Kif jarana HU!


Kemm ngħaddu minn affarijiet fil-ħajja! Kemm nħabbtu wiċċna ma’ diffikultajiet! Kemm niltaqgħu u abbli nkunu parti minn stejjer ukoll! Ġieli nfassluhom aħna u ġieli jiġu fuqna! Kos hux!

Imma dik hi l-ħajja! U għalhekk, quddiem il-Mulej, ħadd m’hu aħjar minn ħadd! Għax kollha f’keffa waħda qiegħdin! Il-bniedem hu u l-Mulej waħdu jafu minn xiex tabilħaqq jgħaddi! Għax il-ħajja hi dik li hi! U l-isfidi qiegħdin hemm! Għal kulħadd! Għax hekk hi n-nisġa, l-ewwel jirħulek imbagħad idoqqu t-tromba bik! L-ewwel iduru miegħek u jgħolluk fuq l-ispallejn imbagħad jixtħuk taħt saqajhom ħa toqgħod hemm isfel, taqla’ id-daqqiet!

L-istejjer li l-Mulej jagħtini l-grazzja nisma’ f’ħajti jgħinuni aktar ninfetaħ għall-Mulej u naċċetta lili nnifsi kif jien. Bit-tlajja’ u l-inżul ta’ ħajti! Għax fil-ħajja min jista’ jieħu l-ħajja ta’ xi ħadd u joqgħod jipponta u jiġġudika lil dak ix-xi ħadd? San Pawl tassew jogħġobni l-għaliex kelma ma jogħmodhiex. Imma jgħidha! Mhux għax tkun fuq l-istonku tiegħu! Safejn naf jien San Pawl ma temmagħniex il-velenu imma żaqqna bl-ikel safi tal-Kelma tal-Mulej! Mela, anki hawn irridu nagħmel naqra attenzjoni meta nwaħħalha f’rasi li rrid nikklirja. Iż-żibel San Pawl ma tahulniex. Sempliċiment l-għaliex ħalla lill-Mulej joħodhulu Hu u jbiddilulu fil-ħlewwa mimlija mħabba tiegħu.

Fl-Ittra tiegħu lill-Korintin jgħidilna hekk: Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu (1 Kor 4:3-5).

Tajba Pawl ħi! Ma jimpurtakx kif ħa tiġi iġġudikat minn xi tribunal tal-bnedmin. Mela, mill-qrati! Imma dan tagħmlu b’għerf! Għax int lanqas lilek innifsek ma tiġġudika! U dan tagħmlu avolja, safejn dejjem taf inti, m’għandekx xi ixxomm taħt idejk! Kemm jogħġobni l-fatt fik Pawl li int se tħalli lill-Mulej waħdu biex jagħmel il-ġudizzju minnek Hu! Għax Hu biss jista’, tabilħaqq, joħroġ il-fehmiet mistura tal-qlub! Prosit Pawl ħi!

Din il-biċċa għerf li l-Ispirtu s-Santu ta lil San Pawl fakkrittni f’sentenza li tgħallimt fuq il-bank tal-Museum: Il-Knisja u l-Gvern jiġġudikaw fuq l-estern imma Alla jiġġudika l-intern. Din il-biċċa xogħol lili tferraħni u timlieni b’kuraġġ kbir! Għax, il-qjies tal-Mulej, tassew li m’għandux x’jaqsam mal-qjies li npoġġu aħna. U bil-kejl li bih inkejlu lil ħaddieħor aħna. Midinbin! Ajma! L-aktar jekk dak, jagħmel x’jagħmel, għax tal-qalba, dejjem skużat! Imma l-ieħor, għax ma jinżillix, u m’għandux min fil-klikka jaqbeż għalih, dak li jagħmel dejjem ħażin!

Barra minhekk, irridu niftakru wkoll li kull bniedem ikollu l-fażijiet tiegħu f’ħajtu. Anki jekk nibdew nirraġunaw li dan ma jiskużax hekk u ma jiskużax hekk imma, lil hinn mis-silloġiżmi fariżajċi umani, li joqogħdu għal u jaħdmu perfettament u l-ewwel nett għal min jgħidhom, qabel ma jiġu ipprattikati fuq id-dgħajfa u ta’ qalb kbira, dan ma jnaqqas xejn il-fatt li f’ħajjitna, ilkoll kemm aħna, hemm il-kontradizzjonijiet. U kontradizzjonijiet serji!

Is-serjetà ta’ dawn il-kontradizzjonijiet qiegħdha fil-fatt ilkoll nidinbu d-dnub il-kbir li, skont Ġesù, jistħoqqlu n-nar tal-infern għal min jagħmlu. Jiġifieri l-ġudizzju fuq il-proxxmu. Din hi aħbar tassew ħażina u tal-biża’ għal min jaħseb jew taħseb, li qatt m’għamel xejn. Li jidher jew tidher pur u pura. Li qatt ma qatel u qatlet lil ħadd. Li qatt ma seraq u serqet il-ħaqq. Li qatt ma għamel jew għamlet xi rejat. Għall-Mulej tal-glorja li niġġudika lil xi ħadd, hu min hu, qed inwettaq wieħed mill-agħar rejati li nistà nikkommetti. Dan l-għaliex Hu biss hu l-ġudikant. Qalilna f’kelmtu s-setgħana: Toqogħdux tqassu fuq xulxin, ħuti. Min iqassas fuq ħuh u jiġġudika lil ħuh, ikun qiegħed iqassas fuq il-Liġi u jiġġudika l-Liġi; imma jekk inti tiġġudika l-Liġi, ma tkunx qiegħed tagħmel dak li trid il-Liġi, imma ssir imħallef. Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef: dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred. Int min int biex tiġġudika ‘l ħaddieħor? (Ġak 4:11).

Xi kredenzjali għandi jien biex inkun imħallef? U mela għax ħaddieħor dgħajjef ifisser li issa nista’ nagħmel xalata minn fuqu u minn fuqha? Jaqaw insejt li jekk se nimxi hekk ma’ ħaddieħor b’dan il-mod se nġib lill-Mulej Alla f’pożizzjoni li jimxi hekk miegħi? Min minna mhux midjun mal-Missier tagħna tas-Sema? Mela ejja niftakar f’dak li jgħid Ġesù stess fil-parabbola tal-qaddej li ma ħafirx.

Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’ U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:32-18:35).

Jekk ma rridx li nkun iġġudikat bl-aħrax, hekk kif nagħlaq għajnejja, ejja ma niġġudika lil ħadd! Bħalma ma rridx li jiena stess niġi iġġudikat u ikkundannat!

Għal dawk fostna li l-hena tagħhom isibu t-tibna f’għajnejn ħaddieħor u jinsew it-travu li hemm f’għajnejhom, għal dawk li ma jħossux li persuna jkollha l-perjodi koroħ f’ħajjitha u jagħmlu kapital mid-dgħjufija tagħha, ħa jaraw dak li tgħallimna Santa Fawstina fid-Djarju tagħha:

M’għandi qatt niġġudika lil ħadd, imma nħares lejn l-oħrajn bil-ħniena u lejja stess b’mod sever. Jiena rrid nirreferi kollox lil Alla u f’għajnejja stess, nagħraf lili nnifsi għal dak li jiena: miżerja biss u xejn. Fit-tbatija irrid nuri paċenzja u nżomm il-kwiet, għax naf li kollox jgħaddi meta jgħaddi żmienu (nru. 253).

La aħna miżerja u kollox jgħaddi meta jgħaddi żmienu ħa nħarsu bi ħniena lejn l-oħrajn u b’mod sever lejna nfusna! Wara kollox li jgħodd hu: Kif jarana HU!

Patri Mario Attard OFM Cap