Bil-minkeb

Bħalissa, waqt li għaddejjin mis-saga tal-coronavirus, ħafna qiegħdin iħeġġu biex insellmu lil xulxin bil-minkeb. Sintendi, dan qed jagħmluh biex ma ngħaddux il-virus lil xulxin! U din hi ħaġa mhux biss tajba imma wkoll għaqlija għall-aħħar!

Tieħu gost tara dan l-att responsabbli li, kulma jmur, qed isir tassew komuni. Ġieli jseħħ ukoll fl-Ewkaristija ikkonċelebrata saħansitra f’għadd ta’ komunitajiet ta’ ħajja ikkonsagrata. Dan il-fatt iferraħni l-għaliex il-messaġġ li nieħdu ħsieb is-saħħa ta’ xulxin u li, l-awtoritajiet tas-saħħa, b’tant responsabbiltà, qed jisħqu li għandna nwettqu, issa qed jasal fl-għeruq! U jalla nissuktaw ngħadduh dan il-messaġġ! U allura hawnhekk, għal darb’oħra, wieħed japprezza bil-bosta il-kampanja li qed tagħmel il-Knisja f’Malta u Għawdex, ibda’ mill-istess isqfijiet infushom bl-eżempju tajjeb li qed jagħtuna, biex nikkollaboraw mal-awtoritajiet tas-saħħa u nsegwu b’kuxjenza d-direttivi li qed jgħaddulna! Messaġġi ta’ dan it-tip jagħmlu ġid kbir l-għaliex jgħaqqduna bħala poplu wieħed, Stat u Knisja, Knisja u Stat. U hekk, is-saħħa tal-poplu, tibqa’ l-ewwel prijorità f’din il-ġlieda li għandna kontra l-coronavirus! F’dan kollu nifraħ minn qalbi, filwaqt li nirringrazzja lill-Mulej, l-għaliex jiġini quddiem għajnejja dak li kien kiteb Sant Irinew (130-202) fit-tieni u t-tielet seklu meta qal: Il-glorja tal-Mulej huwa l-bniedem li jgħix imma l-ħajja tal-bniedem hi l-viżjoni ta’ Alla (Kontra l-Ereżiji 4, 20, 7).

U x’inhi din il-viżjoni tal-Mulej għall-bniedem, li minnha qed jitħaddet Sant’Irinew, jekk mhux ukoll li l-bniedem ikun b’saħħtu? Dan tixhidulna l-Bibbja stess meta tgħidilna f’dawn il-versi tant sbieħ u li jikkonvinċuna waħedhom dwar dan: Għażiż, nitlob lil Alla li kollox imurlek tajjeb u li tkun f’saħħtek, l-istess bħalma inti sejjer tajjeb f’ruħek (3 Ġw 1:2). U jekk inti tisma’ dawn l-ordnijiet u tħarishom u tagħmilhom, il-Mulej, Alla tiegħek, iħares il-patt u t-tjieba li ħalef lil missirijietek; u jħobbok, u jbierkek u jkattrek, ibierek frott ġufek u frott artek, il-qamħ tiegħek, l-inbid tiegħek, iż-żejt tiegħek, il-frieħ tal-bhejjem tiegħek, u l-għalel ta’ l-imrieħel tiegħek, fl-art li ħalef li jagħti lil missirijietek. “Mbierek tkun int aktar mill-popli kollha; ħadd fik ma jkun ħawli jew ħawlija, u lanqas fost il-bhejjem tiegħek. Il-Mulej iwarrab minnek kull mard u ma jġibx fuqek il-mardiet koroh ta’ l-Eġittu, li inti taf bihom, … (Dt 7:12-15). Arawni, jien se nagħlqilhom il-ġerħa; ndewwihom u nfejjaqhom, u nurihom il-kotra tas-sliem sħiħ għal dejjem (Ġer 33:6).

U, la l-Mulej ifejjaq il-mard, bħalma tgħid il-Bibbja stess: ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
[S:103:4] jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena (S 103:3-4), għax hu daqshekk importanti li nkunu f’saħħitna f’ġisimna u f’ruħna? It-tweġiba tagħtihielna l-Bibbja stess fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin li tgħidilna: Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom (1 Kor 6:19-20). U, din l-għotja tal-ġieħ lill-Mulej permezz ta’ ġisimna tfisser iva ukoll li nwarrbu d-dnub u anki l-mard minn ħajjitna! Inkluż li nipprevenu sewwa mill-coronavirus u kull mard ieħor!

Kemm hu sabiħ u ta’ inkoraġġiment li nies li bħalissa qegħdin fuq quddiem nett biex jgħinuna u jibgħżulna għal saħħitna, kontra dan il-virus qalil li jissejjaħ coronavirus, qed jagħtuna l-eżempju t-tajjeb huma stess! Mhux l-ewwel darba li rajthom isellmu lil xulxin bil-minkeb u qatt bl-idejn. Għax il-minkeb, kif fissirli tabib, huwa l-aktar parti maħmuġa tal-ġisem filwaqt li l-idejn, li biha mmissu kollox, meta din tinfetta ruħha tispiċċa tinfetta lilna bħala persuni u anki meta nieħdu b’idejn l-oħrajn.

Imma l-minkeb nippreżentawh lil xulxin biex nibżgħu għas-saħħa ta’ xulxin u mhux biex inwarrbu jew nistmellu wieħed lil ieħor! Bħalma jiġri fil-logħba tal-ballun li player kważi jkisser ix-xedaq ta’ player ieħor biex ma jħallihx joħodlu l-ballun! U lanqas m’għandna nużaw il-minkeb biex nagħtu bih ħa nsaltnu aħna fuq ħaddieħor! Le! Issa qed nagħtu minkbejna lil xulxin biex nibżgħu għal xulxin u mhux biex nagħmlu lil xulxin il-ħsara! Kos hux kemm l-intenzjoni ta’ moħħna fl-għemil tagħna hi kollox!

Għalhekk, f’dawn iż-żminijiet xejn sbieħ u ta’ prova kbira, għalina ilkoll, fejn, għal ġid ta’ saħħitna u saħħet ħaddieħor, qed nippreżentaw minkbejna, ejjew b’daqshekk ma ninsewx mis- solidarjetà li għandna nuru ma’ xulxin billi ngħinu lil xulxin b’kull mod! La, kif jgħidilna San Pawl, jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu (1 Kor 12:26), ħa nuru qalb kbira bejnietna billi nieħdu ħsieb xulxin b’posts fuq Facebook, telefonati, u kull tip ieħor ta’ messaġġ ta’ kuraġġ u kura u, f’każi li jkun hemm tassew il-ħtieġa, ħa naqdu lil dawk fostna li huma waħedhom u qed jitkarrbu għall-għajnuna!

Hekk il-minkeb iwassal għall-qalb miftuħa bl-imħabba lejn il-proxxmu li terfa’ lil min qed ibati u lilu trikkeb u mhux tirkeb!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply