Illum il-Knisja tfakkar lil San Soteru


Fit-22 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Soteru, Papa u Martri u ħa l-martirju għall-ħabta tas-sena 175.

Wara l-mewt tal-Papa San Aniċetu li ġrat madwar is-sena 166, ġie magħżul bħala t-12-il Papa, San Soteru. Hu kien minn Fondi qrib Gaeta fl-Italja.

Dan il-Papa kellu jikkumbatti l-ereżija ta’ Montano mill-Friġja, li kien jgħallem li xi dnubiet ma setgħu qatt jiġu maħfurin u li hu kien il-mibgħut ta’ Alla biex permezz tiegħu jissawwab mill-ġdid l-Ispirtu s-Santu.

Lil San Soteru wkoll hu attribwit il-preċett tal-Għid, li fih l-insara kollha, barra dawk ħatja ta’ xi dnubiet kbar, kellhom jirċievu t-tqarbin f’Ħamis ix-Xirka.

Ittra li l-Papa San Soteru bagħat lill-Knisja ppersegwitata ta’ Korintu b’xorti ħażina ma nstabitx, imma jeżistu biċċiet mit-tweġiba li l-isqof ta’ Korintu, San Dijonisju, bagħat, u fiha l-isqof jirreferi għall-“abbundanza li l-Papa bagħat lill-qaddisin (insara) ta’ Korintu, u l-konsolazzjoni li hu bagħtilhom bil-kliem ta’ faraġ li hu bagħat bħal missier kollu mħabba għal uliedu.” Ikompli jgħid: “Illum, Jum il-Mulej, aħna qrajna l-ittra tiegħek, u nixtiequ dejjem li nerġgħu naqrawha u niġu mwissijin permezz tagħha, bl-istess mod kif għamilna bl-ittra li kien bagħtilna l-Papa Klement.”

Il-Papa San Soteru jidher li miet wara 9 snin pontifikat fis-sena 175 fi żmien l-Imperatur Marku Awrelju.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com