Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 1 ta’ April 2020

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 1 ta’ April 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

IL-VERITÀ TEĦLISNA

“Il-verità teħliskom”. Din il-kelma li smajna minn Ġesù llum turi l-qawwa li għandha l-kelma ta’ Alla f’ħajjitna. Li hi kelma vera u hi kelma li tagħtina l-libertà vera, il-ħelsien. Ġesu għalhekk jgħid: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi…tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”

Ma kinetx l-ewwel darba li tkellem fuq hekk Ġesù u lanqas l-aħħar darba. Fil-fatt, fil-bidu tal-ministeru tiegħu kien qal li hu ġie biex ixandar l-Aħbar it-Tajba li teħles lill-imjassrin, li tagħti l-libertà. U lejn l-aħħar, meta kien quddiem Pilatu, fir-rakkont tal-passjoni li naqraw nhar il-Ħadd li ġej, Ġesù lil Pilatu jgħidlu: “Jien għalhekk twelidt, għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

B’liema mod il-kelma ta’ Alla tfisser għalina verità u ħelsien?

Hija vera għaliex ġejja mingħand Alla, li hu l-veru, il-verità fil-milja tagħha. U l-kelma ta’ Alla hija vera għax lilna turina l-iskop tal-ħajja, minn fejn ġejjin u fejn sejrin, u kif nistgħu ngħixu tassew fit-triq it-tajba, fit-triq il-vera. Il-kelma ta’ Alla ddawwalna u turina wkoll dak li hu falz, dak li hu qerq, dak li ma jħalliniex nimxu fit-triq it-tajba.

B’liema mod il-kelma ta’ Alla tagħtina l-libertà? Kultant bil-kelma ‘libertà’ nifhmu li tagħmel li trid. Il-kelma ta’ Alla turina li l-libertà vera hi dik li tgħinek tkun ħieles speċjalment minn ġewwa. Ma tħallix dak li tħoss, dak li tgħaddi minnu, jikkmandak u jikkondizzjonak fil-ħajja. Għalhekk li tkun ħieles ifisser li tkun ħieles mill-egoiżmu, ħieles mill-biża’ li ma jħallikx terfa’ r-responsabbilta li għandek, ħieles minn dak kollu li jfixklek fil-ħajja, li ma jħallikx fil-paċi.

Ħa nsemmi eżempju kemm il-kelma ta’ Alla tgħinna biex inkunu ħielsa. Ġesù qalilna biex naħfru. Jekk naħsbu ftit, il-maħfra tfisser li ma nħallix lil min għamilli l-ħsara jkompli jikkondizzjonali l-ħajja tiegħi anke għal snin wara. Jekk jien f’qalbi nibqa’ b’dan is-sens ta’ tpattija, ifisser li min għamilli ħsara għadu jżommni lsir, taħt il-ħakma tiegħu. Il-maħfra tfisser din il-libertà, il-ħelsien minn dak jew dik li trid iżżommni taħt il-ħakma. F’diversi tagħlim ieħor ta’ Ġesù, il-kelma tiegħu turina tassew kif inkunu ħielsa. L-istess meta Ġesù jgħidilna li ma nagħmlux għall-flus, ma nkunux immexxija mir-regħba, għax ġieli jiġri li dan jikkmandana. Ġesù jgħid li min jagħmel id-dnub isir ilsir tad-dnub, u minn dan irid jeħlisna bil-kelma tiegħu.

Illum nitolbuh din il-grazzja li l-kelma tiegħu tkun tfisser għalina verità u ħelsien. Kif qalilna hu stess, inżommu fil-kelma tiegħu biex nagħrfu l-verità, u ngħixu tassew il-verità li teħlisna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors tal-filmat: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading