Illum il-Knisja tfakkar lil San Girgor Barbarigo

Print Friendly, PDF & Email

Fit-18 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Girgor Barbarigo, li għex bejn is-snin 1625 sa 1697.

Dan il-qaddis kien qarib tal-Venerabbli Marcantonio Barbarigo, kardinal u Isqof ta’ Montefiascone u twieled f’Venezja minn familja nobbli.

Studja f’Padova u daħal fis-servizz diplomatiku. Meta kien Munster, bħala segretarju tar-rappreżentant tar-repubblika Venezjana, iltaqa’ mal-legat tal-papa Fabio Chigi, li inkuraġġih biex isir qassis. Kien ordnat qassis f’Venezja f’Diċembru, 1655.

Sadattant Fabio Chigi (li qabel kien Inkwiżitur Malti u li kien ġie kkonsagrat Isqof fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta) kien intgħażel Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Dan il-Papa sejjaħ lil Girgor Barbarigo Ruma bħala refendarju taż-żewġ tribunali supremi tas-Santa Sede (Signature) u għamluh prelat domestiku.

Meta kien Ruma l-qaddis wera dedikazzjoni erojka matul il-pesta. Ġie magħżul isqof ta’ Bergamo (1658), kardinal (1660) u fl-aħħar isqof ta’ Padova (1664).

Il-qaddis baqa’ msemmi għall-karità, irriforma s-seminarji taż-żewġ djoċesijiet li tagħhom kien Isqof, ħadem ħafna għall-għaqda tax-Xiżmatiċi tal-Lvant mal-Knisja Kattolika, u waqqaf stamperija fejn ħarġu kitbiet bil-Grieg, Ebrajk, Sirjan, Persjan u Slavoniku għall-Insara tal-Orjent, u għal dawk taħt il-Misilmin, u librerija mill-aqwa, tant li, minħabba speċjalment kemm wettaq tajjeb ir-riformi ordnati mill-Konċilju ta’ Trento, bdew isejħulu t-tieni San Karlu Borromeo (ara San Karlu Borromeo).

San Girgor Barbarigo miet fit-18 ta’ Ġunju, 1697, fl-għomor ta’ 72 sena. Il-Papa Ġwanni XXIII żammu bħala mudell speċjali matul iż-żmien li għadda fis-seminarju u fl-1960 tah “kanonizzazzjoni ekwivalenti” billi iddispensah mill-ħtieġa tas-soltu ta’ mirakli oħra barra dawk li kien hemm bżonn fil-proċess tal-beatifikazzjoni. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu meqjuma fil-Katidral ta’ Padova.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading