Insellmu l-memorja għażiża Alfred Mallia


Is-sit tal-Laikos jingħaqad ma’ bosta vuċijiet oħra fis-soċjetà Maltija u fi ħdan il-Knisja biex issellem il-memorja għażiża tas-Sur Alfred Mallia, li ħalliena lbieraħ il-Ħadd 3 ta’ Mejju 2020, biex mar fi ħdan ir-Ragħaj it-Tajjeb li tiegħu kien ‘leħen’ sod u qawwi matul ħajtu.

Alfred Mallia
Alfred Mallia

Magħruf bħala edukatur u attur, bil-vuċi unika tiegħu mżewġa mal-ħila impekkabbli għal qari espressiv bl-Ingliż u bil-Malti, Alfred wassal ukoll il-messaġġ tal-Vanġelu fuq ir-radjijiet tagħna, fost l-oħrajn bħala voluntier ta’ Radju Marija. Fil-fatt, għal bosta minna l-vuċi tiegħu tibqa’ sinonima, fost l-oħrajn, mar-rikording tal-qari tal-Bibbja kollha bil-Malti mxandar mill-Għaqda Biblika Maltija.

Fuq il-Laikos, tistgħu ssibu wkoll il-qari tiegħu tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku “Il-Ferħ tal-Vanġelu“. Aħna żguri li l-Mulej Ġesù għarafha sew din il-vuċi xħin Alfred tfaċċa fuq l-għatba tal-Ġenna. Nagħtu l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.