L-Inżul fuq l-irkupptejn – 1 parti

Print Friendly, PDF & Email

Kif għandna noqogħdu fil-knisja

Jekk Alla jrid dalwaqt nerġgħu mmorru l-knisja għall-Quddiesa. Se ngħidulna minfejn għandna nidħlu, fejn għandna noqogħdu u x’għandna nagħmlu biex inħarsu s-saħħa tagħna u tal-oħrajn li jkunu preżenti fil-knisja. Fil-ġranet li fadal, nistgħu naraw kif il-Knisja wkoll tagħtina regoli dwar kif għandna noqogħdu waqt il-Quddiesa.

L-INŻUL FUQ L-IRKUPPTEJN – 1 Parti

Fil-ktieb tiegħu ‘The Spirit of the Liturgy’ il-Papa Emeritu Benedittu XVI jitkellem dwar il-ġesti differenti li nużaw fil-Liturġija. Għaliex inqumu bilwieqfa, noqogħdu bil-qiegħda u ninżlu għarkupptejna. F’dawn is-siltiet naraw x’jikteb il-Papa Benedittu dwar meta noqogħdu għarkupptejna.

Jeżistu xi gruppi tabilħaqq influenti li bi kliemhom qed jippruvaw jipperswaduna li m’għandniex noqogħdu għarkupptejna. Jgħidu li din il-ħaġa ma tmurx mal-kultura tagħna (liema kultura?), li mhux sew li bniedem adult jinżel għarkupptejh. Bil-maqlub huwa għandu jiffaċċja lil Alla bilwieqfa. Jgħidu wkoll li l-bniedem mifdi m’għandux għalfejn jinżel għarkupptejh iżjed, ladarba ġie meħlus minn Ġesù.

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja ninnutaw li kemm il-Griegi kif ukoll ir-Rumani kienu jirrifjutaw li joqogħdu għarkupptejhom. Minħabba l-ġlied u l-piki bejn l-allat li nsibu fil-mitoloġija, din l-attitudni kienet iġġustifikata għal kollox. Kien jidher ċar li dawn l-allat ma kinux Alla, anki jekk dak li jkun kien tant jiddependi fuq il-qawwa kapriċċuża tagħhom u kellu jagħmel minn kollox biex kemm jista’ jkun jikkuntentahom. Għalhekk kienu jsostnu li ma kinitx ħaġa denja għal bniedem ħieles li jinżel għarkupptejh u li pożizzjoni bħal din ma kinetx tixraq lill-kultura griega.

Min-naħa l-oħra l-barbari kienu jaċċettawha. Plutarku u Teofrastu kienu tal-fehma li jekk wieħed joqgħod għarkupptejh kien sinjal ta’ superstizzjoni, filwaqt li Aristotli ġest bħal dan sejjaħlu mġiba barbara. (cf. Rhetoric 1361 a 36). Santu Wistin qabel ma’ Aristotli f’ċertu sens: l-allat foloz kienu biss maskri tad-dimonji, li jġiegħlu lill-bnedmin jaduraw lill-flus u jfittxu lilhom infushom u b’hekk isiru ‘servili’ u superstizzjużi. Huwa qal li l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu, li wasslitu biex imut fuq is-Salib, ħelsuna minn dawn is-setgħat. Għalhekk aħna issa ninżlu għarkupptejna quddiem din l-umiltà. In-nisrani li jinżel għarkupptejh mhux qed jipprova jinkultura kulturi li diġà jeżistu. Hu proprju bil-maqlub. Din il-pożizzjoni hi espressjoni tal-kultura nisranija, li tibdel il-kultura eżistenti billi tagħti għarfien u esperjenza t’Alla li huma kemm ġodda kif ukoll aktar profondi.

Li wieħed joqgħod għarkupptejh mhix ħaġa ġejja minn xi kultura – ġejja mill-Bibbja u mill-għarfien t’Alla li nsibu fiha. L-importanza ċentrali tal-qagħda fuq l-irkupptejn tidher ċara ħafna fl-Iskrittura. Il-kelma “proskynein” waħedha tidher disgħa u ħamsin darba fi-Testment il-Ġdid, erbgħa u għoxrin darba minnhom fil-Ktieb tal-Apokalissi, il-ktieb liturġiku tal-ġenna li hu ppreżentat lill-Knisja biex fuqu tibni l-liturgija tagħha. Jekk inħarsu aktar mill-qrib nistgħu nindunaw li hemm tliet forom relatati ta’ kif wieħed jista’ joqgħod. L-ewwel hemm il- prostratio – fejn wieħed jinxteħet wiċċu ma’ l-art quddiem is-setgħa tal-għaġeb t’Alla; it-tieni hemm il-qagħda ta’ min jinżel għarkupptejh quddiem xiħadd u din tinsab l-aktar fit-Testment il-Ġdid; it-tielet meta wieħed joqgħod għarkupptejh. Lingwistikament id-differenza bejn it-tliet qagħdiet mhix dejjem ċara. Jistgħu jingħaqdu flimkien jew jiġu mwaħħda.

Biex ma ntawlux, fil-każ tal-prostratio xtaqt insemmi silta mit-Testment il-Ġdid u oħra mit-Testment il-Qadim. Fit-Testment il-Qadim tissemma d-dehra t’Alla lil Ġozwè qabel ma ntrebħet Ġeriko, dehra li l-awtur sagru jqabbilha bi ħsieb mar-rivelazzjoni t’Alla nnifsu lil Mosè fis-siġra taqbad. Ġożwè jara ‘l-mexxej tal-armata tal-Mulej’ u, hekk kif jagħraf min hu, jinxteħet ma’ l-art. F’dak il-mument jisma’ l-istess kliem li kien intqal lil Mosè: “Neħħi l-qorq minn riġlejk; għax l-art li tinsab fuqha hi qaddisa.” (Ġoż 5:15). Taħt il-forma misterjuża tal-‘mexxej tal-armata tal-Mulej’, Alla nnifsu li jinsab moħbi jitkellem ma’ Ġożwè, u Ġozwè min-naħa tiegħu jintefa’ għal tulu fl-art quddiemu. Origene jagħti tifsira sabiħa ta’ din is-silta. Jikteb: “Hemm xi mexxej ieħor tal-qawwiet tal-Mulej barra mill-Mulej tagħna Ġesù Kristu?” Skond Origene, Ġożwè hawn qed iqim lil Dak li għandu jiġi – lil Kristu.

Fil-każ tat-Testment il-Ġdid, minn żmien Missirijiet il-Knisja ‘l quddiem, it-talba ta’ Ġesù fil-Ġnien taż-|ebbuġ ħadet importanza speċjali. Skond S. Mattew (26:39) u S. Mark (14:35) Ġesù jintefa’ minn tulu fl-art. Anzi skond S. Mattew Hu tabilħaqq jaqa’ fl-art. Iżda S. Luqa, li f’kitbietu (kemm fil-Evanġelju kif ukoll fl-Atti tal-Appostli) hu b’mod partikolari t-teologu tat-talb fuq l-irkupptejn, jgħidilna li Ġesù talab għarkupptejh. Din it-talba li biha Ġesù jibda l-passjoni tiegħu hi ta’ eżempju għalina lkoll, kemm bħala ġest kif ukoll fil-kontenut tagħha. Il-ġest: meta qiegħed għarkupptejh Ġesù donnu qed jagħmel tiegħu l-waqgħa tal-bniedem, iħalli lilu nnifsu jinżel fl-istat imwaqqa’ tal-bniedem, jitlob lil Missieru mill-qiegħ nett tad-deżolazzjoni u d-diqa umana. Għalhekk iqiegħed r-rieda tiegħu f’dik tal-Missier: “Mhux ir-rieda tiegħi, imma tkun magħmula r-rieda tiegħek.” Iqiegħed ir-rieda tal-bniedem f’dik t’Alla. Jieħu fuqu l-biża’ u l-inċertezza tar-rieda umana u jġarrabhom bis-sabar sa l-aħħar.

Hu proprju dan il-qbil bejn ir-rieda umana u dik divina li jifforma l-qalba tal-fidwa. Għaliex il-waqgħa tal-bniedem ġejja mill-fatt li rieda meriet rieda oħra, jiġifieri mill-oppożizzjoni tar-rieda tal-bniedem għar-rieda divina, li x-xitan iġiegħel lill-bniedem jaħseb hi l-kundizzjoni biex hu jkun ħieles. Skond dan (ix-xitan) hija r-rieda indipendenti biss, li mhi suġġetta għall-ebda rieda oħra, li twassal għall-ħelsien. “Mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek…..” – dak hu kliem is-sewwa, għax ir-rieda t’Alla mhix kontra dik tagħna. Huwa biss meta r-rieda tagħna tistrieħ fir-rieda t’Alla li ssir tassew rieda u tassew ħielsa. It-tbatija u t-taqbida tal-Ġetsemani hija t-taqbida għal din il-verità li ssalva, biex jingħaqad dak li hu mifrud, biex isseħħ l-għaqda, jiġifieri l- komunjoni m’Alla. Issa nifhmu aħjar għaliex hu proprju hawnhekk li l-Iben b’imħabba kbira jsejjaħ lill-Missier ‘Abba’ (cf. Mk 14:36). S. Pawl jara f’din l-għajta t-talba li l-Ispirtu s-Santu jqiegħed fuq xufftejna (cf. Rum 8:1 u Gal 4:6) u hekk jorbot it-talba tagħna mqanqla mill-Ispirtu ma’ dik ta’ Ġesù fil-Ġetsemani.

Kitba ta’ Joe Galea

%d bloggers like this: