Illum il-Knisja tfakkar lil San Anselmu

Print Friendly, PDF & Email

Fil-21 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Anselmu, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1033 sa 1109.

San Anselmu twieled fil-Belt ta’ Aosta, fuq l-Alpi, fl-Italja, fl-1033. Ommu kienet mara tajba, iżda missieru ma kienx. Meta kellu madwar ħmistax-il sena, ommu mietet, u billi missieru ma kienx jittrattah tajjeb, telaq mid-dar, u għal xi snin għex ħajja jiġġerra, u saħansitra qasam ġo Franza. Hemmhekk daħal fil-monasteru ta’ Bec, fejn sar dixxiplu tal-magħruf Abbati Lanfranku.

Fl-1060, sar Patri Benedittin, meta kellu 27 sena. Fl-1063, sar Pirjol u ħmistax-il sena wara ġie elett Abbati. Minħabba x-xogħol li kellu bħala Abbati, minn żmien għal żmien, kien ikollu jmur l-Ingilterra u hemm ġieli qagħad għand ħabibu Lanfranku. Lanfranku kien l-Arċisqof ta’ Canterbury. Meta fl-1093, Lanfranku miet, Anselmu ġie magħżul floku, għalkemm ir-Re William Rufus opponieh.

Fl-1097, Anselmu mar Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa Urbanu II, u baqa’ hemm sakemm miet ir-Re, fl-1100. Meta rritorna l-Ingilterra, ħu Rufus kien Re bl-isem ta’ Enriku I. Dan ir-Re wkoll, bħal ħuh, ried li jkollu s-setgħa li jagħżel l-Isqfijiet hu, iżda Anselmu baqa’ ma aċċettax.

Fl-1103, Anselmu reġa’ mar Ruma u ltaqa’ mal-Papa Paskal II. Bħal qabel sab l-appoġġ kollu tal-Papa, u baqa’ Ruma sal-1105, meta Enriku I wiegħed li ma jindaħalx iktar fl-għażla tal-Isqfijiet. Iżda l-kwistjoni tal-Investitura nqatgħet fil-Konċilju ta’ Londra, fl-1107.

Anselmu miet fuq biċċa xkora, f’Canterbury, fil-21 ta’ April 1109, wara li kien ilu Isqof ħmistax-il sena. Il-fdal tiegħu jinsab fil-Katidral, illum Protestant, ta’ Canterbury. Il-Papa Klement XI iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1720.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading