Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Ricci


Fl-4 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Ricci, Verġni li għexet bejn is-snin 1522 sa 1589.

Santa Katerina De Ricci kienet soru Dumnikana. Hi magħrufa fuq kollox għall-ħajja mirakoluża u mistika tagħha. Alessandra Lucrezja Romola – isimha qabel ma saret soru – kienet tħobb titlob weħidha sa minn tfulitha. Riedet issir soru, u daħlet mas-sorijiet Dumnikani ta’ San Vincenzo di Prato, bil-kunsens ta’ missierha, fl-1535, ta’ tlettax-il sena.

Fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha kellha ssofri ħafna għax ma kienitx mifhuma minħabba l-grazzji straordinarji li kellha, iżda l-umiltà u l-qdusija tagħha sa fl-aħħar ħarġu rebbieħa.

Wara dan ġiet magħżula għal bosta uffiċċji importanti, hekk li sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet superjura jew viċi-superjura. Il-passjoni ta’ Kristu kienet is-suġġett tal-meditazzjonijiet tagħha, u minn Ġesù kellha d-don li tieħu sehem fid-duluri tiegħu bl-impressjoni tal-istigmati.

Ma’ dan il-fenomenu żdied aktar tard ieħor: għal bosta snin, ta’ kull ġimgħa, minn nofsinhar tal-Ħamis sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, il-qaddisa kienet iġġedded f’ġisimha d-duluri u l-ġrajjiet prinċipali tal-passjoni ta’ Ġesù. Dawn l-estasijiet tagħha ġew ikkontrollati u awtentikati bir-reqqa l-aktar skrupluża, u ma damux ma bdew jiġbru ħafna devoti mill-inħawi ta’ Prato.

Din il-ġrajja hekk tal-għaġeb saret l-ewwel darba fi Frar tal-1542, meta l-qaddisa għalqet l-għoxrin sena, u baqgħet sejra minn ġimgħa għal ġimgħa, bla qatt ma taqta’, għal tnax-il sena, meta spiċċat għat-talb tagħha nnifisha u tas-sorijiet sħabha, għax il-fama tagħhom kienet qiegħda tiġbed lejn il-kunvent bosta nies ta’ kull kategorija, hekk li l-paċi u l-osservanza regulari tal-komunità kienu qegħdin isofru.

Qalb dawk li marru jżuruha kien hemm bosta prelati għoljin tal-Knisja, isqfijiet u kardinali, fost oħrajn il-Kardinali Cervini, Alessandro dei Medici u Aldobrandini, it-tlieta telgħu fuq it-tron tas-suċċessuri ta’ San Pietru bl-isem ta’ Marċellu II, Klement VIII u Ljun XI. Kienet ukoll iżżomm korrispondenza epistolari mal-Papa San Piju V, ma’ San Filippu Neri.

Wara marda twila għaddiet minn din id-dinja għall-oħra fil-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna tal-1589, ta’ sebgħa u sittin sena. It-talb, il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni kienu l-mezzi li bihom għamlet progressi hekk kbar.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com