It-Tnejn, 9 ta’ Marzu 2020: Dalgħodu, il-Papa Franġisku ċċelebra l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta mingħajr il-preżenza ta’ nies barranin. Il-Quddiesa ntweriet diretta streaming mill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Vatikan, l-istess kif se jibqa’ jiġri tul dal-jiem li ġejjin.
Magħqudin madwar il-Papa f’mument diffiċli biex inkunu aktar magħqudin ma’ Kristu u bejnietna
Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li ninsabu fiha, il-Papa stedinna biex infittxu s-sens evanġeliku anke fil-waqt tal-prova u ta’ swied il-qalb.
Fl-omelija l-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-Profeta Danjel.
Il-poplu jagħraf li dineb: ‘Mulej kont fidil magħna imma aħna dnibna. Ħadnieha kontrik u tbegħidna mill-Kmandamenti tiegħek, m’obdejniex lill-qaddejja tiegħek u lill-profeti, li tkellmu mas-slaten tagħna f’ismek.’
Hemm stqarrija tad-dnubiet, osserva l-Papa. Meta aħna nitħejjew biex nirċievu s-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni, għandna nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza biex niflu sewwa dak li nkunu għamilna quddiem Alla.
Imma dan l-eżerċizzju m’għandux ikun sempliċi lista li mmur ngħidha lis-saċerdot u hu jaħfirli.
Eżerċizzju bħal dan ikun qisu tħejjija ta’ lista tal-affarijiet li jkollok tagħmel jew li jkollok bżonn inkella li m’għamiltx kif suppost, iżda kollox jibqa’ ġo fik.
Qrara vera għandha ssir fil-qalb għax li tmur tqerr ma jfissirx biss li tistqarr dnubietek u tieqaf hemm, titlaq mill-konfessinarju maħfur.
Hemm bżonn pass aktar: l-istqarrija tal-miżerji tagħna li tkun ġejja mill-qalb. Hekk jagħmel il-Profeta Danjel: ‘Il-ġustizzja, o Sid, hija min-naħa tiegħek; iżda min-naħa tagħna, għandna l-mistħija.’
Meta nkun konxju li dnibt, li ma tlabtx sewwa, inħoss xi ħaġa f’qalbi, is-sentiment tal-mistħija. Jien nistħi li għamilt dik u l-oħra u nitlob maħfra bil-mistħija.
Il-mistħija ta’ dnubietna hi grazzja li għandna nitolbu għaliha: ‘Mulej għinni nistħi.’
Persuna li tkun tilfet is-sens ta’ mistħija, tkun tilfet l-awtorità morali, titlef ir-rispett tal-oħrajn. U l-istess jiġri ma’ Alla: ‘Lilek il-ġustizzja u għalija l-mistħija.’
‘Il-mistħija fuq wiċċi,’ kif ikompli Danjel, ‘fuq wiċċ is-slaten tagħna, il-prinċpijiet, missirijietna, għax dnibna kontra tiegħek.’
Lill-Mulej Alla tagħna, il-Profeta jattribwilu l-ġustizzja; issa jsemmi wkoll il-ħniena.
Meta aħna ma jkollniex biss il-memorja tad-dnubiet li nkunu għamilna imma s-sentiment tal-mistħija wkoll, lil Alla mmissulu qalbu u Hu jwieġeb bil-ħniena.
Il-mixja biex niltaqgħu mal-ħniena t’Alla hi li nistħu mill-ħażen li nkunu għamilna.
B’hekk, meta mmur inqerr m’għandix nistqarr biss il-lista tad-dnubiet imma wkoll is-sentimenti ta’ konfużjoni, ta’ mistħija li nkun ittrattajt hekk lil Alla li hu tant twajjeb, tant ħanin, tant ġust.
Illum nitolbu l-grazzja tal-mistħija… tal-mistħija għal dnubietna. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber