Komunikat li bih l-Isqof Mario Grech ħabbar fid-Djoċesi ta’ Għawdex iż-Żjara tal-Papa Franġisku


It-Tnejn, 10 ta’ Frar 2020: B’ferħ qaddis nilqgħu l-aħbar sabiħa li ngħatat dalgħodu fil-Vatikan li l-Q.T. il-Papa Franġisku ser jagħmel żjara pastorali fiż-żewġ djoċesijiet tagħna, Malta u Għawdex. Hija grazzja kbira li l-Papa Franġisku ser jiġi jiltaqa’ magħna f’darna. Kif elfejn sena ilu kienet il-waqfa tal-Appostlu Missierna Pawlu fostna li laqqgħetna ma’ Ġesù Kristu, hekk nistennew bil-ħerqa li biż-żjara tiegħu fil-31 ta’ Mejju li ġej, il-Missier tagħna l-Papa Franġisku jwettaqna fit-twemmin tagħna u jħeġġiġna biex inkomplu nibnu l-Knisja tagħna fuq il-linji li huwa tana fl-ewwel dokument tiegħu Il-Ferħ tal-Vanġelu.

Logo Mt

Il-motto li aħna l-Isqfijiet għażilna għal din iż-Żjara huwa d-deskrizzjoni li jagħti San Luqa fl-Atti tal-Appostli tal-antenati tagħna meta dawn laqgħu lil San Pawl dakinhar tan-nawfraġju: “In-nies tagħha [ta’ Malta] ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Jien konvint li meta l-Papa Franġisku ser ikun fostna huwa ser ikollu konferma li aħna ġens li għandna ħafna u ħafna tajjeb; fl-istess waqt, jien fiduċjuż li bil-messaġġi tiegħu l-Papa Franġisku jista’ mhux biss jistimulana lilna l-Kattoliċi biex nissaħħu fil-mixja tagħna wara Ġesù, imma wkoll ser jagħmel il-qalb lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jgħożżu l-patrimonju ta’ valuri u virtujiet umani li aħna għandna. Kif jikteb ħassieb ta’ żminijietna Fabrice Hadjadj, “fl-epoka postmoderna u postumana li qed ngħixu fiha aħna, mhux biżżejjed li wieħed jgħid li Alla sar bniedem biex il-bniedem isir Alla, imma wieħed irid iżid li Alla sar bniedem biex il-bniedem jibqa’ bniedem”. Ġesù Kristu sar bniedem biex jgħin lill-bniedem jibqa’ bniedem; min jaf lil Ġesù għandu dawl biex l-għażliet tagħna qatt ma jtebbgħu d-dinjità umana ta’ kull bniedem, irrispettivament mill-età, il-kulur, is-sess, it-twemmin…

Il-Papa Franġisku ser ikun magħna nhar Għid il-Ħamsin, jum għażiż għall-Knisja għax fih tiftakar fit-twelid tagħha bit-tiswib tal-Ispirtu fuqha. Għalhekk inħeġġiġkom mil-lum biex tibdew titolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jħejjilna moħħna u qlubna biex nilqgħu din iż-Żjara tal-Papa bħala mument ta’ grazzja u tiġdid; nirrakkomanda lil kulħadd, speċjalment lill-Kunsilli Parrokkjali, l-Għaqdiet Kattoliċi u lill-gruppi fi ħdan il-parroċċi biex fit-tliet xhur li ġejjin jaqraw l-Eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu. Nipproponi li ssir katekeżi dwarha bi skemi mħejjija apposta. Biex ngħinu f’din il-formazzjoni ser naraw li fil-ġimgħat li ġejjin kopja bil-Malti ta’ din l-Eżortazzjoni terġa’ titqassam fl-idejn.

Il-programm dettaljat ta’ din iż-żjara f’pajjiżna jingħata aktar ’il quddiem; imma peress li l-laqgħa tal-Knisja f’Għawdex mal-Papa Franġisku ser issir quddiem is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, inqiegħed din il-ġrajja storika taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu.

Irrodd ħajr lill-E.T. Dr George Vella, President tar-Repubblika tagħna, u lill-Gvern, hawnhekk irrappreżentat mill-Onor. Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex, għall-istedina li saret lill-Papa biex issir din iż-Żjara, liema stedina kienet imsieħba minn dik tagħna l-Isqfijiet.

Dan il-Komunikat ixxandar fi tmiem il-Pontifikal tas-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, it-Tnejn 10 ta’ Frar 2020.

KOMUNIKAT pdf

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.