Dawk li ħsiebhom f’aħbarijiet ta’ kurżità dwar il-Knisja stennew li fid-dokument tal-Papa wara s-Sinodu tal-Amażonja jsibu stqarrija dwar il-proposti għal ministeri ġodda għan-nisa fil-Knisja u għal Ordinazzjoni Saċerdotali għal irġiel miżżewġa.
Il-Papa Franġisku ma semma xejn minn dan fid-dokument li ħareġ dwar is-Sinodu tal-Amażonja bl-isem ta’ ‘Querida Amazonia’ (Maħbuba Amażonja). F’laqgħa li kellu ma’ numru ta’ Isqfijiet mill-Istati Uniti nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Frar, il-Papa wera n-niket tiegħu li għal xi wħud is-Sinodu kien dwar suġġetti bħal dawn u mhux dwar l-Amażonja. Fil-‘Querida Amazonia’, il-Papa għafas fuq erba’ ħolmiet li kienu l-karba tas-Sinodu: il-kwestjonijiet soċjali, ekoloġiċi kulturali u pastorali, li jwasslu għal difiża b’saħħitha tal-Amażonja u tan-nies li jgħixu fiha.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea