Bħalissa għaddejja karellata ta’ ringrazzjamenti ta’ nies differenti li qiegħdin jwettqu xogħol tad-deheb fil-ġlieda kontra l-Covid-19. Imma, bil-listi tar-ringrazzjamenti faċli toħloq ir-riżentimenti! Għax lil dawk issemmihom imma lil dak jew dik lanqas taf li jeżiżtu! Intant!… Mela iċċekkja sew qabel tibda’ tirringrazzja! Ħalli ma ittellifx il-grazzja!
Ħaġa nteressanti hi kumment li smajt mingħand xi ħadd f’dawn il-ġranet fejn qal: M’għandniex bżonn iċ-ċapċip. Imma obdu! U toħorġux! Raġel bħal dan, u mara bħal din, naqlagħlhom il-kappell! Għax tassew nies li jiswew mhux biss karlin imma tassew huma bħad-deheb fin! Huma nies li m’humiex moħħhom mill-features fl-aħbarijiet u fil-gazzetti imma qalbhom qiegħdha f’li jaqdu l-missjoni tagħhom. Kemm dawn in-nies tal-Mulej josservaw bil-għaqal kliem Ġesù meta jgħid: Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu (Mt 6:2-4).
Kien proprju għal dawn tip ta’ nies li Papa Franġisku kien qed jirreferi fid-diskors tiegħu tal-Ġimgħa 27 ta’ Marzu tal-2020 meta qal: Hija l-ħajja tal-Ispirtu li kapaċi tifdi, tagħti valur u turi kif il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu.
X’karità kbira qed issir minn min ma jiktbux fuqu u fuqha! B’min ma jġibuhx u ma jġibuhiex fuq l-aħbarijiet u ma jagħmlux features fuqu u fuqha! U ma jsemmuhx u ma jsemmuhiex fil-lista tar-ringrazzjamenti! Għax, ħabib, il-miraklu tal-imħabba isir fis-skiet! U mhux fl-istorjbu! Li jtir mar-riħ. Għax il-fanfarunati tal-Mulej fis-skiet isiru! Bħalma seħħet ir-Riżurezzjoni ta’ Ġesù!
U, illum, jekk hemm miraklu li jseħħ fis-skiet, hu dak tas-sagrament tal-Qrar. Hekk jgħidilha Ġesù lil Santa Fawstina fid-Djarju li kitbet:
Ikteb, tkellem dwar il-ħniena Tiegħi. Għid lill-erwieħ fejn għandhom ifittxu l-faraġ; jiġifieri, fit-Tribunal tal-Ħniena (is-Sagrament tal-Qrar). Hemmhekk iseħħu l-ikbar mirakli u jirrepetu ruħhom bla waqfien. Biex wieħed japprofitta minn dan il-miraklu, m’hemmx għalfejn imur xi pellegrinaġġ kbir jew iwettaq xi ċerimonja li tidher minn barra; biżżejjed li wieħed jiġi bil-fidi f’riġlejn ir-rappreżentant Tiegħi u jurih lil-miżerja tiegħu, u l-miraklu tal-Ħniena Divina jkun jista’ jidher bis-sħiħ. Li kieku r-ruħ tkun bħal kadavru qed jitmermer u għalkemm, skont kif jarawha l-bnedmin, ma jkun hemm l-ebda (tama li) terġa’ tiġi f’tagħha u kollox ikun diġa’ mitluf, mhux hekk ma’ Alla. Il-miraklu tal-Ħniena Divina jerġa’ jġedded lil dik ir-ruħ bis-sħiħ. O, kemm huma msejknin dawk li ma japprofittawx mill-miraklu tal-Ħniena ta’ Alla! Għalxejn għad issejjaħli, għax ikun tard wisq (Djarju, 448).
Qerr kull xahar ħalli qalbek tibqa’ nar! U lis-saċerdoti u l-Patrijiet li ma jissemmewx jew li inkella, jinsewhom (?) fil-lista tar-ringrazzjamenti, ngħidilhom hekk minn qalbi: ibqgħu kunu protagonisti! Ħalli isimkom fis-sema jixxandar! Għax ta’ din id-dinja kollox itir mar-riħ! Ibqgħu iddominaw mhux il-paġni tal-gazzetti jew l-iscreens tat-televiżjoni imma ibqgħu idħlu fil-qlub tan-nies! Ibqgħu qarru! Ibqgħu kunu qaddejja tas-Saltna ta’ Ġesù Ħanin!
Għax l-aqwa mirakli jseħħu fis-skiet! U huma nies li jħallu lill-Mulej jaħdem fihom u bihom fis-skiet li huma tassew il-barkiet! Eżatt bħall-Ħniena Divina li trid tagħmel lil qalbek u lill-qalbi, ĦANINA!
Patri Mario Attard OFM Cap