Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ ta’ San Pawl, Patrun ta’ Malta


Fl-10 ta’ Frar l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ ta’ San Pawl, Patrun ta’ Malta, Appostlu li għex fl-1 Seklu.

Illum fil-gżejjer tagħna, u kull fejn hemm il-Maltin, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl – Patrun ta’ Malta. Din hija ġrajja ta’ importanza ewlenija fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-jum tal-Magħmudija ta’ Malta għax kienet dik iċ-ċirkustanza li fiha missirijietna semgħu għall-ewwel darba bl-aħbar it-tajba ta’ Sidna Ġesù Kristu, ftit snin biss wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù.

Meta San Pawl kien fi vjaġġ fuq il-baħar fi triqtu lejn Ruma bħala priġunier biex il-kawża tiegħu tinstema’ quddiem Ċesari, Alla fil-providenza tiegħu tal-għaġeb, għoġbu li dan l-appostlu jara l-għarqa biex jiġi hawn Malta. Il-kliem li San Pawl qal lil sħabu wara li deherlu l-anġlu meta t-tempesta kienet fl-eqqel tagħha: “jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 26) bilfors jagħtina x’naħsbu li Alla kellu ħsibijiet kbar fuq Malta meta riedu li f’dawk iċ-ċirkustanzi jasal fostna l-Appostlu tal-Ġnus.

San Luqa fl-Atti jsemmi l-laqgħa sabiħa li missirijietna għamlu lill-appostlu u lil sħabu, b’kollox 276 ruħ. Bla dubju, tul it-tlett xhur li dam fostna, San Pawl xandar it-twemmin fi Kristu Ġesù, li kien għadu kif miet u rxoxta inqas minn 30 sena qabel. Ix-xandir ta’ Pawlu, kif ukoll il-mirakli li għamel, kellhom effett kbir fuq il-poplu Malti ta’ dak iż-żmien u aċċetta d-don tal-fidi li, bi grazzja speċjali ta’ Alla, baqgħet nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra sal-ġurnata tal-lum. Hu emmnut li, kif kien soltu jagħmel San Pawl f’kull pajjiż li jżur, huwa waqqaf il-Knisja fuq artna u anki taha, skont it-tradizzjoni, l-ewwel isqof tagħha fil-persuna ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira.

Din hi l-ikbar festa tagħna l-Maltin, bħala Maltin Insara. Biha nuru kemm aħna kburin li nissejħu “Ulied San Pawl”.

Fis-sena 60, meta sar in-Nawfraġju, il-ftit eluf ta’ Maltin kienu pagani, jaduraw ix-xemx, il-qamar u allat foloz. Kien San Pawl li tahom it-twemmin f’Alla Wieħed, Veru u Ħaj, u f’Ġesù Kristu Msallab, is-Salvatur tal-bnedmin. Dan it-Twemmin, missirijietna għaddewh lilna bla mittiefes, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Jalla aħna wkoll, bl-istess mod ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna.

Huwa tassew xieraq li aħna l-Maltin kull sena nfakkru l-ġrajja ta’ dan in-nawfraġju u fl-istess ħin nagħmlu Festa Solenni ‘l San Pawl bħala l-Missier tagħna l-Insara Maltin.

In-nawfraġju ta’ San Pawl hu t-titular ta’ waħda mill-parroċċi tal-Belt Valletta, kif ukoll dik tal-Munxar ġewwa Għawdex. Kif kien xieraq, il-Knisja f’Malta tfakkar dan il-jum providenzjali bħala festa kmandata, u għalhekk illum hemm l-obbligu tas-smigħ tal-quddies. Nitolbu llum lil Alla li jagħmel li Malta żżomm sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li San Pawl tana bil-kliem u bl-eżempji tiegħu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.