9. Il-Parabboli jirrivelaw it-tkabbir tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 25/09/1991.

1. Bħal ma għidna fil-katekeżi preċedenti, mhuwiex possibbli li nifhmu l-oriġini tal-Knisja bla ma nqisu dak kollu li Ġesù ppritka u opera (cf. At 1,1).

U propju dwar din it-tema huwa ndirizza lid-dixxipli tiegħu u ħalla lilna it-tagħlim kollu fundamentali fil-parabboli dwar is-Saltna ta’ Alla. Fost dawn, għandhom importanza partikolari dawk li jħabbru u li jgħinuna niskopru l-karattru tal-iżvilupp storiku u spiritwali li huwa propju tal-Knisja skont il-proġett tal-istess Fundatur tagħha.

2. Ġesù jgħid: “Is-Saltna ta’ Alla hija bħal bniedem li jitfà żerriegħa fl-art; jorqod jew iqum, bil-lejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, mingħajr hu linqas jaf kif. Ladarba l-art tipproduċi b’mod spontanju, l-ewwel iz-zokk, imbagħad l-ispiga. Imbagħad iż-żbula mimlija qamħ. Meta l-frott isir, minnufih jaqbad f’idejh il-minġell, għaliex tkun waslet is-siegħa tal-ħsad” (Mc 4, 26-29). Mela s-Saltna ta’ Alla tikber hawn fuq l-art, fl-istorja tal-umanità, bis-saħħa ta’ żergħa inizjali, jiġifieri b’fondazzjoni, li tiġi minn Alla, u bl-opra misterjuża ta’ Alla nnifsu, li jkompli jikkultiva l-Knisja tul is-sekli. Fl-azzjoni ta’ Alla fir-rigward tas-Saltna hemm preżenti wkoll il-minġell tas-sagrifiċċju: l-iżvilupp tas-Saltna ma jitwettaqx mingħajr tbatija. Dan huwa s-sens tal-parabbola ikkwotata mill-Vanġelu ta’ Marku.

3. Nerġgħu nsibu dan l-istess kunċett ukoll f’parabboli oħra, b’mod speċjali f’dawk miġburin fit-test ta’ Mattew (Mt 13, 3-50).

“Is-saltna tas-smewwiet – naqraw f’dan il-Vanġelu – wieħed jistà jqabbel ma’ żerriegħa tas-senapa, li bniedem jaqbad u jiżrà fl-għalqa tiegħu. Din hija l-iżgħar fost iż-żrieragħ, imma, ladarba tikber, hija ikbar minn kull xitla u ssir siġra, tant li l-għasafar tas-sema jibnu l-bejtiet tagħhom qalb il-friegħi tagħha” (Mt 13, 31). Dan huwa t-tkabbir tas-saltna fis-sens “estensiv” tiegħu”.

Parabbola oħra mill-banda l-oħra turina t-tkabbir b’sens “intensiv” jew  kwalitattiv, billi tqabbilha mal-ħmira, li waħda mara qabdet u ħalltet  ma tliet kejliet ta’ dqiq sabiex jiffermentaw kollha kemm huma” (Mt 13, 32).

4. fil-Parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżrà u taż-żerriegħa it-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla jidher bla ebda dubju ta’ xejn il-frott tal-ħidma tal-bidwi, imma huwa  marbut mal-art u mal-kondizzjonijiet klimatiċi li ż-żerriegħa tipproduċi l-prodott: “fejn il-mija fil-mija, fejn sebgħin u fejn tletin” (Mt 13, 8). L-art tfisser id-disponibiltà interna tal-bnedmin. Mela, skont Ġesù, it-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla huwa kkundizzjonat ukoll mill-bniedem. Ir-rieda umana ħielsa hija responsabbli għal dan it-tkabbir. Minħabba dan Ġesù jirrakkomanda t-talb lil kulħadd: “Tiġi saltnatek” (cf. Mt 6, 10; Lc 11, 2): din hija waħda minn l-ewwel domandi tal-Pater noster.

5. Waħda mill-parabboli rrakkuntati minn Ġesù dwar it-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla fuq l-art ġġegħlna niskopru b’ħafna rejaliżmu il-karattru tat-taqtigħa li s-saltna tinħtieġ, minħabba l-preżenza u l-azzjoni ta’ “għadu” li “jiżra s-sikrana f’nofs il-qamħ”. Ġesù jgħid li, meta “iffjorixxa u għamel il-frott, hemm ukoll dehret is-sikrana”. Il-qaddejja tas-sid tal-għalqa riedu jmorru jneħħuha, imma s-sid ma ħallihomx “sabiex ma jiġrix li . . . taqilgħu ukoll il-qamħ. Ħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sa żmien il-ħsad u fi żmien il-ħsad ngħid lill-ħassada: Iġbru l-ewwel is-sikrana u orbtuha f’qatgħet ħalli naħirquha; il-qamħ mill-banda l-oħra aħżnuh fil-maħżen tiegħi” (Mt 13, 24-30). Din il-parabbola tispjega l-koeżistenza u spiss ix-xeblik tat-tajjeb u tal-ħażin fid-dinja, f’ħajjitna, fl-istess storja tal-Knisja. Ġesù jgħallimna naraw l-affarijiet b’realiżmu nisrani u biex nittrattaw kull problema b’ċarezza ta’ prinċipji, imma wkoll bi prudenza u b’sabar. Dan jissuġġerixxi viżjoni traxxendenti tal-istorja, li fiha nafu li kollox jappartieni lil Alla u kull riżultat finali huwa opra tal-Providenza tiegħu. Però mhijiex moħbija x-xorti finali – ta’ dimensjoni eskatoloġika – tat-tajbin u tal-ħżiena: din inqabbluha mal-ġbir tal-qamħ fil-maħżen u mal-ħruq tas-sikrana.

6. L-ispjega tal-parabbola taż-żerriegħa jagħtiha Ġesù nnifsu, fuq talba tad-dixxipli (cf. Mt 13, 36-43). Fi kliemu toħroġ id-dimensjoni kemm dik temporali kif ukoll dik eskatoloġika tas-Saltna ta’ Alla.

Huwa jgħid lil ħbiebu: “Lilkom ġie fdat il-misteru tas-Saltna ta’ Alla” (Mc 4, 11). Dwar dan il-misteru huwa jgħallimhom u, fl-istess ħin, b’kelmtu u b’ħidmietu “iħejji għalihom saltna,  l-istess bħal ma għalih (L-Iben) ħejjiha l-Missier” (cf. Lq 22, 29). Din it-tħejjija titkompla wkoll wara l-qawmien mill-imwiet tiegħu: naqraw fl- Atti tal-Appostli  “li dehrilhom għal erbgħin jum u kien ikellimhom dwar is-Saltna ta’ Alla” (cf. At 1, 3) sal-jum li fih “kien imtellà s-sema u qagħad bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla (Mk 16, 19). Dawn kienu l-aħħar istruzzjonijiet u dispożizzjonijiet lill-Appostli dwar dak li kellhom jagħmlu wara t-tlugħ is-sema u l-Pentekoste biex jagħtu bidu konkret għas-Saltna ta’ Alla fl-oriġni tal-Knisja.

7. Ukoll il-kliem indirizzat lil Pietru f’Ċesarea ta’ Filippu jistabilixxi ruħu fl-isfera tal-predikazzjoni dwar is-saltna. Infatti huwa jgħidlu: “Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” (Mt 16, 19), immedjatament wara li kien sejjaħlu pietra (blata), li fuqha sejjer nibni l-Knisja tiegħi, li se tkun invinċibbli għall-“bibien tal-infern” (cf. Mt 16, 18). Din il-wegħda kienet espressa dak iż-żmien bil-verb fil-futur: “sejjer nibni”, għaliex is-sies definittiv tas-Saltna ta’ Alla f’din id-dinja kellha twettaq lilha nfisha permezz tas-sagrifiċċju tas-salib u r-rebħa tal-Qawmien mill-Imwiet. Wara dan Pietru, flimkien mal-Appostli l-oħra, se jkollu l-koxjenza ħajja tas-sejħa tagħhom biex “ixandru l-opri tal-għaġeb ta’ dak li sejħilhom mid-dlamijiet għad-dawl tal-għaġeb tiegħu” (cf. 1 Pt 2, 9). Fl-istess ħin, ilkoll se jkollhom ukoll l-eżempju taż-żerriegħ, jiġifieri li “la min iħawwel, linqas minn jiżrà mhu xi ħaġa, imma Alla li jnibbet”, bħal ma jikteb San Pawl (1 Kor 3, 7).

8. L-Awtur tal-Apokalissi esprima din l-istess koxjenza tas-saltna meta jirreferi għall-kantiku ndirizzat lill-Ħaruf: “Kont issagrifikat u irriskattajt għal Alla b’demmek bnedmin ta’ kull tribù, lingwa, poplu u nazzjon u waqqaft għal Alla tagħna saltna ta’ saċerdoti” (Ap 5, 9-10). L-appostlu Pietru jippreċiża li kienu hekk imwaqqfa “biex joffru sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu” (cf. 1 Pt 2, 5). Dawn kollha huma espressjonijiet tal-verità mgħallma minn Ġesù li, fil-parabboli dwar iż-żerriegħ u dwar iż-żerriegħa, dwar il-kobor tal-qamħ u tal-ħaxixa ħażina, fuq iż-żerriegħa ċkejkna tas-senapa li tiġi miżrugħa u wara ssir pjanta mifruxa biżżejjed, kien tkellem dwar Saltna ta’ Alla li, taħt l-azzjoni tal-Ispirtu, tikber fl-erwieħ grazzi għall-qawwa vitali tal-mewt tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu, saltna li tikber saż-żmien previst minn Alla nnifsu.

9. “Imbagħad ikun it-tmiem – iħabbar San Pawl – – meta hu (Kristu) jagħti lura s-saltna lil Alla l-Missier, wara li jkun ġab fix-xejn kull prinċipat u kull potestà u qawwa” (1 Kor 15, 24). Meta infatti “kollox ikun ġie mrażżan għalih, hu wkoll, l-Iben, jitrażżan għal Dak li jkun rażżan għalih kwalunkwè ħaġa, sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd”  (1 Kor 15, 28).

Fi prospettiva eskatoloġika meraviljuża tas-Saltna ta’ Alla hemm inċiża l-eżistenza tal-Knisja mill-bidu sal-aħħar, u tiżvolġi l-istorja tagħha minn l-ewwel sal-aħħar jum.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: