73. Id-Djakni jaqdu s-Saltna ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 06/10/1993.

Ħdejn il-Presbiteri hemm fil-Knisja kategorija oħra ta’ ministri b’oqsma u kariżmi speċifiċi.

Bħal ma jfakkar il-Konċilju ta’ Trentu fejn jidħol is-sagrament tal-Ordni Sagri: “Fil-Knisja Kattolika hemm ġerarkija, imwaqqfa bl-ordinazzjoni divina, li hija magħmula minn Isqfijiet, Presbiteri u Ministri” (Denz. 1776). Diġa fil-kotba tat-Testment il-Ġdid hija msemmija l-preżenza ta’ ministri, id-“Djakni”, li b’mod progressiv jistabilixxu ruħhom bħala kategorija distinta mill-“Presbiteri”, u mill- “Episcopi”. Hawn biżżejjed infakkru li Pawlu jindirizza t-tislima tiegħu lill-Isqfijiet u lid-Djakni ta’ Filippi (cf. Fil 1, 1). L-ewwel Ittra lil Tomotju telenka l-kwalitajiet li għandhom jippossiedu d-Djakni bir-rakkomandazzjoni li jissottomettu ruħhom għall-prova qabel ma jiġu fdati lilhom funzjonijiet: huma għandhom ikunu ta kondotta denja u onesta, ikunu fidili fiż-żwieġ, jedukaw lil uliedhom u jmexxu sewwa darhom, għall-fidi b’kuxjenza pura  ” (cf. 1 Tm 3, 8-13).

Fl-Atti tal-Appostli (At 6, 1-6) naqraw dwar sebà “ministri” għas-servizz tal-imwejjed.  Għalkrmm mit-test ma jirriżultax b’mod ċar li dan jitratta dwar ordinazzjoni sagramentali tad-Djakni, tradizzjoni twila interpretat l-episodju bħala xhieda ewlenija tal-istituzzjoni djakonali. Fl-aħħar tal-ewwel seklu jew għall-bidu tat-tieni seklu l-post tad-djaknu kien issa stabbilit, talinqas f’xi knejjes, bħala grad tal-ġerarkija ministerjali.

2. B’mod partikolari, hija mportanti x-xhieda ta’ San Injazju ta’ Antijokja, li skontu l-komunità nisranija tgħix taħt l-awtorità ta’ Isqof, imdawwar minn Presbiteri u minn Djakni: “Hemm Ewkaristija waħda biss, ġisem tal-Mulej wieħed biss, kalċi wieħed biss, altar wieħed biss, bħal ma hemm Isqof wieħed biss bil-kulleġġ tal-Presbiteri u id-Djakni, sieħba tas-servizz” (Ad Philad., 4,1). Fl-ittri ta’ Injazju d-Djakni huma dejjem ikkwotati bħala grad inferjuri fil-ġerarkija ministerjali: Djaknu huwa mfaħħar għall-fatt “ li jkun sottomess għall-Isqof bħal ma għall-grazzja ta’ Alla, u għall-Presbiteru bħal ma għal-liġi ta’ Ġesù Kristu” (Ad Magnes., 2). Bdanakollu Injazju jenfasizza l-kobor tal-ministeru tad-Djaknu, għaliex “huwa l-ministeru ta’ Ġesù Kristu li kien għand il-Missier qabel is-sekli u irrivela ruħu fi tmiem iż-żminijiet” (Ad Magnes., 6, 1). Bħala “ministri tal-misteri ta’ Ġesù Kristu” huwa meħtieġ li d-Djakni “jkunu b’kull mod jogħġbu lil kulħadd” (Ad Trall., 2, 3). Meta Injazju jirrakkomanda lill-insara l-ubbidjenza għall-Isqof u għas-Saċerdoti, iżid: “Irrispettaw lid-Djakni bħala kmandament ta’ Alla” (Ad Smyrn., 8, 1).

Xhidiet oħra nsibuhom f’San Polikarpu ta’ Smirne (Ad Phil., 5, 2), San Ġustinu (Apol., I, 65, 5; 67, 5), Tertulljanu (De Bapt., 17, 1), San Ċiprijanu (Epist. 15 u 16), u mbagħad f’ Santu Wistin (De cat. rudibus, I,c. 1, 1).

3. Fl-ewwel sekli d-Djaknu kien jiżvolġi funzjonijiet liturġiċi. Fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika huwa kien jaqra jew ikanta l-Epistola u l-Vanġelu, kien jittrażmetti liċ-ċelebrant l-offertà tal-fidili, iqassam it-tqarbin u jwasslu lil dawk assenti; kien jassikura l-ordni taċ-ċerimonji u fl-aħħar kien ixolji l-assemblea. Barra minn hekk kien iħejji l-katekumeni għall-Magħmudija, kien jgħallimhom, u kien jassisti lis-Saċerdot fl-amministrazzjoni ta’ dan is-sagrament, F’ċerti ċirkustanzi kien jgħammed huwa stess u kien jiżvolġi attività ta’ predikatur. U wkoll, kien jieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġid ekkleżjastiku, kien jieħu ħsieb is-servizz tal-foqra, tar-romol, tal-orfni, u tal-għajnuna lill-priġunieri.

Fix-xhidiet tat-Tradizzjoni hija elenkata d-distinzjoni bejn il-funzjonijiet tad-Djaknu u dawk tas-Saċerdot. Jiddikjara, per eżempju, San Ippolitu (II-III seklu) li d-Djaknu huwa ordnat “mhux għas-saċerdozju, imma għas-servizz tal-Isqof, biex jagħmel dak li jordnalu” (SCh, 11, p. 39; cf. Constitutiones Aegypt., III, 2: ed. Funk, Didascalia, p. 103; Statuta Ecclesiae Ant., 37-41: Mansi 3, 954). Fl-fatt, skont il-ħsieb u l-prassi tal-Knisja, id-djakonat jappartieni għas-sagrament tal-Ordni Sagri, imma ma jagħmilx parti mis-saċerdozju u ma jinvolvix funzjonijiet propjament saċerdotali.

4.Fil-Punent, bħal ma hu magħruf, il-Presbiterjat ġie billi mal-passaġġ taż-żmien ħa mportanza kważi esklussiva fir-rigward tad-djakonat li, fil-fatt, irriduċa ruħu biex ma jkunx għajr grad fit-triq tas-saċerdozju. Din mhix is-sede biex nwettqu mill-ġdid il-mixja storika u nispjegaw ir-raġunijiet ta’ tali varjazzjonijiet: huwa pjuttost li nenfasizzaw li a bażi tad-dutrina antika, fis-seklu tagħna saret dejjem iktar ħajja fis-sede tejoloġika u pastorali l-koxjenza tal-importanza tad-djakonat għall-Knisja, u allura tal-opportunità ta’ stabbiliment tiegħu mill-ġdid bħala Ordni u stat ta’ ħajja permanenti. Ukoll il-Papa Piju XII għamel referenza, fl-indirizz tiegħu lit-tieni kungress mondjali tal-Apostolat tal-lajċi (5 ta’ Ottubru 1957), meta,  waqt li saħaq li l-idea ta’ riintroduzzjoni tad-djakonat bħala funzjoni distinta tas-saċerdozju f’dak il-waqt ma kinitx għadha matura, iddikjara iżda li setgħet issir u jkun xi jkun id-djakonat setà jiġi inserit fil-kwadru tal-ministeru ġerarkiku ffissat mit-tradizzjoni l-iktar antika (cf. Discorsi e Radiomessaggi di Sua Santità Pio XII, vol. IX, p. 458).

Il-maturazzjoni seħħet mal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li kkonsidra l-proposti tas-snin preċedenti u ddeċieda dak ir-ristabiliment (cf. Lumen Gentium, 29).

Kien imbagħad il-Papa Pawlu VI li daħħlu fis-seħħ waqt li ddixxiplina b’mod kanoniku u liturġiku dak li kien jirrigwarda tali Ordni (cf. Sacrum Diaconatus Ordinem: 18 ta’ Ġunju 1967; Pontificalis Romani recognitio: 17 ta’ Ġunju 1968; Ad pascendum: 15 ta’ Awissu 1972).

5. Ir-raġunijiet li kienu kkombinaw kemm il-proposti tat-tejoloġi, kif ukoll d-deċiżjonijiet konċiljari u papali kienu prinċipalment tnejn. Qabel kollox l-opportunità li ċerti servizzi ta’ karità, assikurati b’mod permanenti minn lajċi konxji li qed jiddedikaw ruħhom għall-missjoni evanġelika tal-Knisja, kienu jikkonkretizzaw ruħhom f’forma magħrufa bis-saħħa ta’ konsagrazzjoni uffiċċjali. Kien hemm imbagħad il-bżonn ta’ kumpens għall-iskarsezza tal-Presbiteri, minbarra t-tħaffif ta’bosta dmirijiet mhux marbutin b’mod dirett mal-ministeru pastorali tagħhom. Ma kienx jonqos min kien jara fid-djakonat permanenti speċi ta’ pont bejn rgħajja u fidili.

Kienet ħaġa ċara li, permezz ta’ dawn il-motivazzjonijiet marbutin maċ-ċirkustanzi storiċi u mal-prospettivi pastorali, kien qed jopera b’mod misterjuż l-Ispirtu Santu, protagonist tal-ħajja tal-Knisja, waqt li jwassal għal attwazzjoni ġdida tal-kwadru sħiħ tal-ġerarkija, tradizzjonalment magħmula minn Isqfijiet, Saċerdoti u Djakni. B’dan il-mod ippromwoviet ruħha rivitalizzazzjoni tal-komunitajiet insara, li ġew iktar konformi ma’ dawk li ħarġu minn idejn l-Appostli u li ffjorixxew fl-ewwel sekli, dejjem taħt l-impuls tal-Paraklitu, bħal ma’ jixhdu l-Atti.

6. Esiġenza li nħasset b’mod partikolari minħabba d-deċiżjoni tar-ristabiliment tad-djakonat permanenti kienet u hija dik tal preżenza ikbar u iktar diretta ta’ ministri tal-Knisja fl-ambjenti differenti tal-familja, tax-xogħol, tal-iskola eċċ., barra li fl-istrutturi pastorali kostitwiti. Dan jispjega, fost kollox, għaliex il-Konċilju, minkejja li ma rrinunzjax għal kollox għall-ideal taċ-ċelibat ukoll għad-Djakni, ammetta li tali Ordni sagru jistà jiġu mogħti “lil irġiel ta’ età matura ukoll fl-għixien taż-żwieġ”. Kienet linja ta’ prudenza u ta’ realiżmu, magħżula għal motivi faċilment mifhuma minn kull min għandu esperjenza tal-kundizzjoni tal-etajiet differenti u tas-sitwazzjoni konkreta tad-diversi persuni skont il-grad ta’ maturità milħuq. Għall-istess raġuni kien imbagħad imħejji, fis-sede tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konċilju, li l-konferiment tad-djakonat lil irġiel miżżewġa iseħħ b’ċerti kondizzjonijiet: bħal età mhux inqas minn 35 sena, il-kunsens tal-mara, il-kondotta tajba u r-reputazzjoni tajba, preparazzjoni dutrinali u pastorali adegwata miksuba minn Istituti jew minn Saċerdoti magħzula b’mod speċjali għal dan l-iskop (cf. Pawlo VI, Sacrum Diaconatus Ordinem, 11-15: Ench. Vat., II, 1381-1385).

7. Għandu, iżda, jiġi nnotat li l-Konċilju żamm l-ideal ta’ djakonat aċċessibbli għal żgħażagħ li jiddedikaw lilhom infushom b’mod totali lill-Mulej ukoll bl-impenn taċ-ċelibat. Din hija triq ta’ “perfezzjoni evanġelika”, li tistà tkun mifhuma, magħżula u maħbuba minn irġiel ġenerużi u mixtieqa li jaqdu s-Saltna ta’ Alla fid-dinja, mingħajr ma jidħlu għas-saċerdozju, li għalih ma jħossuhomx imsejħa, u bdanakollu armati b’konsagrazzjoni li tiggarantixxi u tistutizzjonalizza s-servizz partikulari tagħhom lill-Knisja permezz tal-konferiment tal-grazzja sagramentali. Ma jonqsux illum il-ġurnata dawn iż-żgħażagħ. Għalihom ingħataw xi dispożizzjonijiet, bħala dawk li jesiġu, għall-ordinazzjoni djakonali, età mhux inqas minn 25 sena u perijodu ta’ formazzjoni f’istitut speċjali, “fejn jiġu mgħoddija minn prova, edukati biex jgħixu ħajja tassew evanġelika u mħejjija biex jiżvolġu b’mod utli l-funzjonijiet speċifiċi tagħhom”, talinqas għal perijodu ta’ tliet snin (cf. Ivi, 5-9: Ench. Vat., II, 1375-1379). Dawn huma dispożizzjonijiet li jħallu tidher l-importanza li l-Knisja tattribwixxi lid-djakonat u x-xewqa tagħha li din l-Ordinazzjoni ssir wara konsiderazzjoni meħtieġa u fuq bażi sikura. Imma dawn huma wkoll turija tal-ideal antik u dejjem ġdid ta’ konsagrazzjoni ta; dak li jkun għas-Saltna ta’ Alla, li l-Knisja tikseb mill-Vanġelu u tgħolli bħala bandiera b’mod speċjali quddiem iż-żgħażagħ, ukoll dawk ta’ żmienna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb