It-Tlieta, 21 ta’ April 2020: F’daż-żmien qed isaltan ħafna silenzju. Silenzju li tista’ tisimgħu. Jalla das-silenzju, li xi ftit jew wisq hu ġdid għad-drawwiet tagħna, jgħallimna nisimgħu, ikattrilna l-ħila li nisimgħu. Għal dan nitolbu.
Omelija – L-Ispirtu s-Santu, Mgħallem tal-armonija
‘Nitwieldu mill-għoli’ (Ġw 3, 7) ifisser li nitwieldu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Aħna ma nistgħux inqisu lill-Ispirtu s-Santu bħala xi ħaġa personali; nistgħu biss inħalluh jibdilna. Il-ħlewwa tagħna tiftaħ il-bieb lill-Ispirtu s-Santu: Hu jibdel, jittrasforma. Dan hu t-twelid mill-għoli. Hi l-wegħda ta’ Ġesù li jibgħat l-Ispirtu s-Santu (Atti 1, 8). L-Ispirtu s-Santu jagħmel il-meravilji, affarijiet li lanqas biss jaqgħulna f’moħħna.
Eżempju ta’ dan hi l-ewwel komunità nisranija, li mhix fantasija dak li qed jgħidulna hawn: huwa mudell ta’ sa fejn nistgħu naslu meta aħna doċli, meta nħallu lill-Ispirtu s-Santu jidħol fina u jibdilna. Komunità – biex ngħidu hekk – ‘ideali’. Minnu li wara dan, mill-ewwel bdew il-problemi, imma l-Mulej jurina fejn nistgħu naslu jekk inkunu miftuħin għall-Ispirtu s-Santu, jekk inkunu ta’ qalb ħelwa. F’dil-komunità hemm l-armonija (cfr. Atti 4, 32-37). L-Ispirtu s-Santu hu l-Imgħallem tal-armonija, għandu ħila jwettaqha u wettaqha hawnhekk. Għandu jnissilha wkoll fi qlubna, jibdel ħafna affarijiet fina, imma jġib l-armonija, għaliex hu stess huwa l-armonija. Huwa wkoll l-armonija bejn il-Missier u l-Iben: hu l-imħabba tal-armonija. U bl-armonija Hu joħloq affarijiet bħal dawn, bħal din il-komunità tant armonjuża. Imma mbagħad, fl-istorja, jgħidilna l-istess Ktieb tal-Atti tal-Appostli, jibdew ħafna problemi fil-komunità. Dan hu mudell: il-Mulej ippermetta li jkun hemm dal-mudell ta’ komunità kważi ‘ċelesti’ biex jurina fejn għandna naslu.
Imma mbagħad jibdew il-firdiet fil-komunità. L-Appostlu Ġakbu, fit-tieni kapitlu tal-Ittra tiegħu jgħid: ‘Tħalltux il-fidi mal-ħarsien lejn l-uċuħ’ (Ġk. 2, 1): għax diġà kien hemm dis-sitwazzjoni! ‘Tiddiskriminawx’: l-appostli kellhom joħorġu biex iwissu. U fl-ewwel Ittra lill-Korintin, fil-kapitlu 11, jilmenta: ‘Smajt li hemm xi firdiet fostkom’ (cfr. 1 Kor. 11, 18): jibdew il-firdiet fi ħdan il-komunità. Aħna għandna nimmiraw biex nilħqu dan l-‘ideal’, imma mhux ħaġa ħafifa: hemm bosta affarijiet li jifirdu l-komunità, kemm il-komunità nisranija kif ukoll dik parrokkjali, jew djoċesana, jew presbiterjali, jew ta’ reliġjużi rġiel u nisa… jinbtu tant affarijiet li jifirdu l-komunità!
Meta naraw dak li kien jifred lill-ewwel komunitajiet insara, jien insib tliet kawżi, l-ewwel fosthom il-flus. Meta l-appostlu Ġakbu jgħid li m’għandniex inħarsu lejn uċuħ, jagħti eżempju: ‘għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċurkett tad-deheb u mill-ewwel tagħtuh wiċċ, imma lill-fqir tagħtuh il-ġenb…’ (cfr. Ġk. 2, 2). Il-flus. Pawlu jgħid l-istess: ‘L-għonja jġibu l-ikel u jieklu huma, u l-foqra jibqgħu bilwieqfa’ (cfr. 1 Kor. 11, 20-22). Inħalluhom hemm qisna qed ngħidulhom: ‘Ara kif se tirranġa.’ Il-flus jifirdu, il-ġibda għall-flus tifred. Il-ġibda għall-flus tifred il-komunitajiet, tifred lill-Knisja.
Tant drabi, fl-istorja tal-Knisja, fejn ikun hemm id-devjazzjonijiet dottrinali – mhux dejjem, imma bosta drabi – warajhom ikun hemm il-flus: il-flus kemm tal-poter politiku kif ukoll il-flus likwidi, imma l-flus. Il-flus jifirdu lill-komunità. Għaldaqstant il-faqar huwa omm il-komunità. Il-faqar huwa l-ħajt li jagħti kenn lill-komunità. Il-flus jifirdu, l-interess personali jifred. Fil-familji wkoll: kemm familji spiċċaw mifrudin minħabba wirt? Kemm familji? U ma jkellmux lil xulxin aktar… Kemm familji jinfirdu minħabba l-wirt! Il-flus jifirdu.
Ħaġ’oħra li tifred komunità hi l-vanità, dik il-kilba li trid tkun aħjar mill-oħrajn. ‘Inroddlok ħajr, Mulej, għax jien mhux bħall-oħrajn’ (cfr. Lq. 18, 11): it-talba tal-fariżew. Inħoss illi l-vanità… il-vanità li rrid nidher, fid-drawwiet tiegħi, fi lbiesi. Kemm drabi – mhux dejjem, imma spiss – iċ-ċelebrazzjoni ta’ xi sagrament tkun eżempju ta’ vanità, min ikollu l-isbaħ libsa, min jagħmel ħaġa u min oħra… Il-vanità … biex il-festa tkun akbar… Hemmhekk ukoll hemm il-vanità. U l-vanità tifred. Għax il-vanità ġġiegħlek issir pagun. Fiha hemm il-firda, dejjem.
It-tielet ħaġa li tifred komunità hi t-tqassis: mhux l-ewwel darba li qed ngħidha, imma hija r-realtà. Hija r-realtà. Dik ix-xi ħaġa li x-xitan jitfa’ fina, il-ħtieġa li nseksku dwar ħaddieħor. ‘Kemm hi persuna tajba dik…’ – ‘Iva, iva, imma, però…’ Mill-ewwel jibdew il-ġudizzji: dik hi ġebla li biha tiskwalifika lill-ieħor għax mill-ewwel nibda ngħid dak li smajt dwaru u b’hekk inkun qed inċekknu xi ftit.
Imma l-Ispirtu jiġi dejjem bil-qawwa tiegħu biex isalvana minn dil-mondanità tal-flus, tal-vanità u tat-tqassis, għax l-Ispirtu mhuwiex id-dinja: hu kontra d-dinja. Għandu s-setgħa li jagħmel dawn il-mirakli, dawn l-affarijiet kbar.
Nitolbu lill-Mulej biex ikollna d-doċilità lejn l-Ispirtu ħalli Hu jittrasformana u jittrasforma l-komunitajiet tagħna – parrokkjali, djoċesani, reliġjużi – jibdilhom, biex jibqgħu dejjem mexjin fl-armonija li Ġesù jrid fil-komunità nisranija.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.