99. It-Tfal huma Don Speċjali lill-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 17/08/1994.

1. Ma nistgħux nitraskuraw l-irwol tat-tfal fil-Knisja. Ma nistgħux ma nitkellmux b’imħabba kbira.

Huma t-tbissima tas-sema afdata lill-art. Huma l-veri ġojjelli tal-familja u tas-soċjetà. Huma l-ħlewwa tal-Knisja. Huma bħall-“ġilji tal-għelieqi”, li dwarhom Ġesù kien jgħid li “linqas Salamun, bil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħalhom” (Mt 6, 28-29). Huma l-għeżież ta’ Ġesù, u l-Knisja, il-Papa ma jistgħux ma jisimgħux jivvibraw f’qalbhom, għalihom, is-sentimenti tal-imħabba tal-qalb ta’ Ġesù.

Biex ngħid is-sewwa, diġa fit-Testment il-Qadim insibu sinjali tal-attenzjoni riservata għat-tfal. Fl-ewwel Ktieb ta’ Samwel (1 Sam 1-3) hemm deskritta s-sejħa tat-tifel li lilu Alla fada messaġġ u missjoni favur il-poplu. It-tfal jieħdu sehem fil-kult, fit-talb tal-assemblea tal-poplu. Kif naqraw fil-profeta Ġoeli (Ġl 2, 16): “Iġbru t-tfal, it-trabi tal-ħalib”. Fil-ktieb ta’ Ġuditta (Ġdt 4, 10-11) insibu s-supplika penitenti u magħmula minn kulħadd “bin-nisa u t-tfal”. Diġa fl-Esodu Alla juri mħabba speċjali għall-iltiema, li jinsabu taħt il-protezzjoni tiegħu (Es 22, 21-22; cf. Sal 68, 6).

Fis-Salm 131 it-tarbija hija x-xbiha tal-abbandun għall-imħabba divina: Jiena trankwill u seren bħal tarbija miftuma f’dirgħajn ommha, bħal tarbija miftuma hija ruħi” (v. 2). Huwa mbagħad iktar sinifikattiv fl-istorja tal-fidwa l-leħen qawwi tal-profeta Iżaija ( 7, 14-15;  9, 1-6) li jħabbar il-konkretizzazzjoni tat-tama messjanika fit-twelid tal-Immanuel, tarbija ddestinata biex ristabilixxi s-saltna ta’ David.

2. U hekk hu li l-Vanġelu jgħidilna li t-tarbija mwielda minn Marija hija appuntu l-Immanuel ipprofetizzat (cf. Mt 1, 22-23; Is 7, 14); Din it-tarbija hija suċċessivament ikkonsagrata lil Alla fil-preżentazzjoni fit-Tempju (cf. Lq 2, 22), imbierka mill-profeta Xmun (cf. Lq 2, 28-35) u milqugħa mill-profetessa Anna, li kienet tfaħħar lil Alla u “kienet tkellem dwar it-tarbija lil dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalem” (Lq 2, 38).

Fil-ħajja pubblika tiegħu Ġesù juri mħabba kbira lejn it-tfal. L-Evanġelista Marku jikteb (Mk 10, 16) li “waqt li kien jeħodhom fi ħdanu u waqt li kien iqiegħed idejh fuqhom kien iberikhom” Din kienet “imħabba delikata u ġeneruża” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici,47), li biha huwa kien jiġbed lit-tfal u wkoll lill-ġenituri tagħhom, li dwarhom naqraw li “kienu jippreżentawlu xi tfal sabiex iżiegħel bihom” (Mk 10, 13). Iċ-ċkejknin – fakkart fl-Eżortazzjoni Christifideles laici (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laicin. 47) – “huma s-sinbolu elokwenti u l-immaġni splendida ta’ dik il-kondizzjoni morali u spiritwali li huma essenzjali biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla u biex ngħixu l-loġika ta’ affidament totali lill-Mulej”. Dawn il-kondizzjonijiet huma s-sempliċità, is-sinċerità, l-umiltà ta’ merħba.

Id-dixxipli huma msejħin biex ikunu jixbħu lit-tfal, għaliex huma ċ-“ċkejknin” li rċivew r-rivelazzjoni bħala don tat-tjubija tal-Missier (cf. Mt 11, 25-26). Ukoll minħabba dan it-tfal għandhom ikunu milqugħin bħal Ġesù stess: “Min jilqà ukoll wieħed biss minn dawn it-tfal f’ismi, jilqà lili” (Mt 18, 5).

Min-naħa tiegħu Ġesù jesprimi rispett profond lejn it-tfal, u jwissi: “Attenti li ma tmorrux tiddisprezzaw imqar wieħed minn dawn iċ-ċkejknin, għaliex ngħidilkom li l-anġli tagħhom fis-sema jaraw dejjem wiċċ Missieri li jinsab fis-smewwiet” (Mt 18, 10). U meta t-tfal jgħajtu fit-tempju ad unur ta’ Ġesù: “Osanna lil Bin David”, Ġesù japprezza u jiġġustifika l-atteġġjament tagħhom bħala tifħir mogħti lil Alla (cf. Mt 21, 15-16). Il-qima tagħhom tikkuntrasta man-nuqqas ta’ twemmin tal-avversarji.

3. L-imħabba u l-istima ta’ Ġesù għat-tfal huma dawl għall-Knisja, li timita l-Fundatur tagħha. Hija ma tistax ma tilqax lit-tfal bħal ma laqagħhom Hu.

Wieħed jinnota li tali akkuljenza diġa tidher fil-Magħmudija amministrata lit-trabi, ukoll għadhom jitwieldu. B’dan is-sagrament huma jsiru membri tal-Knisja. Mill-bidu tal-iżvilupp tagħhom uman, il-Magħmudija tqanqal fihom l-iżvilupp tal-ħajja tal-grazzja. L-influss tal-Ispirtu Santu jorjenta l-ewwel dispożizzjonijiet intimi tagħhom, ukoll jekk ikun għadhom mhumiex kapaċi ta’ att konsapevoli ta’ fidi: jagħmluh iktar tard, biex jikkonfermaw dak l-ewwel influss.

Minn hawn l-importanza tal-Magħmudija tat-trabi, li teħlishom mid-dnub oriġinali, tagħmilhom ulied Alla fi Kristu u tagħtihom sehem tal-ambjent tal-grazzja tal-komunità nisranija.

4. Il-preżenza tat-trabi fil-Knisja huwa don ukoll għalina l-adulti: iġġegħlna nifhmu aħjar li l-ħajja nisranija hija qabel kollox don għal kollox gratwit tas-sovranità divina: it-trabi jfakkruna li l-fertilità missjunarja tal-Knisja għandha għeruqha vivifikanti mhux fil-mezzi u fil-merti umani imma fid-don gratwit b’mod assolut ta’ Alla” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 47).

U iktar: it-trabi jagħtu eżempju ta’ innoċenza, li ġġegħlna nerġgħu niskopru s-sempliċità tal-qdusija. Infatti huma jgħixu qdusija korrispondenti għall-età tagħhom u hekk jikkontribwixxu għall-bini tal-Knisja.

Numerużi sfortunatament huma t-tfal li jbatu: tbatijiet fiżiċi tal-ġuħ, tal-faqar, tal-mard jew diżabiltà; tbatijiet morali li jiġu mill-maltrattamenti tal-ġenituri, mid-diżunjoni tagħhom, mill-isfruttament li għalihom jissottomettihom kultant l-egoiżmu ċiniku tal-adulti. Kif nistgħu ma nħossuniex mqattgħin b’mod intimu quddiem ċerti sitwazzjonijiet ta’ ansjetà inimmaġinabbli li jżeffnu fin-nofs krejaturi indifiżi, ħatja ta’ xejn iktar jekk mhux tal-fatt li huma ħajjin? Kif ma tipprotestax għalihom, billi tislef leħnek lil min ma għandux possibiltà oħra biex jesprimi r-raġunijiet tiegħu? L-uniku konfort f’tant miżerja hija l-kelma tal-fidi, li tassikura li l-grazzja ta’ Alla tibdel dawn it-tbatijiet f’okkażjoni ta’ għaqda misterjuża mas-sagrifiċċju tal-Ħaruf innoċenti. Dawn hekk jikkontribwixxu biex jivvalorizzaw il-ħajja tal-istess tfal u għall-progress spiritwali tal-umanità (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 47).

5. Dak li l-Knisja tħossha mpenjata żelanti hija l-formazzjoni nisranija tat-tfal, spiss mhix assikurata biżżejjed. Din hija li tħarriġhom fil-fidi, bit-tagħlim tad-dutrina nisranija, fil-karità lejn kulħadd, fit-talb, skont l-iktar tradizzjonijiet sbieħ tal-familji nsara, għal ħafna minna ndimentikabbli u dejjem imbierka!

Taħt l-aspett psikoloġiku u pedagoġiku, huwa magħruf li t-tifel jidħol b’mod faċli u b’mod liberu fit-talb, meta jiġi stimolat, bħala prova mill-esperjenza ta’ tant ġenituri, edukaturi, katekisti, ħbieb. Dwar dawn il-punti għandha tkun imfakkra r-responsabiltà tal-familja u tal-iskola.

Il-Knisja tħeġġeġ lill-ġenituri u lill-edukaturi biex jieħdu ħsieb l-formazzjoni taż-żgħar għall-ħajja sagramentali, b’mod speċjali r-rikurrenza għas-Sagrament tal-maħfra u għas-sehem fiċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika. U tirrakkomanda lir-Rgħajja kollha tagħha u lill-kollaboraturi tagħhom sforz nitevoli ta’ addattament għall-ħiliet tat-tfal. Sa fejn huwa possibbli, b’mod partikolari meta ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi jkunu ddestinati b’mod esklussiv għat-tfal, huwa rakkomandabbli l-adattament previst min-normi liturġiċi; dan, jekk magħmul b’għaqal, jistà jkollu l-effett suġġestiv b’qawwa.

6. F’din il-katekeżi ddedikata lill-“Apostolat tal-lajċi”, huwa spontanju għalija li nikkonkludi b’espressjoni effettiva tal-predeċessur tiegħi San Piju X. Waqt li ġġustifika l-avanz tal-età tal-Ewwel Tqarbina huwa kien qal: “Se jkun hemm xi qaddisin fost it-tfal” Effettivament kien hemm qaddisin. Imma aħna nistgħu nżidu: “Se jkun hemm xi appostli fost it-tfal”. 

Ejjew nitolbu sabiex din il-previżjoni, dan l-awspiċju jseħħ dejjem iktar, bħal ma seħħ dak ta’ San Piju X.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb