F’dawn l-aħħar jiem ġejna msaħħrin minn żewġ Kurċifissi. Iltqajna mal-Kurċifiss mirakluż li hemm fil-knisja Ta’ Ġieżu, il-Belt, bi spjega tar-restawr li sarlu. U l-Kurċifiss mirakluż, b’rasu baxxuta, iqattar ix-xita, fil-pjazza tal-Vatikan waqt il-meditazzjoni tal-Papa Franġisku fis-7 ta’ Marzu. Donnhom kienu qed isieħbu lid-dinja fid-diqa tagħha.
Hemm Kurċifiss ieħor, li jfakkarna f’martirju ta’ żmienna, dak ta’ dsatax-il reliġjużi fl-Alġerija. Hu l-Kurċifiss ta’ Tibhirine, ikona li għamlitha s-soru Françoise Ménétrier, eremita fil-foresta ta’ Ardéche, fi Franza, fl-1986 fuq istruzzjonijiet ta’ Patri Christian de Chergé li tant kien sensittiv għall-mod kif il-Musulmani jħarsu lejn is-Salib. Kien quddiem din l-ikona li Patri Christian de Chergé, li kien is-Superjur ta’ komunità ta’ Patrijiet Trappisti f’Tibhirine, l-Alġerija, kienu jitolbu fil-kappella tagħhom qabel ma ġew maqtula brutalment fil-lejl bejn is-26 u s-27 ta’ Marzu tal-1996.
Fil-Kurċifiss ta’ Tibhirine, Kristu jidher f’maestà, f’ġest rebbieħ ta’ mħabba li tħaddan lid-dinja, b’libsa bajda li tevoka t-trasfigurazzjoni u mgħottija bl-aħmar li turih bħala sultan, b’għajnejh miftuħin, b’idejh merfugħin ‘il fuq u minflok imsiemer huwa miżmum minn kwiekeb ta’ dawl, simbolu tal-imħabba lejn il-bnedmin kollha. Hu Kristu rxuxtat, kif hemm fil-kitba bl-Għarbi fuq ras Kristu: “Huwa rxoxta”. Patri Christian de Chergé kien jgħid: “Kienet l-imħabba, mhux l-imsiemer, li sammritu mas-salib li aħna nqaxna għalih.”
Bejn l-1991 u l-2002 l-Algerija kienet mitfugħa fi gwerra ċivili bejn il-gvern u l-gruppi ribelli Iżlamiċi. Matul dawn is-snin, li l-kefrija tar-ribelli kienet fl-aqwa tagħha, dsatax-il raġel u mara ħallsu l-prezz tal-fidi Nisranija meta ma ridux iħallu l-pajjiż biex jibqgħu jaħdmu mal-Musulmani tal-post. Dawn il-martri ġew beatifikati f’Oran, fl-Alġerija, fit-8 ta’ Diċembru tal-2018.
F’omelija li Patri Christian de Chergé kien għamel dwar il-Kurċifiss ta’ Tibhirine, jirrakkonta djalogu li kellu ma’ ħabib żagħżugħ Musulman. L-omelija saret fil-festa tas-Salib Imqaddes, fl-14 ta’ Settembru tal-1993. Il-Patri rrakkontaha hekk:
“U dwar is-salib?”, staqsieni dan il-ħabib. “Jekk ikollna nitkellmu dwar is-salib?”
“Liema wieħed”, staqsejtu.
“Qed ngħid għas-salib ta’ Ġesù, hux.”
“Iva, imma liema wieħed?… Meta tħares lejn ix-xbieha ta’ Ġesù fuq is-salib, kemm-il salib tara?”
Ħasibha ftit, imbagħad qalli:
“Forsi tlieta… Tnejn żgur. Hemm wieħed quddiem u wieħed wara.”
“U liema hu dak li jiġi minn Alla?”
“Dak li hemm quddiem,” qalli.
“U dak li jigi mill-bnedmin?”
“Dak ta’ wara.”
“U liema hu l-iktar qadim?”
“Dak ta quddiem.”
“Hekk hu. In-nies ma setgħux jivvintaw is-salib l-ieħor kieku Alla ma kienx ħalaq dak ta’ qabel.”
“U xi jfisser is-salib ta’ quddiem, ta’ dan ir-raġel b’dirgħajh miftuħin?”
“Meta niftah idejja”, qalli l-ħabib, “nagħmel hekk biex ngħannaq, biex inħobb.”
“U s-salib l-ieħor?”
“Hu l-għodda ta’ mħabba li ġiet mibdula u sfigurata, ta’ mibegħda li toqtol il-ħajja.”
Hawnhekk Patri Christian de Chergé jiġbor it-teoloġija tiegħu dwar is-Salib. Jgħid: “Il-ħabib Musulman kien qal: ‘Forsi tlieta’. Dan it tielet salib, forsi ma kienx jien, forsi ma kienx hu, waqt li għamilna sforz it-tnejn biex naslu li ninqalgħu mis-salib ta’ wara, is-salib tal-ħażen u tad-dnub u niggranfaw ma’ dak ta’ quddiem, is-salib ta’ mħabba rebbieħa?”
It-tradizzjoni Nisranija matul ħafna sekli ppreżentat is-salib b’diversi modi. Qegħditu fuq il-ħitan tal-knejjes, fi kruċifissi u pitturi, jew milbus b’ġiżirana mal-għonq. Imma ma rridux ninsew li fl-ewwel sekli tal-Kristjaniżmu, kien hemm forom simboliċi oħrajn billi s-salib kien għadu meqjus bħala forka ta’ kastig. Kien hemm żmien meta fil-Lvant kienu jpittru ikoni li jikkontemplaw lil Kristu trijunfanti, għalkemm fuq is-salib, Kristu ta’ maestà jew Kristu mħallef. Imbagħad, bil-mod il-mod, fil-Punent, naraw lil Ġesù sofferenti u li jmut, bil-kuruna tax-xewk, bid-demm nieżel ma’ spallejh, b’ġisem mimli ġrieħi, b’għajnejh magħluqin b’idejh ‘l isfel, bil-ħsieb li jkun imqiegħed għall-qima tal-fidili.
Min-naħa, Kristu sofferenti juri teoloġija mmarkata bl-importanza tal-Fidwa, bit-tbatijiet u bil-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Min-naħa l-oħra dan wassal biex ġenerazzjonijiet ta’ Nsara identifikaw ruħhom ma’ Ġesù u ssieħbu miegħu fil-mard tagħhom, fil-faqar u fl-iżolament.
Fl-ikona ta’ Tibhirine wieħed jara l-elementi ta’ ikona tip Biżantin. Fuq nett hemm is-seba’ ħallieq tal-Missier; fuq naħa tas-salib hemm Marija u fuq in-naħa l-oħra Ġwanni, kif narawhom b’mod tradizzjonali fl-arti tal-Kruċifissjoni. Marija hi f’qagħda li qed titlob, b’idejha ‘ l fuq. Ninnutaw ukoll il-kitba li hemm fuq l-injam tas-salib, li mhux kif dejjem miktuba, ‘Is-sultan tal-Lhud’ bil-Latin, bil-Grieg jew bil-Lhudi, imma hi miktuba bl-Għarbi, ‘Huwa rxoxta’, li hi t-tislima tradizzjonali tal-Insara Orjentali fl-Għid il-Kbir, ‘Huwa qam tassew!’
Joe Galea
‘Of Gods and Men’ hu film, ippremjat għall-istorja tiegħu dwar il-Patrijiet Martri ta’ Tibhirine, li tista’ tara ftit minuti minnu f’din il-link: