Wara li xahar ilu għamel sejħa lill-Knisja f’Għawdex biex tinġabar is-somma ta’ €50,000 ħalli jixtara ventilator biex jingħata lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-Isqof Mario Grech għadda din is-somma lil Dr Chris Fearne, Ministru għas-Saħħa.
Fl-ittra tiegħu lill-Onorevoli Ministru, l-Isqof Grech kiteb hekk:
“Qed ngħaddi s-somma ta’ €50,000 li l-Knisja f’Għawdex għoġobha toffri biex tirreċiproka sejħa li jien għamilt biex jiġi megħjun l-isforz nobbli kontra l-pnademija tal-Covid-19 mill- Ministeru għas-Saħħa. Parti mhux żgħira minn din is-somma huwa s-sehem li offrejna aħna l- qassisin.
Kienet l-intenzjoni tiegħi li jinġabru fondi biex jinxtara ventilator li jassisti fil-kura tal- pazjenti li l-aktar jintlaqtu ħażin mill-virus, preferibbilment dawk minn Għawdex. Konvint li l-Ministeru għas-Saħħa se jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi, kif jidhirlu xieraq.
Filwaqt li f’isem il-Knisja f’Għawdex irrodd ħajr lilek u lill-kollaboraturi tiegħek għas- servizz li qegħdin tagħtuna, bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom”.
Is-somma kollha li nġabret kienet €60,230. Dak li fadal wara li saret l-għotja ta’ €50,000 ser jgħaddi lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun jista’ jkompli jwieżen lil dawk li minħabba din il-pandemija għandhom diffikultajiet finanzjarji.
Il-kont bankarju “COVID 19” ser jibqa’ miftuħ għal min jixtieq jagħmel donazzjonijiet ta’ karità u hekk jgħin lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikompli jifrex l- għajnuna f’dawn iż-żminijiet partikulari.
Isem tal-kont: COVID 19 Numru tal-kont: 35452320032
IBAN: MT91APSB77013000000035452320032
Swift Code: APSBMTMT
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fuq il-linji tat-telefon: 51502095 – €5
51602017 – €10
51002021 – €20
51902087 – €50