It-Tempesta. Xebħ bejn Pawlu u Kristu


L-aħħar vjaġġ ta’ Paw1u, minn Ġerusalemm għal Ruma, kien twil u iebes. It-tbaħħira bejn Kreta u Malta, wara tempesta tal-biżgħa li ħabbtet ix-xini għal ġimagħtejn, intemmet f’għarqa. Luqa jfehimna li f’dan il-vjaġġ, Pawlu għex il-“mogħdija”. “il-għid” u wkoll “il-“passjoni” tiegħu.

It-Tempesta: il-Passjoni tat Pawlu

Pawlu kien ġie arrestat u mogħti l-ħaqq f’Ġerusalemm u l-proċess tiegħu jixbah lil dak ta’ Ġesu’. Pawlu kien sejjer Ġerusalemm, ġie arrestat fit-tempju, ġie akkużat quddiem is-Sanhedrin, sar kumplott kontrih mill-Lhud, l-istess ġens li akkużaw lil Ġesu’. Għall-verdett finali, Agrippa wasal għal konkluzjoni li tixbah lil dik ta’ Pilatu: “Dar-raġel m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt jew il-ktajjen!” Għal darbtejn fil-kors tal-proċess tiegħu (Atti 22 u 26), Pawlu jagħti xhieda tal-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku. Kien Ġesu’ li deherlu biex jibagħtu fost il-pagani. Jeħtieġlu jmur Ruma fejn ix-xhieda tiegħu se tkun aktar qawwija wara li jgħaddi b’mod spettakulari minn tempesta qalila. Xejn ma jżomm il-kelma t’Alla milli titwassal lil dawk li huwa jrid li titwasslilhom.

Tempesti oħra

Tajjeb li wieħed jifhem li l-Lhudi qatt ma kien baħri tajjeb. Għalih il-baħar hu element inkwetanti u perikuluż. Jekk jeħles minn għarqa, dan ikun għax għenu l-Mulej. Fil-Bibbja niltaqgħu mal-għarqa ta’ Ġona. Alla ried li Ġona jmur iħabbar f’Ninive, il-belt kapitali pagana. Ġona ried jaħrab mill-istedina t’Alla, imma Alla ppermetta tempesta u wassal lill-profeta lejn Ninive. Pawlu, għall-kuntrarju ta’ Ġona, ma jitlaqx għal Ruma kontra qalbu. Filwaqt li Ġona hu l-bidu tal-periklu għall-dawk li kienu fuq il-bastiment, Pawlu hu l-kawża ta’ ħelsien.

F’Salm 107, hemm Alla 1i jqajjem ir-riħ u li jqanqal il-mewġ tal-baħar. It-tempesta hi mfissra b’mod li twassal għall-azzjoni tal-grazzja, meta l-baħħara jifirħu li bbnazza u Alla wassalhom fil-port li xtaqu. Fl-Atti mhemm xejn minn dan, għax  la Pawlu u lanqas il-bqija ma jsejħu lil Alla fit-tempesta, li hi mfissra b’mod tekniku u b’deskrizzjoni dettaljata b’mod sabiħ. San Luqa wkoll, fl-Evanġelju tiegħu (8, 22-25), għandu rakkont qasir ta’ tempesta, mingħajr dettalji teknici imma mibni fuq il-ħtiega tal-fidi f’Alla u fil-qawwa tiegħu. Ir-rakkont tal-Atti hu ħafna itwal u huwa ċċentrat fuq Pawlu. Pawlu m’għandux il-qawwa fuq il-baħar bħal Ġesù, imma minn din it-tempesta jagħmel passaġġ mill-mewt għall-qawmien.

Il-Figura ta’ Pawlu fir-rakkont

Fir-rakkant tal-Atti, Pawlu hu raġel għaref, profeta u missjunarju. Hu għaref li mhux tal-parir li jbaħħru fi żmien hekk xitwi; hu profeta li jqawwi l-qlub u li jħabbar il-messaġġ li hu rċieva f’dehra bil-lejl (Atti 23, 24), “Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen li hekk se jsir, sewwasew kif ħabbarli.” (Atti 25); hu missjunarju li jaf li hu mibgħut minn Alla u jassigura li l-missjoni tiegħu se tasal sat-tmiem. “Jeħtieg li naħbtu ma’ gzira.”

Luqa ma jiktibx dan biex jagħmel minn Pawlu eroj mitiku. Kien Alla, li tiegħu Pawlu hu l-qaddej, li ħa l-inizjattiva. Pawlu jħares lejn it-tbaħħira mis-simbolizmu Bibliku, għarqa fl-ibħra l-kbar u fl-abbissi. Meta fl-aħħar jilħaq ix-xatt ta’Malta, Pawlu jidher li bħallikieku qam mill-imwiet. Ġie simbolikament irxuxtat u jista’, bħal Ġesu, fil-bidu tal-Atti jħabbar is-Saltna t’Alla.

Il-kelma “ħelsien” insibuha ħames darbiet fir-rakkont: “It-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw (20); “Agħmlu l-qalb u trejqu b’xi ħaġa tal-ikel u jwetikom f’saħħitkom għax ħadd minkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu.” (34). Dan il passaġġ mill-ilma hu s-simboliżmu mill-mewt għall-ħajja li nsibuh fil-Magħmudija. Hija t-triq li ħa Ġesu’, u wrajh, id-dixxipli tiegħu. L-ikla ta’ Pawlu fuq il-ġifen hi l-qsim tal-ħobż tal-Ewkaristija “Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol”. (35)

It-Tbaħħir tal-lum

Is-sidien tal-bastiment kienu tarrfu l-ħajja ta’ 276 bejn suldati, priġunieri u ekwipaġġ, għax ħarsu biss lejn il-ġid li setgħu jiksbu. Il-għarqa ma kinitx tiġri kieku għażlu l-ħajja tan-nies minflok dik tal-flus. Pawlu hu attent għal dan (10, 21). Hu jindaħal biex tigi salvata l-ħajja tan-nies u wkoll it-tagħbija tal-bastiment li kien qed iwassal qamħ mill-Eġittu għall-kapitali.

Ir-rakkont tal-għarqa għadu ma xjaħx. Kuljum hawn min qiegħed f’nofs ta’ baħar qalil minħabba d-diffikultajiet tal-ħajja, l-inkwiet fir-relazzjonijiet, il-kuntrarji, il-mard, l-uġiegħ u l-firdiet. Insibu ruħna nitħabtu mal-ħalel. U għal xi wħud, it-tempesta tħalli warajha stragi. F’hiex naħsbu meta nkunu għaddejna minn tempesta u bqajna qawwijin u sħaħ? F’min naħsbu fl-iljieli tat-tempesti tagħna?

Joe Galea

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.