8. Il-Knisja hija rrivelata fil-Parabboli

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 18/09/1991.

1. It-testi evanġeliċi jiddokumentaw it-tagħlim ta’ Ġesù dwar is-Saltna ta’ Alla f’relazzjoni mal-Knisja. Jiddokumentaw ukoll kif kienu jippritkawha l-Appostli, u kif kienet imnissla u emmnuta fil-Knisja tal-oriġni.

Minn dawn it-testi jidher il-misteru tal-Knisja bħala s-Saltna ta’ Alla. Jikteb il-Konċilju Vatikan II: “Il-misteru tal-Knisja qaddisa jimmanifesta ruħu fl-istess fundazzjoni tagħha. Infatti, il-Mulej Ġesù ta bidu għall-Knisja tiegħu waqt li pprietka l-bxara t-rajba, jiġifieri l-miġja tas-Saltna ta’ Alla . . . Din is-Saltna timmanifesta ruħha b’mod ċar lill-bnedmin fil-kliem, fl-opri u fil-preżenza ta’ Kristu” (Lumen Gentium, 5). Ma’ dak kollu li għidna dwar dan ir-rigward fil-katekeżi preċedenti, speċjalment l-aħħar waħda, illum inżidu xi riflessjonijiet oħra dwar it-ragħlim li dwar is-Saltna ta’ Alla li Ġesù jagħti fil-parabboli, b’mod speċjali li b’mod partikolari huma ddedikati biex wieħed jifhem is-sinifikat tagħha, il-valur essenzjali tagħha.

2. Ġesù jgħid: “Is-saltna tas-sema tixbaħ lil sultan li għamel festa tat-tieġ lil ibnu” (Mt 22, 2). Il-parabbola tal-festa tat-tieġ tippreżenta s-Saltna ta’ Alla bħala inizjattiva rjali – u allura sovrana – ta’ Alla nnifsu. Din tinkludi wkoll it-tema tal-imħabba, u b’mod preċiż l-imħabba sponsali: l-iben li għalih il-missier iħejji l-festa tat-tieġ huwa l-għarus.

Ukoll jekk f’din il-parabbola ma tissemmhiex b’isimha l-għarusa, iċ-ċirkustanzi jindikaw il-preżenza tagħha, u jħallu li wieħed jifhem sewwa min hi. Dan jidher b’mod ċar f’testijiet oħra tat-Testment il-Ġdid, li jidentifikaw il-Knisja mal-Għarusa (Ġw 3, 29; Ap 21, 9; 2 \Kor 11, 2; Ef 5, 23-27.29).

3. Minflok fil-parabbola hemm kontenuta b’mod ċar l-indikazzjoni tal-Għarus, li huwa Kristu, li jattwa l-Patt il-ġdid tal-Missier mal-umanità. Dan huwa patt ta’ mħabba, u l-istess Saltna ta’ Alla tidher bħala komunjoni (komunità ta’ mħabba), li l-Iben jattwa bir-rieda tal-Missier. Il-“festa” hija l-espressjoni ta’ din il-komunjoni. Fil-kuntest tal-ekonomija tal-fidwa deskritta mill-Vanġelu, mhuwiex diffiċli li wieħed jilmaħ f’din il-festa tat-tieġ referenza għall-Ewkaristija: is-sagrament tal-Patt il-ġdid u etern, is-sagrament taż-żwieġ sponsali ta’ Kristu mal-umanità fil-Knisja.

4. Ukoll jekk il-Knisja bħala Għarusa mhix imsemmija fil-parabbola, jinsabu fil-kuntest ta’ din elementi oħra li jirrevokaw dak li l-Vanġelu jgħidilna dwar il-Knisja bħala s-Saltna ta’ Alla. Hekk l-universalità tal-istedina divina “Is-Sultan jgħid lill-qaddejja tiegħu: “Dawk kollha li ssibu, sejħulhom għat-tieġ”” (Mt 22, 9).

Fost il-mistednin għall-festa tat-tieġ tal-Iben hemm nieqsa dawk mistiedna l-ewwel: dawk li kellhom ikunu l-mistednin skont it-tradizzjoni tal-Patt il-qadim. Dawn irrifjutaw li jmorru għall-festa tal-Patt il-ġdid, billi qanqlu skużi differenti. Allura Ġesù jġib lis-Sultan, sid id-dar, igħid: “Bosta huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin” (Mt 22, 14). Minflokhom l-istedina tiġi ndirizzata lil bosta oħrajn, li jimlew is-sala tal-festa. Dan il-partikular iġegħlna naħsbu f’dik il-kelma ta’ twissija l-oħra li kien ippronunzja Ġesù: “Issa ngħidilkom li bosta għad jiġu mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu mal-mejda flimkien ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet, waqt li wlied is-saltna jiġu mkeċċijin ‘il barra” (Mt 8, 11-12). Hawn naraw sewwa kif l-istedina ssir universali: Alla feħsiebu jissikka l-Patt il-ġdid f’Ibnu mhux iktar bil-poplu magħżul biss, imma bl-umanità kollha kemm hi.

5. Il-kumplament tal-parabbola jindika li l-parteċipazzjoni definittiva fil-festa tat-tieġ hija marbuta ma’ ċerti kondizzjonijiet essenzjali.  Mhux biżżejjed li nidħlu fil-Knisja biex inkunu żguri mis salvazzjoni eterna: “Ħabib, kif irnexxilek tidħol hawn mingħajr il-libsa tat-tieġ?” (Mt 22, 12), jistaqsi s-Sultan lil wieħed mill-mistednin. Il-parabbola, li f’dan il-punt donnha tgħaddi mill-problema tar-rifjut storiku tal-elezzjoni da parti tal-poplu ta’ Iżrael għall-imġieba ndividwali ta’ kull min huwa msejjaħ u dwar il-ħaqq li fuqu se jkun ippronunzjat, ma tippreċiżax is-sinifikat ta’ dik il-“libsa”. Imma wieħed jistà jgħid li l-ispjega tinsab fit-totalità tat-tagħlim ta’ Kristu. Il-Vanġelu, b’mod speċjali d-diskors tal-Muntanja, jitkellem dwar il-kmandament tal-imħabba, li hija l-prinċipju tal-ħajja divina u tal-perfezzjoni fuq il-mudell tal-Missier: “Kunu . . . perfetti bħal ma hu perfett Missierkom ċelesti” (Mt 5, 48). Dan huwa l-“kmandament il-ġdid”, li,  bħal ma jgħallem Ġesù, jikkonsisti f’dan: “Bħal ma jiena ħabbejtkom hekk ħobbu wkoll intom lil xulxin” (Ġw 13, 34). Donnu mela li wieħed jistà jikkonkludi li l-“libsa tat-tieġ”, bħala kondizzjoni biex wieħed jieħu sehem fil-festa, hija propju din l-imħabba.

Dan jiġi kkonfermat minn parabbola kbira oħra, li tirrigwarda l-ħaqq finali, u allura ta’ karattru eskatoloġiku. Dawk biss li jwettqu l-kmandament tal-imħabba fl-opri tal-ħniena spiritwali u korporali mal-proxxmu jistgħu jieħdu sehem fil-festa tas-Saltna ta’ Alla: “Ejjew, imberkin minn Missieri, irċievu b’wirt is-saltna mħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25, 34).

6. Parabbola oħra ġġegħelna nifhmu li qatt ma hu tard wisq biex nidħlu fil-Knisja. L-istedina ta’ Alla tistà tkun indirizzata lill-bniedem sal-aħħar waqt ta’ ħajtu. Din hija l-parabbola magħrufa tal-ħaddiema fl-oqsma tad-dwieli: “Is-saltna tas-smewwiet tixbaħ lil sid id-dar li joħroġ mas-sebħ biex isib ħaddiema bil-jum għall-oqsma tad-dwieli tiegħu” (Mt 20, 1). Ħareġ imbagħad diversi drabi f’diversi sigħat tal-jum, sa fl-aħħar siegħa. U lil kollha ġie mogħti salarju li fih, ‘il hemm mil-limitu tar-rapport ta’ ġustizzja stretta, is-sid ried juri l-imħabba ġeneruża kollha tiegħu.

Jiġini f’moħħi, f’dan ir-rigward, l-episodju kommoventi, irrakkuntat mill-evanġelista Luqa, dwar il-“ħalliel it-tajjeb” imsallab ħdejn Ġesù fuq il-Golgota.Lilu l-istedina wriet ruħha bħala inizjattiva ħanina ta’ Alla, waqt li lissen kważi fil-punt tal-mewt: “Ġesù ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”. Huwa semà minn fomm ir-Redentur-Għarus, ikkundannat għall-mewt fuq is-salib: “Fis-sewwa ngħidlek, illum tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 42-43).

7. Barra minn dan nikkwotaw parabbola ta’ Ġesù oħra: “Is-saltna tas-smewwiet tixbaħ lill-teżor moħbi f’għalqa; ragel isibu u jaħbih mill-ġdid, imbagħad imur, mimli ferħ, ibigħ il-ġid kollu tiegħu u jixtri dik l-għalqa” (Mt 13,44). L-istess jagħmel negozjant li jfittex il-perli sbieħ, “meta jsib perla ta’ valur kbir, imur, ibigħ ġidu kollu u jixtriha (Mt 13, 45). Din il-parabbola tnissel fl-imsejħin verità kbira: biex wieħed ikun denn tal-istedina għall-festa rjali tal-Għarus jinħtieġ li juri l-fehim tal-valur suprem ta’ dak li jiġi offrut. Minn hawn ukoll id-disponibiltà biex wieħed jissagrifika kull ħaġa għas-saltna tas-smewwiet, li tiswa ferm iktar minn kollox. Ebda prezz tal-ġid terren ma’ jistà jitqabbel miegħu. Kollox jistà jiġi abbandunat, mingħajr dispjaċir, dment li nieħdu sehem fil-festa ta’ Kristu-Għarus.

Din hija l-kondizzjoni essenzjali ta’ distakk u ta’ faqar, li flimkien mal-oħrajn kollha tiġi ndikata minn Ġesù, kemm meta jsejjaħ beati “il-foqra tal-ispirtu”, “il-mansweti”, “l-ippersegwitati minħabba l-ġustizzja”, għaliex “lilhom ilkoll tappartieni s-saltna tas-smewwiet” (cf. Mt 5, 3.10); kif ukoll meta jippreżenta tfajjel bħala “l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet”: “Jekk ma tikkonvertux u ma ssirux bħat-tfal, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk kull min isir ċkejken bħal dan it-tifel ikun l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 18, 2-4).

8. Bil-Konċilju Vatikan II, nistgħu nikkonkludu li fil-kliem u fl-opri ta’ Kristu, b’mod speċjali fit-tagħlim permezz tal-parabboli; “intweriet b’mod ċar lill-bnedmin is-Saltna ta’ Alla” I (Lumen Gentium, 5). Waqt li pprietka l-miġja ta’ dik is-Saltna huwa waqqaf il-Knisja u wera dak li kien il-misteru divin intimu tiegħu (cf. Lumen Gentium,  5).

Il-Papa żied dan il-kliem, appell għall-“waqfien mill-ġlied” fil-Jugoslavja:

Fost l-aħħar aħbarijiet li waslu mill-Jugoslavja, hemm waħda li tistieden għat-tama: Ftehim ta’ waqfien mill-ġlied jidher li ntlaħaq mill-partijiet interessati, grazzi għall-impenn delikat ta’ medjazzjoni tal-komunità internazzjonali. Nixtieq nagħmel appell għas-sens ta’ responsabiltà ta’ min ta kelmtu sabiex ma jkunux iddiżappuntati l-aspettattivi tal-popolazzjonijiet maħkumin mill-biżà u mit-tbatija. Waqt li niżżu ħajr lill-Mulej għal dawn l-iżviluppi ġodda, nitolbuhom flimkien biex isostnu r-rieda tajba ta’ bosta u biex jispiraw f’kulħadd ħsibijiet ta’ paċi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: