Ħabbhom għall-Aħħar

Print Friendly, PDF & Email

“ĦABBHOM GĦALL-AĦĦAR…”  Ġwanni 13,1

San Ġwann l-Evanġelista jagħtina l-itwal rakkont tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu. Minbarra li huwa l-itwal rakkont msieħeb minn diversi dettalji li l-Evanġelista l-oħra ma jagħtunhiex, huwa wkoll profond fil-ħsieb u t-tagħlim li jagħtina. Il-għan ta’ Ġwanni mhuwiex biss li jagħtina rakkont storiku ta’ x’ġara, imma pjuttost interpretazzjoni teoloġika ta’ dak li ġara billi jkompli jurina min hu Ġesù.

L-IMĦABBA TA’ ĠESÙ GĦALINA

Fir-Raba’ Vanġelu tispikka l-imħabba ta’ Ġesù għall-umanità midinba. Huwa Alla li sar bniedem sabiex jgħarrafna l-imħabba li Alla l-Missier għandu għalina, huwa Alla-bniedem li jitkellem mill-imħabba, jippriedka l-imħabba, jgħix l-imħabba u saħansitra jasal biex imut sforz l-imħabba li għandu għalina.

“HU, LI KIEN ĦABBHOM GĦALL-AĦĦAR”

Hekk jgħidilna San Ġwann l-Evanġelista dwar Ġesù fil-ftuħ tar-rakkont tal-passjoni u l-mewt tal-Feddej. Ma’ din l-asserzjoni:  “Ħabbhom għall-aħħar” hemm marbuta żewġ tifsiriet:

  1. “Ħabbhom għall-aħħar” jiġifieri li baqa’ jħobbhom sal-aħħar tant li miet għalihom ( għal tiegħu – għalihom: l-appostli u għalina li issa aħna bil-qawwa tal-mewt tiegħu sirna tiegħu, ulied il-Missier Alla);
  2. “Ħabbhom għall-aħħar” fis-sens li ma setgħax iħobbhom u jħobbna aktar għax wasal sabiex saħansitra jmut għalina. “M’hemmx imħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”.

IT-TWEĠIBA TAGĦNA

Hu li ħabbna għall-aħħar għax baqa’ jħobbna u jibqa’ jħobbna sal-aħħar tant li miet għalina x’ser tkun it-tweġiba tagħna. L-imħabba, b’imħabba titpatta. It-tweġiba tagħna trid tkun li hekk kif hu ħabbna b’imħabba bla qies, ejjew inħobbuh. Inħobbuh billi:

  1. Napprezzaw dak li hu għamel għalina meta miet fuq Salib.
  2. Ngħidulu grazzi tas-Salvazzjoni li kisbilna meta xerred demmu għalina.
  3. Inħobbuh billi naħarbu kull dnub u nkomplu nħobbuh fil-proxxmu tagħna. dak li nagħmlu mall-iċken fost ħutna nkunu qed nagħmlu miegħu.

NAWGURALKOM RANDAN TA’ KONVERŻJONI – ĠIMGĦA MQADDSA TA’ MEDITAZZJONI TAL-IMĦABBA TA’ ALLA GĦALINA – U GĦID TA’ QAWMIEN SPIRITWALI.     

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar, Kapuċċin. Direttur Spiritwali

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: