98. In-Nies Mhux Miżżewġin jikkontribwixxu għall-Qdusija tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 10/08/1994.

1. Fit-tradizzjoni nisranija sa minn l-ewwel żminijiet ingħatat attenzjoni partikolari lin-nisa li, minħabba li jkunu tilfu lil żwieġhom, kienu jibqgħu weħedhom fil-ħajja, spiss fil-bżonn u indifiżi.

Diġa fit-Testment il-Qadim ir-romol kienu spiss jiġu mfakkra minħabba s-sitwazzjoni msejkna tagħhom u ndikati għall-attenzjoni solidali tal-komunità u b’mod partikolari għar-responsabbli tal-liġi (cf. Es 22, 21; Dt 10, 18; 24, 17; 26, 12; 27, 19).

 Il-Vanġeli, l-Atti u l-Ittri tal-Appostli huma ttraversati min-nifs ta’ karità lejn ir-romol. Ripetutament Ġesù juri attenzjoni ġentili lejhom. Huwa, per eżempju jfaħħar b’mod pubbliku l-offerta lit-Tempju tal-armla fqajra (cf. Lq21, 3; Mk 12, 43); jitqanqal għall-ħniena għad-dehra tal-armla li f’Nain takkumpanja lil binha mejjet għad-difna, jersaq lejha biex jgħidilha bil-ħlewwa: “La tibkix”, u mbagħad jtiha lura lil binha rxuxtat (cf. Lq 7, 11-15). Il-Vanġelu jittrażmettilna wkoll it-tifkira tal-kliem ta’ Ġesù dwar il-“ħtieġa tat-talb dejjem, mingħajr ma tgħejja”, waqt li jieħu bħala eżempju lill-armla li bl-insistenza tat-talb tagħha tikseb mill-imħallef diżonest li jagħmlilha ġustizzja (cf. Lq 18, 5); u dak il-kliem l-ieħor li bih Ġesù jċanfar b’mod sever lill-iskribi li “jberbqu ġid ir-romol” waqt li b’mod ipokritu jagħmlu ħinijiet twal ta’ talb (cf. Mk 12, 40; Lk 20, 47).

Tali atteġġjament ta’ Kristu, li jwettaq l-ispirtu ġenwin tal-Patt il-Qadim, jinsab fl-għeruq tar-rakkomandazzjonijiet pastorali ta’ San Pawl u ta’ San Ġakbu dwar l-assistenza spiritwali u karitattiva lir-romol: “Qimu r-romol” (1 Tm 5, 3); “Reliġjon pura u mingħajr tebgħa quddiem Alla Missierna hija din: għinu l-iltiema u r-romol fin-niket tagħhom . . .” (Ġk 1, 27).

2. Imma fil-komunità nisranija l-post tar-romol ma kienx biss dak tal-assistiti; huma kellhom ukoll il-funzjoni attiva, kważi għal sehem speċifiku fil-vokazzjoni universali tad-dixxipli ta’ Kristu fil-ħajja tat-talb.

Infatti mill-Ewwel Ittra lil Tomotju jirriżulta li dmir fundamentali rakkomandat lin-nisa li sfaw romol kien dak li jikkonsagraw lilhom infushom “għall-orazzjoni u għat-talb lejl u nhar” (1 Tm 5, 5). Il-Vanġelu ta’ Luqa jippreżentalna mudell ta’ armla qaddisa, fil-persuna ta’ “Anna, bint Fanwel”, li romlot wara biss sebà snin ta’ żwieġ. Din, jirreferi l-Evanġelista, “qatt ma kienet titbiegħed mit-Tempju, waqt li kienet taqdi lil Alla lejl u nhar bis-sawm u t-talb” (Lq 2, 36-37). Din ġarrbet l-ikbar ferħ li ssib lilha nfisha fit-Tempju fil-waqt tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù tarbija. Fin-niket tagħhom, ir-romol jistgħu u għandhom jikkunsidraw b’mod simili fuq grazzji prezzjużi ta’ ħajja spiritwali, li għalihom huma mistiedna jikkorrispondu b’mod ġeneruż.

3. Fil-kwadru pastorali u spiritwali tal-komunità nisranija kien hemm ukoll “katalgu” li fih setgħet tkun miktuba l-armla li, biex nużaw il-kliem tal-Ittra kkwotata issa, “ma jkollhiex inqas minn sebgħin sena [tkun mela anzjana], tkun iżzewġet darba biss, ikollha x-xhieda ta’ opri tajbin:  jiġifieri tkun rabbiet lil uliedha, ipprattikat l-ospitalità, ħaslet riġlejn il-qaddisin [rit antik ta’ ospitalità, imwettaq propju mill-kristjaneżmu], tkun għenet lill-batuti, tkun wettqet kull opra ta’ ġid . . .” (1 Tm 5, 9-10).

Il-Knisja tal-bidu toffri, f’dan, eżempju ta’ solidarjetà karitattiva (cf. At 6, 1), li nerġgħu nsibu f’tant waqtiet oħra tal-istorja nisranija, speċjalment meta, għal raġunijiet soċjali, politiċi, ta’ gwerer, ta’ epidemiji eċċ., il-fenomenu tar-romoliżmu u ta’ forom oħra ta’ solitudni, kien jilħaq dimensjonijiet preokkupanti. Il-karità tal-Knisja ma setgħetx tibqà inattiva.

Illum jeżistu bosta każijiet oħra ta’ persuni weħedhom, li quddiemhom il-Knisja ma tistax ma tkunx sensibbli u mqanqla. Hemm, qabel kollox, il-kategorija tas-“separati” u tad-“divorzjati”, li għalihom iddedikajt attenzjoni partikolari fl-Eżortazzjoni apostolika Familiaris consortio (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortion. 83). Hemm imbagħad dik tal-“ommijiet mhux miżżewġa” (single mothers), esposti għal diffikultajiet partikolari ta’ ordni morali, ekonomika u soċjali. Lil dawn il-persuni kollha irrid ngħid li, hi xinhi r-responsabiltà personali tagħhom fid-dramm li fih jinsabu mdeffsa, huma xorta waħda għadhom jagħmlu parti mill-Knisja. Ir-Rgħajja, parteċipi tal-prova tagħhom, ma jabbandunawhomx għal rashom, u jridu iżda jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinuhom, isabbruhom, iġegħluhom iħossuhom li għadhom marbutin mal-mergħa ta’ Kristu.

Il-Knisja, ukoll meta ma tistax tippermetti proċeduri li jkunu kontrastanti mal-esiġenzi tal-verità u mal-istess gid komuni tal-familja u tas-soċjetà, qatt ma tirrinunzja li tħobb, li tifhem, li tkun qrib dawk kollha li jinsabu f’diffikultà. Il-Knisja tħossha viċin b’mod partikolari tal-persuni li, waqt li għandhom żwieġ sfaxxat wara spallejhom, jipperseveraw fil-fedeltà billi jirrinunzjaw għal għaqda oħra, u jiddedikaw ruħhom, sa fejn jistgħu, għall-edukazzjoni ta’ wliedhom. Huma jimmeritaw min-naħa ta’ kulħadd sosten u inkuraġġiment. Il-Knisja, il-Papa ma jistgħux ma jfaħħruhomx għax-xhieda sabiħa ta’ konsistenza nisranija, migħuxa b’mod ġeneruż fil-prova.

4. Imma ladarba l-katekeżi preżenti hija ddedikata, għall-oħrajn taċ-ċiklu li qegħdin niżvolġu, għall-apostolat tal-lajċi fil-Knisja, irrid għal darb’oħra nsemmi hawn in-numru kbir ta’ persuni weħedhom u b’mod speċjali ta’ romol irġiel u nisa li, billi jkunu inqas okkupati minn obbligi familjari, iddedikaw ruħhom b’mod volontarju għall-iżvilupp tal-attivitajiet insara fil-parroċċi jew f’opri ta’ estensjoni maġġuri. L-eżistenza tagħhom tiġi mgħollija b’dan il-mod għal sehem ogħla fil-ħajja ekkleżjali, bħala frott ta’ grad t’imħabba ogħla. Jirriżulta minn dan, għall-Knisja u għall-umanità, il-benefiċċju ta’ dedikazzjoni iktar ġeneruża min-naħa tal-persuni li hekk isibu l-mod li jwettqu kwalità ta’ ħajja superjuri, waqt li jesprimu lilhom infushom għal kollox fis-servizz mogħti lil ħuthom.

5. Nikkonkludu mela billi nikkonfermaw dak li naqraw fil-Konċilju Vatikan II, jew aħjar li l-eżempju tal-karità benefika huwa mogħti mhux biss lill-miżżewġin u lill-ġenituri nsara, imma “huwa offrut b’mod ieħor mill-persuni romol u minn dawk mhux miżżewġin, li wkoll jistgħu jikkontribwixxu mhux ftit għall-qdusija u l-operożità fil-Knisja” (Lumen gentium, 41). Hi x’inhi l-oriġni tal-istat ta’ ħajja tagħhom, ħafna minn dawn il-persuni jistgħu jagħrfu l-pjan superjuri tal-għerf divin li jidderieġi l-eżistenza tagħhom u jmexxihom għall-qdusija fit-triq tas-Salib:  Salib  li fil-kondizzjonijiet tagħhom jirrivela ruħu b’mod partikolari fertili.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb