Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 8 ta’ Mejju


Il-Ġimgħa, 8 ta’ Mejju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Tħallux qalbkom titħawwad

“Tħallux qalbkom titħawwad”. Dan hu l-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu. Kliem ta’ konsolazzjoni, ta’ inkoraġġiment. Dan il-kliem jgħidu proprju fl-Aħħar Ċena, ftit qabel ma kellu jgħaddi mill-passjoni ħarxa u l-qtil brutali tiegħu.

Dan il-kliem qalu lid-dixxipli tiegħu għax kien jaf li fil-fatt id-dixxipli tiegħu kienu sejrin mhux biss jitħawdu imma jitħarbtu. Kif jgħaddu minn dik l-esperjenza kerha u qarsa tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, id-dixxipli tiegħu, ħlief wieħed, kollha ħarbu.

Imma Ġesù jgħidilhom “tħallux qalbkom titħawwad” u jgħid għaliex: “Emmnu f’Alla, emmnu fija”. Hi din il-fidi f’Alla li kellha tmexxihom ’il quddiem f’dawn il-mumenti ibsin – meta huma jaraw minn barra l-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb, il-vjolenza fuq il-paċi, l-inġustizzja fuq il-ġustizzja, il-mewt fuq il-ħajja.

Id-dixxipli kellhom jiftakru f’dan il-kliem wara li Ġesù qam mill-mewt, għax fil-fatt qabel, meta għadda mill-passjoni u l-mewt, tħawdu; wara, kellhom jiftakru dan il-kliem li qal Ġesù. Imma fejn is-salib kien hemm Marija Ommu u Ġwanni u ftit nisa li veru għexu dan il-kliem ta’ Ġesù: “Tħallux qalbkom titħawwad. Emmnu f’Alla u emmnu fija”.

X’inhu l-messaġġ li jgħid lilna llum? Aħna wkoll ngħaddu minn mumenti diffiċli fil-ħajja tagħna, fejn kultant nistgħu naħbtu nitħawdu.

Jista’ jkun nitħawdu għax nippruvaw nagħmlu l-ġid u minflok naqilgħuha fuq wiċċna. U ngħidu: Hekk sew! Tagħmel it-tajjeb u ħlief il-kuntrarju ma ssibx!

Jista’ jkun nitħawdu għax ngħaddu minn esperjenza ta’ tradiment, speċjalment fil-familja – esperjenza meta xi ħadd jittradik jew jilagħbek. U int tgħid: konna ħaġa waħda, kont tant nafda fih, ara fiex ġabni!

Jista’ jkun nitħawdu minħabba ċirkustanzi bħalma qed ngħixu, din tal-pandemija li tħarbat il-ħajja, taqlibha ta’ taħt fuq, tħarbtilna l-programmi tal-ħajja, toħloq inċertezza fuq il-futur, u kultant anke esperjenzi ta’ qsim il-qalb fil-familja stess.

Jista’ jkun nitħawdu għax ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina u aħna ngħidu: ara dan jaħasra, forsi kien żgħir, jew kien tant qalbu tajba, għax kellu jispiċċa hekk? Jew din il-mara tant għamlet ġid!

Ngħaddu minn esperjenzi bħal dawn. Il-kelma li jgħid Ġesù hi kelma importanti għal ħajjitna għax tfakkarna: Hi l-fidi f’Alla li tmexxina ’l quddiem f’dawn is-sitwazzjonijiet ibsin. Ma tfissirx li ma ngħaddux minn tbatija, minn uġigħ, minn esperjenzi li jfixkluna fil-ħajja tagħna. Imma Ġesù qed jgħidilna li l-fidi f’Alla hi li aħna npoġġu l-id tagħna fl-id tiegħu, ħa jakkumpanjana hu, ħa jmexxina hu f’dawn il-mumenti ibsin. Meta għandna lilu, għandna tassew l-inkoraġġiment u l-għajnuna li għandna bżonn. Ġesù jgħidilna: jiena miegħek, inti miegħi, aħna nimxu flimkien, u mmexxik ’il quddiem f’dawn il-mumenti ibsin.

Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li ma nħallux il-konfużjoni u t-taħwid jegħlbuna imma nqiegħdu l-fiduċja fih li jakkumpanjana, hu li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju