Illum il-Knisja tfakkar lill-Madonna ta’ Pinu

Print Friendly, PDF & Email

Fit-22 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lill-Madonna ta’ Pinu.

Illum f’Għawdex, fil-Bażilka tal-Madonna ta’ Pinu ssir it-tifkira ta’ meta l-Verġni Mbierka kellmet lit-twajba Karmena Grima fl-1883.

Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu jinsab fil-Punent ta’ Għawdex ftit qabel ma tidħol fir-raħal tal-Għarb. F’dan il-post sa minn qabel l-1545 kien hemm kappella li ġiet profonata fl-1575. Iżda wara fl-1615 Pinu Gauci għen biex terġa’ tiġi msewwija u fl-1619 irregala t-titular li hemm illum, jiġifieri l-Madonna mtella’ s-Sema, xogħol tal-pittur Amadeo Perugino. Minn dan il-benefattur ġej l-isem “Ta’ Pinu.”

Fl-1663, il-kappella reġgħet ġiet ipprofonata għal ftit taż-żmien iżda reġgħet ġiet għan-normal permezz tal-għajnuna tal-benefatturi u minn dak iż-żmien baqgħet teżisti bħala kappella komuni sakemm fit-22 ta’ Ġunju, 1883, Karmni Grima (ara Karmni Grima) semgħet leħen ġej mill-kwadru li qalilha: “Għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġismi dam fil-qabar.”

Wara li seħħ fejqan mirakuluż ta’ mara wara talb lill-Madonna taħt dan it-titlu, kulħadd sar jaf li Karmni Grima kellmitha l-Madonna u hekk bdew il-pellegrinaġġi.

Għall-ewwel l-awtorijiet tal-Knisja mxew bi prudenza kbira u l-ewwel ġebla tas-Santwarju preżenti ġiet mbierka fit-30 ta’ Mejju, 1920. Ġiet ikkonsagrata fit-13 ta’ Diċembru, 1931 u l-kwadru tagħha ġie inkurunat fis-19 ta Ġunju, 1935.

Fis-26 ta’ Mejju, 1990 San Ġwanni Pawlu II żejjen ix-xbieha tal-Madonna b’kuruna ta’ stilel.

Il-Papa Benedittu XVI, waqt il-quddiesa ta’ fuq il-fosos tal-Furjana, nhar it-18 t’April, 2010, irregala lill-Madonna ta’ Pinu l-Warda tad-Deheb.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply