Iċċelebrat il-funeral tal-Kardinal Prospero Grech


Fuq l-altar tal-Katedra tal-Bażilika tal-Vatikan, nhar il-Ħamis 2 ta’ Jannar 2020 filgħodu sar il-Funeral tal-Kardinal Prospero Grech, Djaknu ta’ Santa Marija Goretti. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku ppresieda r-rit tal-“ultima commendatio” u tal-“valedictio”.

prospero.jpg

Il-quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Viċi-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali (qed nippubblikaw hawn taħt it-test tal-omelija tiegħu).

Ikkonċelebraw sbatax-il kardinal, fosthom Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat, sitt isqfijiet – fosthom Charles Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u Segretarju Aġġunt tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, u Mario Grech, Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet – u għadd ta’ prelati u saċerdoti, bosta minnhom ta’ oriġni Maltija. Fost dawn Leslie Gatt, il-Provinċjal tal-Agostinjani.

Mal-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat fis-Santa Sede kien hemm l-Arċisqof Paul Richard Gallagher, Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, flimkien ma’ Mons. Luigi Roberto Cona, Assessur tas-Segreterija tal-Istat, u Mons. Joseph Murphy, Kap tal-Protokoll. Għar-rit assistew tliet kardinali u l-Arċisqof Georg Gänswein, Prefett tad-Dar Pontifiċja.

Fost dawk preżenti, George Vella, President tar-Repubblika ta’ Malta, Carmelo Abela, Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Frank Zammit, Ambaxxatur għas-Santa Sede. Għadd ta’ ekkleżjastiċi, ir-reliġjużi – fuq kollox tal-Ordni ta’ Santu Wistin, fosthom il-Prijur Ġenerali Patri Alejandro Moral Antón – u l-lajċi li ħadu sehem flimkien ma’ xi sorijiet, akkumpanjati mill-Badessa tal-Monasteru Ruman tas-Santi Quattro Coronati. Il-Kardinal Grech sa jiġi midfun f’Malta f’kumpless tal-Ordni Agostinjan.

Rapport għal-Laikos minn Francesco Pio Attard

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.