Marija turina kif ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna


Is-Sibt, 1 ta’ Frar 2020: Quddiesa f’għeluq it-30 sena mill-Konsagrazzjoni tal-knisja, il-55 sena mit-twaqqif tal-parroċċa u s-75 sena mill-wasla tal-patrijiet Karmelitani fil-Fgura fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Fgura.

Capture

L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

L-istorja tal-Fgura għandha rabta mill-qrib mad-devozzjoni antika lejn Marija. Kien hawn devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu sa mis-seklu 18. Kien għalhekk tassew f’waqtu li l-Patrijiet Karmelitani 75 sena ilu ġew il-Fgura u bdew jaqdu l-missjoni tagħhom f’dan il-post, u għenu biex tissaħħaħ din l-imħabba lejn ommna Marija.

Illum, meta qed niċċelebraw it-30 sena mill-Konsagrazzjoni ta’ din il-knisja u dis-sena jaħbat ukoll il-55 anniversarju tat-twaqqif tal-Parroċċa, nixtieq li nħarsu lejn il-messaġġ li tagħti Marija lil din il-komunità. Aktar u aktar meta mal-Knisja fid-dinja kollha qed niċċelebraw il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, meta Marija ppreżentat lil binha Ġesù fit-tempju. Ħa nħarsu lejn tliet xeni minn din il-ġrajja u naraw x’tgħallimna Marija.

Marija turina lil Ġesù

L-ewwel nett ħa nħarsu lejn ix-xena ta’ Marija fit-tempju, flimkien ma’ Ġużeppi, bit-tarbija Ġesù f’idejha. Meta nħarsu lejn Marija li turi lil Ġesù, li hu l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur, id-dawl tal-ġnus, Marija tfakkarna li hu lil Ġesù li aħna niġu nfittxu hawn. Huwa hu r-raġuni vera tal-eżistenza tat-tempju. Meta niġu f’din il-knisja, dan il-post ikkonsagrat, niġu biex niltaqgħu ma’ Ġesù, inqimu lilu, nitgħaxxqu bih, nisimgħu l-Kelma tiegħu; niġu biex inaddafna minn ħtijietna, biex nirċevuh ġewwa fina, biex ikun hu li jsostnina u jmexxina ’l quddiem f’ħajjitna.

Hawn insibu dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja tagħna u nsibu l-ikbar għajnuna li nkunu neħtieġu. Meta Xmun sejjaħlu “dawl biex idawwal lill-ġnus”, ried jurina li hu d-dawl li jista’ jmexxina f’ħajjitna. Għalhekk kull darba li niġu hawn niltaqgħu ma’ Ġesù, hu għandu jnissel fina dak li nissel fi Xmun u l-profetessa Anna meta rawh: il-ferħ u l-paċi fil-qalb tagħna.

Sinjal ta’ kontradizzjoni

Ħa nħarsu lejn xena oħra ta’ din il-ġrajja. Naraw lil Marija li tisma’ lil Xmun, u dan jgħidlha fuq Ġesù: “Se jkun sinjal li jmeruh”. Fit-tempju, Xmun ifakkar li l-missjoni ta’ Ġesù ma kinitx missjoni li tingħalaq fit-tempju. Il-missjoni ta’ Ġesù kienet barra mit-tempju, u kienet missjoni li lilu se ġġibu wiċċ imb wiċċ ma’ min jilqgħu u ma’ min jirrifjutah, ma’ min jaċċettah u ma’ min iwarrbu. Dan hu messaġġ importanti għalina: li aħna niftakru li aħna lkoll ikkonsagrati lill-Mulej bil-magħmudija. Dan ifisser li aħna sirna ħaġa waħda miegħu, biex nagħmlu ħilitna ħalli ngħixu bħalu; li t-tagħlim tiegħu jkun li jmexxina, u li nwasslu lilu lill-oħrajn.

Il-missjoni tagħna, bħal ta’ Ġesu, mhix magħluqa bejn dawn il-ħitan tal-knisja. Hawnhekk nirċievu l-qawwa biex ngħixu l-missjoni ’l barra mill-knisja. Jekk irridu nkunu tassew Insara ta’ veru, kultant se jkollna l-istess xorti ta’ Ġesù, jiġifieri li nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni. L-iktar importanti hi l-fedeltà tagħna lejn Ġesù. Il-knisja hi l-post ikkonsagrat lil Alla li jfakkarna li aħna lkoll ikkonsagrati lilu, biex ngħixu din il-konsagrazzjoni billi nagħmlu dak li jrid Ġesù fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ngħixu l-konsagrazzjoni fil-ħajja ordinarja

It-tielet xena hi meta spiċċat il-preżentazzjoni tat-tarbija fit-tempju u Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù lura d-dar. L-Evanġelju jgħid li Ġesù kien “jikber u jissaħħaħ u jimtela bil-għerf u bil-grazzja” fi ħdan din il-familja. L-itwal perjodu tal-ħajja ta’ Ġesù kien proprju fi ħdan il-familja fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Hawn naraw xebh kbir mal-ħajja tagħna, li ħafna drabi tinqasam bejn il-familja u x-xogħol. Hija f’din il-ħajja ordinarja li aħna msejħin biex ngħixu bħala nies ikkonsagrati, u bħala ġebel ħaj li jibni l-komunità parrokkjali.

Il-Fgura hawn ħafna familji, u numru kbir ta’ familji bi tfal, adolexxenti u żgħażaagħ. Hu fi ħdan il-familja li aħna ninbnew bħala ġebel ħaj li jibni din il-komunità. Il-konsagrazzjoni tal-knisja bħala bini tfakkarna f’dak li għandna nagħmlu aħna bħala nies ikkonsagrati: bħalma l-ġebel flimkien jifforma l-bini tal-knisja, hekk aħna fil-ħajja tagħna nkunu ġebel ħaj li jibni din il-komunità.

Grazzi

Illum nirringrazzjaw lil Alla tal-Patrijiet Karmelitani li għal tant snin, 75 sena, ilhom f’dan il-post jaqdu l-missjoni tagħhom b’tant dedikazzjoni u mħabba. Nirringrazzjaw lil Alla għal dawk kollha li b’xi mod jgħinu f’din il-komunità parrokkjali. Nitolbu lil Marija biex tkompli takkumpanjana, kull wieħed u waħda minna, u takkumpanja din il-parroċċa. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li dejjem niġu qrib tiegħu fil-knisja, biex minnu nirċievu d-dawl għal ħajjitna, u biex fih insibu dak li jimla lil qalbna. Nitolbuh il-grazzja li dejjem ngħożżu din il-knisja kkonsagrata lilu, imma wkoll li niftakru li dak li hu għażiż hawn ġew irid jibqa’ għażiż ’il barra mill-bini tal-knisja u ngħixuh il-jiem kollha ta’ ħajjitna.