Illum il-Knisja tfakkar lil San Nunzio Sulprizio


Fil-5 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Nunzio Sulprizio, li għex bejn is-snin 1817 sa 1836.

Twieled f’dar fqira f’Pesco Sansonesco (Pescara) fl-Italja minn ġenituri ta’ ħajja verament Nisranija. Semmewh Nunzio f’ġieħ il-Lunzjata. Tilef lil missieru meta kellu tliet snin; tliet snin wara mietet ukoll ommu.

Minħabba f’hekk ta’ sitt snin ġabritu magħha nanntu Anna-Rosa, mara twajba ta’ ħajja reliġjuża li għaliha l-quddiesa u r-rużarju ta’ kuljum kienu l-ewwel u qabel kollox. Minn ħoġorha beda jixrob l-ispiritwalità sempliċi u soda li tant kellu bżonn fil-mixja ta’ ħajja li għalih kienet qed tħejjih il-providenza.

Nanntu mietet meta hu kien għadu m’għalaqx is-seba’ snin, u għalhekk Nunzio mar jgħix ma’ zijuh ħaddied, li kien iebes ħafna miegħu. Kien iħaddmu ħafna, isawwtu, kien ikollu joqgħod fil-kantina jiġbed il-minfaħ tal-forġa u xi drabi jdejh imtlew bid-demm. Imma fost dan kollu Nunzio kien isib faraġ fit-talb u wasal biex iġarrab l-hena fit-tbatija.

Bilkemm kien jiekol sa jixba’; saħħtu bdiet sejra lura, irkopptu bdiet tintefaħ sa waslet biex infetħitlu ferita u ma kienx jista’ jimxi, u kellu huwa stess jagħmel krozza. Nunzio kien jinġabar fit-talb u joffri t-tbatijiet għall-midinbin.

Meta ntbagħat l-isptar it-tobba qatgħuha li ma kienx hemm fejqan għalih u għalhekk reġa’ ntbagħat lura d-dar, fejn kellu jgħix taħt il-kefrija ta’ zijuh li kien bniedem ta’ qalb iebsa.

Imma zijuh ieħor li kien jinsab Napli talab lill-Kurunell Karl Wochinger li beda jinteressa ruħu miż-żagħżugħ, u dan ħaseb biex iġibu fil-belt ta’ Napli u bagħtu l-ewwel fi sptar imbagħad ġabru miegħu fid-dar tiegħu stess.

Nunzio kien ilu jixtieq li jsir saċerdot u li jidħol f’kunvent fejn seta’ jinġabar iżjed fit-talb u l-meditazzjoni. Imma xewqtu ma ġietx mitmuma għax il-mard qarreb il-mewt tiegħu.

Miet fil-5 ta’ Mejju, 1836 meta kellu 19-il sena u 22 ġurnata. San Pawlu VI ddikjara lil Nunzio Sulprizio Beatu fl-1 ta’ Diċembru, 1963 u l-Papa Franġisku kkanonizzah fl-14 ta’ Ottubru, 2018.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.