Lectio Divina fl-Epifanija tal-Mulej. Sena A


VANĠELU (Mt 3, 13-17):  Wara 30 sena ta’ ħajja moħbija,   Ġesu jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-pubbliku.  Ġwanni kien jistieden lin-nies biex mill-lvant tal-Ġordan,  jinżlu jitgħammdu fix-xmara, u mbagħad jaqsmu għall-Punent.  Il-post jismu Bethabara, viċin il-Baħar il-Mejjet.

Dan simbolu ta’ meta Ġożwe għamel l-istess 1200 sena qabel, biex b’hekk daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda.  B’hekk spiċċa għalihom il-jasar u bdew jgħixu ta’ nies liberi.  Issa Ġwanni qed idaħħal il-Lhud fl-Art Ġdida, taħt ordni ġdid li dalwaqt ser iwaqqaf Ġesu Kristu.   Min kien jitgħammed kien jistqarr dnubietu.  Għalhekk inħasad meta resaq Ġesu,  il-Ħaruf  bla tebgħa, u ma riedx jgħammdu.  Ġesu jikkalmah:  “Int għalissa ħallik minn dan.  Jixraq li ntemmu s-sewwa (il-ġustizzja) kollu.”  Din se tkun ġustizzja ġdida ta’ Alla ħanin u mhux vendikattiv.  Ġesu jitgħammed u jaqsam ix-xmara għan-naħa l-oħra.  Jirfes fuq l-art tal-liberta, imma issa mhux liberta mill-iskjavitu tal-Eġittu, imma liberta mill-iskjavitu tad-dnub u minn l-idejat foloz li kellhom ta’ Alla u tal-Messija.

Mattew illum joffrilna tliet immaġini:

  1. Infetħu s-smewwiet: Alla kien ikellem il-poplu Lhudi permezz tal-profeti. Meta spiċċaw il-profeti, il-poplu ma kellux ħjiel x’kien qed jitlob Alla minnhom.  Qishom is-smewwiet (plural, għax kienu jgħidu li kien hemm 7) ingħalqu.  Issa li Alla kien se jkellimhom permezz ta’ Ġesu, qishom is-smewwiet reġgħu infetħu. F’ Is. 64 għandna l-poplu skjav fil-Babilonja.  Għalhekk jitolbu lil Alla: “ Mhux li kien li tifqa’ s-smewwiet u tinżel tgħinna!”  Illum Alla qed iwettaq din ix-xewqa bil-miġja ta’ Kristu u bil-bidu tal-missjoni tiegħu fuq l-art.
  2. Ħamiema: bħal dik li dehret l-ewwel darba wara d-dulluvju –simbolu ta’ paċi u ħlewwa. L-Ispirtu li niżel fuq Ġesu biex itih il-forza neċessarja biex iwettaq il-missjoni tiegħu, huwa Spirtu ta’ paċi u ħlewwa liema bħala. Ġesu rari nkorla, u dan ma’ dawk ta’ rashom iebsa jew l-ipokriti.  Imma mal-midinbin, mal-adulteri, mal-fqar, mal-morda, eċċ kien ta’ ħlewwa kbira.  Wara d-dulluvju Alla wiegħed li qatt mhu se jerġa’ jibgħat xita bħal dik.  Mhux ix-xita, jew xi kastig ieħor,  se tibdel il-qalb tal-bniedem,  imma dan l-Ispirtu ħelu li jġib il-paċi.
  3. Il-vuċi mis-sema: Il-Missier Etern jirrikonoxxi u jikkonfermalna  lil Ġesu bħala Ibnu l-waħdieni.  L-ortodossi jqisu dan il-jum bħala l-Epifanija – il-manifestazzjoni ta’ Ġesu bħala Adam il-ġdid.  Ġesu Kristu hu l-Iben tal-Missier Etern għax jixbħu, mhux fil-fattizzi  fiżikali, imma fl-attributi kollha t’Alla: imħabba, verita, tjubija, eċċ.  Il-Missier qed jiggarantilna li Ġesu hu awtentiku u dak li se jgħid u jagħmel daqs li kieku qal u għamel il-Missier Etern stess.  Ejjew din is-sena nilqgħu bil-ferħ il-Kelma ta’ Kristu b’ħafna aktar entużjażmu milli mis-snin li għaddew.

Lachiesa.it/liturgia/omelie/data/cerca/fr fernando armellini

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.