeral tal-Kardinal Prospero Grech, Djaknu ta’ Santa Marija Goretti. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku ppresieda r-rit tal-“ultima commendatio” u tal-“valedictio”. Din hija l-omelija li għamel il-Kardinal Giovanni Battista Re.

cardinal re
Il-Kardinal Giovanni Battista Re fil-funeral tal-Kardinal Prospero Grech. 2 ta’ Jannar 2020.

“Kunu lesti… bl-imsiebaħ tagħkom mixgħula… kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Kunu lesti… għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Lq 12:35-40).

Din it-twissija, li smajna tidwi fil-Vanġelu ftit tal-ħin ilu, hija fost l-aktar magħrufa fil-Bibbja kollha u l-esperjenza ta’ kuljum tikkonfermalna l-attwalità inevitabbli tagħha.

U safrattant, kull darba li l-Mulej jiġi jħabbat fuq il-bieb ta’ persuna li nkunu nafuha, il-wasla tiegħu kważi dejjem taqbadna fuq sieq waħda. Tant aħna b’mod naturali marbutin ma’ din il-ħajja, li faċilment nilludu ruħna, ikunu xi jkunu l-età u l-kundizzjonijiet ta’ saħħitna.

Fil-lejl tal-Milied il-Kardinal Prospero Grech kien hawn f’din il-bażilika jikkonċelebra fil-quddiesa mal-Papa. It-Tnejn li għadda, bħas-soltu, kien qed jiekol mal-komunità Agostinjana, jitħaddet bil-mod affabbli tiegħu, u ftit tas-sigħat wara l-Mulej sejjaħlu għal għandu.

Żgur mhux forsi li l-mewt ma sabitux mhux imħejji. Il-ħajja twila tiegħu – kien għadu kemm għalaq 94 sena lejlet il-Milied – u l-ħajja kkonsagrata tiegħu lil Alla fl-Ordni ta’ Santu Wistin kienu poġġewh fi stennija għall-aħħar sejħa. Iċ-ċertezzi tal-fidi, li kien għallem lill-oħrajn, kienu tawh l-għarfien ċar li l-mewt tfisser dħul fil-ferħ tal-kobor bla tarf tal-imħabba ta’ Alla.

Id-dimensjoni ċentrali tal-ħajja twila u ħabrieka tal-Kardinal Grech, barra dik tipika ta’ reliġjuż tal-Ordni tal-Agostinjani, kienet l-istudju u t-tagħlim tat-Teoloġija, f’fedeltà sħiħa lejn il-Maġisteru tal-Knisja.

Twieled fil-gżira ta’ Malta fl-1925 u ta’ tmintax-il sena talab biex jidħol jagħmel parti mill-Ordni ta’ Santu Wistin. Wara l-professjoni reliġjuża, li fiha ħa l-isem ta’ Prospero, u wara li temm f’pajjiżu l-istudji filosofiċi, fl-1946 intbagħat fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika f’Ruma biex jistudja t-teoloġija u ġie ordnat saċerdot fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran nhar il-25 ta’ Marzu 1950. Wara li temm id-dottorat fit-teoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjana, mar fl-Istitut Bibliku, fejn ħa l-lawrja summa cum laude.

Dritt wara, Patri Prospero rritorna Malta, fejn għallem għal sentejn fil-Kulleġġ Agostinjan tat-Teoloġija u fil-Kulleġġ Mater Admirabilis tar-Rabat.

Fl-1957 kiseb borża ta’ studju mill-Kunsill Brittaniku biex imur fl-Università ta’ Oxford. Is-sena ta’ wara ntbagħat fl-Università ta’ Cambridge bħala Assistent Riċerkatur.

Fl-1959 Patri Prospero rritorna Malta biex jissokta jiddedika ruħu għat-tagħlim, u reġa’ kopra l-istess inkarigi li kellu sentejn qabel.

Imma ftit wara ġie magħżul bħala Segretarju tal-Isqof Pietru Kanisju van Lierde, Vigarju Ġenerali tal-Papa għall-Belt tal-Vatikan u Sagrista Pontifiċju. U hekk ġie jgħix hawn il-Vatikan.

Fid-dawl tal-preparazzjoni kulturali u teoloġika li kellu, fl-1965 ġie maħtur President tal-Istitut Teoloġiku Augustinianum u, xi snin wara (1970), flimkien ma’ Patri Agostino Trapè, waqqaf il-magħruf Istitut Patristiku Augustinianum, li sar l-ewwel Kap tiegħu.

Bħala konsultur tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi kellu kollaborazzjoni qawwija mal-Kardinal Ratzinger u kien ukoll membru tal-Akkademja Pontifiċja Teoloġika, tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika, u tal-Assoċjazzjoni Patristika Internazzjonali.

Barra minn hekk, għal iktar minn għoxrin sena għallem l-ermenewtika fl-Istitut Bibliku Pontifiċju u t-teoloġija biblika fl-Università Pontifiċja Lateranensi. Għamlet isem il-produzzjoni tiegħu ta’ artikli u ta’ volumi fuq l-ermenewtika tal-Iskrittura Mqaddsa u fuq il-Patristika.

Flimkien ma’ din il-ħidma straordinarja ta’ studju u ta’ tagħlim, Patri Prospero dejjem sab il-ħin biex jiżvolġi ħidma pastorali kbira fil-Kappella ta’ Santa Monika, miftuħa għall-pubbliku, fejn minn qalbu kien ikun disponibbli anki għall-qrar.

Fil-konċistorju ta’ Frar 2012, il-Papa Benedittu XVI ħatru kardinal tal-Knisja Mqaddsa Rumana, u tah id-Djakonija ta’ Santa Maria Goretti, u fl-istess ħin ippromovieh għall-episkopat.

Bniedem ta’ fidi qawwija u studjuż ta’ Missirijiet il-Knisja, il-Kardinal Prospero Grech kellu passjoni kbira għal Santu Wistin u kien jemmen qatigħ fl-attwalità tat-tagħlim tiegħu. Kienet konvinzjoni tiegħu li “meta naqraw lil Santu Wistin, insibu fih xi ħaġa minna nfusna”. Dwar dan, f’bosta okkażjonijiet hu stqarr li Santu Wistin, fuq kollox fil-ktieb tal-Istqarrijiet tiegħu, jitkellem fuqu nnifsu, fuq l-esperjenza tiegħu, imma “billi dan jittratta l-esperjenza li l-bniedem jgħix f’kull żmien, allura meta naqraw lil Santu Wistin inkunu naqraw xi ħaġa dwarna nfusna, dwar il-problemi tal-Knisja llum, dwar il-problemi tas-soċjetà, dwar ir-relazzjonijiet bejn Stat u Knisja, u l-bqija, għax”, ikkonkluda, “biżżejjed taqra xi opra ta’ Santu Wistin u dejjem ħa ssib xi ħaġa li tkellem direttament lill-qalb”.

Il-liturġija ta’ din il-quddiesa tistedinna nerfgħu ħarsitna lil hemm mill-ħitan tal-mewt, lejn dik id-dinja li fiha l-Kardinal Grech issa daħal.

Fl-ewwel qari tal-quddiesa, mill-ktieb tal-Profeta Eżekjel, smajna kliem mimli faraġ u ta’ tama bla tarf: “Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’ tgħix… u tkun taf li jiena l-Mulej”.

Il-viżjoni tal-profeta teħodna lejn it-trijonf defenittiv ta’ Alla, meta għad iqajjem lill-mejtin kollha mill-ġdid għall-ħajja bla tmiem. Il-profeta jitkellem dwar “eżerċtu kbir fuq li kbir” u jagħtina x’naħsbu li dawk salvati sa jkunu għadd kbir tassew. Fost dawn irridu naħsbu li hemm ukoll dan Ħuna, li kien reliġjuż ta’ tagħlim kbir u ta’ spiritwalità qawwija, li ħabb lill-Knisja u l-ħajja reliġjuża u, fuq kollox, li dejjem qiegħed lil Alla fl-ewwel post u fuq kollox.

Issa aħna fit-talb tagħna nafdaw lil ruħu f’dirgħajn Alla, li dwaru bħala teologu tant drabi tkellem u kiteb.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.