Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Franġiska Rumana


Fid-9 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Franġiska Rumana, Armla u Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1384 sa 1440.

Santa Franġiska twieldet fl-1384, fi Trastevere f’Ruma, għand familja sinjura.

Kellha ħajra li ssir soru, iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha żżewġet ta’ tlettax-il sena lil Lorenzo Ponziano, nobbli Ruman. Kien żwieġ feliċi li dam għal 40 sena, u kellhom żewġ subien u tifla.

Franġiska, li minn dejjem kellha x-xewqa li tgħin lill-foqra, iltaqgħet mal-mara ta’ ħu żewġha, Vannozza, li kellha l-istess ħajra, u flimkien, bil-barka ta’ żwieġhom, bdew ħidma għal dawk li kienu fil-bżonn. Kienu ta’ għajnuna kbira għal dawk li ġew milquta mill-epidemija tal-pesta li xterdet f’Ruma.

Fl-1408, il-familja ta’ żewġha ġiet ippersegwitata u mfaqqra mit-truppi ta’ Ladislaw ta’ Napli li kien qed jappoġġa lill-Antipapa Ġwanni XXIII. Fl-1410, Ladislaw raġa’ invada Ruma, u mhux biss għamel straġi mill-propjetà tal-familja ta’ Ponzjano, imma saħansitra immaltratta lil Lorenzo li baqa’ jbati tul il-kumplament ta’ ħajtu.

Fl-1413, binha ż-żgħir miet kawża tal-pesta li kienet reġgħet ħakmet Ruma. Ftit wara bintha mietet ukoll. Fl-1414, binha l-kbir iżżewweġ, u l-mara li ħa kienet tiddisprezza lil Franġiska, iżda ma baqgħetx wara li mardet serjament u ġiet ikkurata minn Franġiska nnifisha.

Franġiska fetħet parti minn darha bħala sptar. U fl-1426, billi xi nisa ngħaqdu magħha biex jgħinuha fix-xogħol li kienet qed tagħmel mal-morda, waqfet l-Oblati ta’ Marija, komunità għan-nisa li ma kienu marbuta bl-ebda voti ħlief li joffru ruħhom għas-servizz ta’ Alla u tal-foqra..

Franġiska ma kinetx tgħix fil-komunita’, iżda fid-dar tagħha ma’ żewġha. Kienet tgħid: “Il-mara miżżewġa għandha tħalli anki l-artal biex tħobb ’l Alla fil-qadi tad-dar.” Wara l-mewt ta’ żewġha (1436), marret bil-mixi titlob biex tidħol fil-monasteru ta’ Tor di Specchi, imwaqqaf minnha. Laqgħuha bħala superjura, iżda dejjem fittxet is-servizzi l-aktar baxxi tad-dar.

Meta binha marad marret tagħmillu żjara, iżda ħassha ħażin u mietet fil-jum li kienet ħabbret, id-9 ta’ Marzu, 1440. Sa minn mewtha ġiet meqjuma mill-poplu ruman bħala qaddisa, u wara tliet proċessi (1440, 1443, 1451), il-Papa Pawlu V iddikjaraha uffiċjalment qaddisa fl-1608. Ġisimha difnuh fil-knisja ta’ Santa Maria Nuova, fil-Foro Romano. Għaliha l-knisja l-lum tissejjaħ ta’ Santa Francesca Romana.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com