Fil-konverżjoni ta’ San Pawl hemm il-bidu tal-konverżjoni tagħna


Is-Sibt, 25 ta’ Jannar 2020: Quddiesa tal-Konverżjoni ta’ Missierna San Pawl fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

Capture

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fl-esperjenza li jgħaddi minnha Pawlu fit-triq ta’ Damasku, il-Mulej Ġesù juri li huwa ħaġa waħda mal-komunità tal-fidi, mal-Knisja. Meta jkellmu jgħidlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” “Min int, Mulej?” jistaqsi Sawl. “Jiena Ġesù li qiegħed tippersegwita” (Atti 22:7-8).

Min jaf kemm-il darba rrifletta fuqha din l-espressjoni l-Appostlu Missierna. Nafu li frott l-ispirazzjoni tal-ispirtu u t-talb tiegħu, hu elabora, fisser li aħna l-ġisem ta’ Ġesù, il-Knisja hija l-ġisem ta’ Ġesù u li fiha, il-ġisem ta’ Ġesù hu r-ras. Jekk xi ħadd jippersegwita lill-Knisja, lill-komunità ta’ dawk li jemmnu, Ġesù ma jgħidx: ‘qed tippersegwita l-Knisja tiegħu’, ma jgħidx: ‘qed tippersegwita d-dixxipli tiegħi’, jgħid: “qed tippersegwitani”. Ġesù joħloq propju din ir-relazzjoni ta’ identità mal-komunità.

Lil dan ir-raġel magħżul bħala appostlu jafdah lill-komunità: “Imma issa, qum u mur il-belt u jgħidulek x’għandek tagħmel” (Atti 9:10). Ġesù lil Sawl ma jgħidlux x’għandu jagħmel imma jafdah lill-Knisja. Mhuwiex Ġesù f’din l-esperjenza fit-triq ta’ Damasku li jgħidlu x’għandu jagħmel. Hu jindikalu fejn għandu jmur u jindikalu li se tkun il-komunità tal-fidili, ta’ dawk li jemmnu li se tgħidlu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih.

U fil-fatt huwa Ħananija li jinterpreta r-rieda ta’ Alla għal Sawl. Għax deherlu l-Mulej lil dan Ħananija, Ħananija wera d-disponibbiltà biex jisma’ lil Alla u l-volontà tiegħu u l-Mulej jgħidlu: “Mur malajr fit-triq id-dritta li hemm fid-dar ta’ Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu jismu Sawl, dan qiegħed jitlob, għax ra raġel jismu Ħananija dieħel ħdejh u jqegħedlu jdejh fuqu biex jerġa’ jieħu d-dawl” (Atti 9:11-12).

Ħananija jidħol fi djalogu mal-Mulej. “Jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm” (Atti 9:13). Anke hawnhekk fir-risposta ta’ Ħananija, il-protagonista hija l-komunità, “il-komunita tal-qaddisin”. Ismu Ħananija ġa jgħidilna għaliex aħna qaddisin. Ħananija tfisser ‘Alla ħanin’, l-istess għerq ta’ Joħanan, ta’ Ġwanni. Dak li huwa mibgħut biex jgħammed lill-Appostlu Missierna jurih il-ħniena ta’ Alla jiġi u hu mibgħut f’isem il-ħniena ta’ Alla.

U x’jgħidlu lil Sawl, Ħananija? “Mur, Sawl ħija, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħtni biex inti terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 9:17). Hekk il-Mulej biex jagħti l-Ispirtu s-Santu lil Sawl jinqeda bil-Knisja u bis-sagramenti tiegħu. Ħananija lil Sawl jgħidlu: ‘X’inti tistenna? Qum u tgħammed’ (Atti 22:16). U hekk jaqgħu minn għajnejh qxur, qam u tgħammed u ħa xi ħaġa tal-ikel u stejqer.

Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-festa tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, napprezzaw kemm Ġesù jixtieq li niskopruh u nsibu l-ħniena tiegħu, il-vokazzjoni tagħna, il-missjoni li jafdalna permezz tal-Knisja. U aħna dan nitolbu llum, b’mod speċjali f’din is-sena, li aħna nifhmu li ma tistax inti tiltaqa’ ma’ Ġesù jekk mhux permezz tal-Knisja tiegħu, il-misteru kbir u tremend li għalih ħafna drabi, aħna li suppost nkunu xhieda tal-Mulej Ġesù, minflok xhieda nagħtu l-maqlub tax-xhieda, miflok testimonjanza, kontro testimonjanza.

Illum niltolbu maħfra wkoll ta’ kemm-il darba minflok niffaċilitaw il-laqgħa tal-umanità ma’ Ġesù, aħna l-familja tiegħu, kultant infixklu din il-laqgħa. Il-Mulej ħerqan li jiltaqa’ mal-bniedem. Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu li jixtieq jaħdem fostna u permezz tagħna għall- konverżjoni tad-dinja. Aħna bir-raġun niċċelebraw qed din il-festa b’solennità kbira għax fil-konverżjoni ta’ dan ir-raġel hemm il-bidu tal-konverżjoni tagħna. Permezz tiegħu, tal-miġja tiegħu fostna, il-Mulej stedinna biex insiru parti mill-Knisja, parti minn dawk li ħadu d-dawl u saru dawl għad-dinja.

“Alla ta’ missirijietna għażlek,” jgħidlu Ħananija, “biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax inti għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (Atti 22:14-15). U hekk għamel fostna. Ġie nawfragu ma’ 275 persuna oħra għax b’kollox kienu 276, u aħna lqajnieh u meta lqajnieh, ilqajna wkoll lil min bagħtu: lil Ġesù.

Nitolbu l-grazzja biex il-konverżjoni ta’ San Pawl Missierna tkompli tħalli fir-ruħ tagħna dak il-frott sabiħ ta’ għaqda u paċi li l-Mulej jixtieq għall-Knisja tiegħu.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 22: 3-16
Salm: 116
Evanġelju: Mk 16: 15-18