Kien nhar is-27 ta’ Jannar tal-1945 meta l-armata l-ħamra Sovjetika ħelset lill-priġunieri li kienu qiegħdin jgħixu fl-infern ta’ Auschwitz-Birkenau. Aushwitz-Birkenau hu wieħed mill-kampijiet tal-qtil tal-massa li kien maħluq apposta mill-kriminali Nażisti. Ħafna Lhud ġew maqtula fihom brutalment! Hekk! Kiesaħ u biered! Għax kienu Lhud! Għax, fil-fehma ta’ min kien qed jaħqarhom, kienu inferjuri! Għax, skont xi wħud, ma kienux bnedmin!
Ħutna l-Lhud, kif tgħallimna tajjeb il-Bibbja, li magħhom aħna naqsmu dak li aħna l-Insara nsejħulu t-Testment il-Qadim, tgħidilna li l-Mulej hu tajjeb. U Dak li jsalva lil min qed jinħaqar. Biżżejjed naraw l-istorja tal-għaġeb ta’ kif ħeles lill-poplu tiegħu mill-jasar tal-Eġittu. Huwa għalhekk li jinbet ir-raġunament: l-għaliex il-bniedem, quddiem dan Alla li jista’ kollox, għandu jbati? F’dan id-dawl it-tbatija, fil-qjies Lhudi, hi skandaluża! Għax, u kif ifisser tajjeb ir-Rabbi Steven S. Schwarzchild fl-artiklu tiegħu dwar it-tbatija fl-Enċiklopedija Ġudajka, jekk il-Mulej hu tajjeb, żgur li ma jridx li l-ħlejjaq tiegħu jbatu. U, jekk jista’ kollox, kapaċi jħarishom mit-tbatija. Imma uliedU xorta waħda batew. U ngħidx jekk battewx!
Il-Lhud, ( יְהוּדִים Yehudim) jew il-Poplu Lhudi, li huma grupp etno-reliġjuż u nazzjon li ġejjin mill-Iżraelin u l-Lhud ta’ Iżrael storiku u ta’ Ġuda, it-tbatija jaqrawha u jiktbuha. Għax ġew maħqura fuq li maħqura matul is-sekli. Humiex Lhud osservanti inkella laxki, b’mod jew b’ieħor ġew ippersegwitati l-aktar mis-Selewċidi Griegi, mill-Imperu Ruman, mill-Antisemitiżmu fil-Punent u dak Nisrani, mill-Antisemitiżmu fil-Lvant Nofsani u Għarbi, min-Nażiżmu, mir-Russja Tżarista u l-Unjoni Sovjetika u anki mill-Apartheid ta’ l-Afrika t’Isfel.
Il-Lhud, li l-fidi Lhudija tagħhom tgħaqqadhom f’poplu wieħed fid-dinja kollha, aktar ma batew aktar fittxew il-konfort fil-fidi qawwija li jħaddnu. Huma sabu serħan fil-ktieb ta’ Ġob. Li, ismu, Ġob (אִיּוֹב), jfisser ippersegwitat u imfixkel. Meta dan ir-raġel ġust beda jinqagħalu minn kollox ħbiebu, Elifaż minn Teman, Bildad minn Suħa u Sofar minn Nagħma (ara Ġob 2:11), ta’ ħbieb li kienu, marru biex ifarrġuh. Imma, dawn il-proxxmi, minflok farrġuh aktar irrabjawh! U kważi ġagħluh isalli!
Dan l-għaliex, minflok ma qagħdu jisimgħuh, ħarquh billi qagħdu jsibhulu huma r-raġunijiet l-għaliex kien qed ibati. Imma, l-imsejken Ġob, f’dak il-mument għalih tal-waħ waħ waħx, li t-tbatija biss taf iġġib magħha, min jisimgħu ried u mhux min joqgħod jippriekalu! Għalhekk, aqta’ kemm ipprotesta magħhom! U tgħidx xi tbaqbiqa ħa! Kważi kważi, aħjar ma marru xejn jarawh għax aktar tellgħulu l-pressjoni li diġà kellu m’ogħla s-sema miskin!
Imma, it-test, b’għaqal, isemmilna x’ġara meta Ġob, wara li ħa battikata tal-battikati ma’ Elifaż minn Teman, Bildad minn Suħa u Sofar minn Nagħma, fettillu jitħaddet mal-Mulej. U x’taħsbu li kienet it-tweġiba tiegħu wara li fetaħ fetħa qalbu għall-festi kmandati mal-Mulej? Fil-kapitlu 42 tal-ktieb tiegħu Ġob innifsu jagħtina t-tweġiba hu: Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek. Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u r-rmied (Ġob 42:5-6).
Rajtu! Smajtu! Ħassejtu kliemu bħalma ħassejtu jien? Damdmek bħalma damdam lili? Ikkonvinċiek bħalma ikkonvinċa lili? Kien meta ra b’għajnejh lill-Mulej, jiġifieri meta ngħatalu li qalbu tifhem li l-Mulej kien miegħu, meta Ġob straħ mill-ħsibijiet ta’ ħaddieħor l-għaliex hu kien qed ibati. F’kelma waħda, Ġob straħ meta ltaqa’ mal-Mulej! U ħallieh iserrħu HU! Hemmhekk seta’ tabilħaqq iċedi! Hemm seta’ tassew jindem mill-mod diżażtruż ta’ kif kien qed jara l-affarijiet! Għax issa ma qagħadx fuq x’qalulu ħbiebu aktar! Imma issa seta’ jistrieħ biss fuq il-Mulej waħdu! Jiġiferi x’qallu l-Mulej BISS!
Kemm jolqtuni żewġ tifsiriet li jagħtu żewġ rabbini Lhud fuq il-Ktieb ta’ Ġob. Ir-rabbi Jack Abramowitz jgħid hekk: Il-lezzjoni prinċipali tal-ktieb ta’ Ġob hi li l-mod ta’ kif imexxi d-dinja l-Mulej mhux l-istess bħal dak ta’ kif il-bniedem imexxi l-affarijiet tiegħu… Ġob jgħallimna li għandu jkollna l-fidi. Il-Mulej mhux bħalna. B’din il-fehma t-tbatijiet u l-katastrofi jsiru aktar faċli f’li wieħed jissaportihom. Fit-tbatija l-imħabba lejn il-Mulej tiżdied bħalma żdiedet imħabbet Ġob meta fehem x’kien qed jiġrilu.
Kittieb Lhudi ieħor, din id-darba Ethan Dor-Shav, jgħidilna hekk: Dak li aħna mgħallma fil-ktieb ta’ Ġob hu li l-komunikazzjoni diretta u personali mad-divin hi possibbli. Meta Ġob din jiksibha hu u l-Mulej bdew mill-bidu. Ġob il-ġdid issa jpoġġi l-mistoqsijiet tiegħu billi juża’ l-verbi fil-futur.
U allura, x’inhi t-tagħlima tassew li l-awtur sagru qed jagħti lili u lilek, meta aħna nbatu tbatija tal-biża’? Meta nħossuna mgħaffġin u mtaqqlin? Meta insibuna attakkati minn kulħadd? U b’xebgħa alligators madwarna lesti biex iqattgħuna ħajjin? Hawn hi t-tagħlima ħbieb: Aktar ma nitilfu lilna nfusna fl-infinità tal-Mulej aktar nistgħu ngħixu fil-paċi u nikbru minkejja l-eżiżtenza tagħna li fiha t-tbatija tagħha. Allura, aktar ma’ nbatu, aktar għandna NIFTĦU QALBNA MIEGĦU! U INKELLMUH!
Imma kif? Billi nibku? Nixhru? Ngħajjtu? Inwerżqu? Għall-bidu iva! Għaliex le! Imma mbagħad ejjew induru għas-Salmi, li bil-Lhudi nsejħulhom תהילה (tehillim) jew għanjiet ta’ tifħir. U nsibu l-kapitlu jew Psalm 69 u nitolbuh. Dan is-Salm sieħbi hu għalik li, tħossok bħal warda (שושנה) bil-Lhudi shoshana, qalb ix-xewk, li hi mniggża mill-istess xewk. Iżda, minkejja kollox, int tagħżel li titlob u mhux li tiddispra!
Għalhekk idħol fil-Bibbja, sewwasew f’Salm 69, u ibda’ aqrah bil-mod: Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja.Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond; ma hemmx fejn inserraħ riġlejja. Sibt ruħi f’ilma għoli; il-mewġ qed ikaxkarni. Ma niflaħx ngħajjat iżjed, griżmejja nħanqu; tgħammxu għajnejja, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi. Dawk li għal xejn jobogħduni huma iżjed mix-xagħar ta’ rasi; dawk li bil-gideb jixluni huma b’saħħithom aktar minn għadmi; ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx…
Dawn huma l-ewwel vrus tiegħu. Mill-bqija issokta aqrah. Ħa titfarraġ! U, fuq kollox, ħa tara kemm tassew il-Mulej jisma’ l-fqajrin…, [u] ma jistmellx l-imjassrin tiegħu (S 69:34).
Patri Mario Attard OFM Cap