Quddiesa u Rużarju mill‑Kurja tal-Arċisqof – 21 ta’ April 2020


It-Tlieta, 21 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil‑Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

IT-TWELID ĠDID LI JIĠI MINN ALLA

Nikodemu kien Fariżew. Imma kien differenti minn uħud minn sħabu l-Fariżej.

Nafu, speċjalment mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, kif il-Fariżej, meta kienu jiltaqgħu ma’ Ġesù, kienu jagħmlulu ħafna mistoqsijiet. Imma l-intenzjoni tagħhom ma kinetx biex isiru jafu, imma kemm-il darba staqsew lil Ġesù biex jonsbuh, jew inkella biex jidħlu f’dibattitu miegħu. Ġesù mal-Fariżej ħafna drabi sab qisu ħajt: ras iebsa u qalb magħluqa.

Nikodemu kien differenti. Meta mar għand Ġesù, mar bl-iskop li jistaqsi. Kien hu li fittex lil Ġesù bl-iskop li jistaqsi u jkun jaf iżjed. Xtaq li jikber fl-intelliġenza tiegħu.

U Ġesù, fid-djalogu miegħu – dan id-djalogu tant sabiħ – jinsisti fuq ħaġa importanti ħafna. Qisu jagħmel stedina, challenge, lil Nikodemu: jeħteġ li titwieled mill-ġdid. Xi ħaġa li Nikodemu ma fehemhiex. Kienet tfisser: tibqax taħseb bħalma dejjem ħsibt; qisek bil-kontinwità, tkompli tikber fl-intelliġenza u għalhekk tkun taf aktar. Imma iftaħ qalbek għall-Ispirtu ta’ Alla illi, kif qal Ġesu, jonfoħ fejn irid.

Qed jgħidlu Ġesù xi ħaġa importanti għal ħajjitna: mhux aħna li nsalvaw lilna nfusna, imma hu Alla li jsalvana. Mhux aħna li nsiru nafu u qisna b’xi mod nikkontrollaw lil Alla, imma hu Alla li, meta niftħu qalbna għalih, jidħol fina u jagħtina ħajja ġdida, u jmexxina fit-triq li hi tassew ta’ ġid għalina.

Dan hu li Ġesù jgħid lilna wkoll illum: li aħna wkoll hemm bżonn nitwieldu mill-ġdid. Aħna ħadna dan it-twelid ġdid bil-magħmudija. Meta rċevejna l-magħmudija, niżel fina l-Ispirtu s-Santu. Dak inhar l-Ispirtu ta’ Alla tana wkoll il-qawwa biex f’ħajjitna dejjem nitwieldu mill-ġdid f’das-sens li semma Ġesù. Għalhekk biex ma nibqgħux dejjem għaddejjin kif dejjem għamilna – qisna b’din il-kontinwità fil-ħajja tagħna, ħaġa ma’ oħra. Imma nkunu miftuħin għall-ġdid li jġib Alla fina.

L-ewwel qari, mill-Atti tal-Appostli, hu eżempju ta’ dan. L-ewwel insara kienu mimlijin b’din il-ħajja ġdida li tahom Ġesù bil-qawmien tiegħu, u r-riżultat in-nies setgħu jarawh fil-ħajja tagħhom. Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li dawn kienu “qalb waħda u ruħ waħda” – riżultat ta’ dan it-twelid ġdid – u dak li jaqilgħu kienu jaqsmuh mal-oħrajn, ħa jaħsbu f’dawk li huma fil-bżonn. Mhux biss li jimxu tajjeb meta qed ibigħu xi ħaġa, imma li jkollhom din is-solidarjetà ma’ dawk li huma fil-bżonn. Dan kien frott ta’ dan it-twelid ġdid li ġab fihom l-Ispirtu ta’ Alla.

Nitolbu lil Alla din il-grazzja, u speċjalment f’dan iż-żmien. Għaddejjin minn żmien diffiċli, żmien li nixtiequ li jispiċċa. Imma tajjeb ngħidu: biex nerġgħu niġu għal li konna, nerġgħu naqbdu l-ħajja li konna fiha? Dil-kelma ta’ Alla ma tgħidilniex xi ħaġa importanti? Hemm bżonn twelid ġdid. Nitolbu lil Alla din il-grazzja: li wara daż-żmien diffiċli, meta jgħaddi, mhux nerġgħu lura għal kif konna, imma naraw kif nistgħu nitwieldu mill-ġdid f’din il-ħajja li jagħtina Alla bl-Ispirtu tiegħu ħalli l-ħajja tagħna nistgħu ngħixuha, ngħożżuha, kif irid Alla, li fl-aħħar mill-aħħar hi għall-akbar ġid tagħna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju