19. Bis-“sagrament tal-ġisem” il-bniedem iħossu suġgett ta’ qdusija

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 20/02/1980.

1. Il-Ktieb tal-Ġenesi jinnota li r-raġel u l-mara kienu maħluqin għaż-żwieġ: “… ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”  (Ġen2,24).

B’dan il-mod tiftah il-prospettiva krejatriċi kbira tal-eżistenza umana, li dejjem tiġġedded permezz tal-“prokrejazzjoni” li hija “awtoriproduzzjoni”. Tali prospettiva hija radikata fil-kuxjenza tal-umanità kif ukoll fil-fehim partikulari tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, bil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Raġel u mara, fil-misteru tal-ħolqien, huma rigal reċiproku. L-innoċenza oriġinarja timmanifesta u fl-istess ħin tiddeċiedi l-ethos perfett tar-rigal.

Dwar dan tkellimna fil-laqgħa preċedenti. Permezz tal-ethos tar-rigal tieħu forma sa ċertu punt il-problema tas-“soġgettività” tal-bniedem, li huwa suġgett magħmul immaġni u xbiha ta’ Alla. Fir-rakkont tal-ħolqien (cf. Ġen 2,23-25) “il-mara” bla ebda dubju mhix biss “oġġett” għar raġel, alavolja t-tnejn jibqgħu wieħed quddiem l-oħra fil-milja kollha tal-oġgettività tagħhom ta’ krejaturi bħala “għadma minn għadmi, laħam minn laħmi”, bħala maskju u femmina, it-tnejn imneżżà. Il-għera biss li tirrendi “oġġett” lill-mara għar-raġel, u viċi-versa, hija fonti ta’ mistħija. Il-fatt li “ma jħossux mistħija” irid jgħid li l-mara ma kinitx għar-raġel “oġgett” lanqas hu għaliha. L-innoċenza interna bħala “purezza tal-qalb”, b’ċertu mod, kienet tirrendi mpossibbli li wieħed jiġi mċekken mill-ieħor għal-livell ta’ sempliċi oġġett.  La darba “ma kinux iħossu mistħija”, ifisser li kienu magħqudin bil-kuxjenza tar-rigal, kellhom reċiproku għarfien tas-sinifikat sponsali ta’ ġisimhom, li fih tesprimi ruħha l-libertà tar-rigal u timmanifesta ruħha l-għana kollha nterna tal-persuna bħala suġġett. Tali kompenetrazzjoni reċiproka tal-“jien” tal-persuni umani, tar-raġel u tal-mara, donnhom jeskludu b’mod suġġettiv kwalunkwè “riduzzjoni għal oġġett”. F’dan ninnutaw il-profil soġġettiv ta’ dik l-imħabba, li dwarha minbarra dan wieħed jistà jgħid li hija “oġġettiva” sal-qiegħ nett, minħabba li tiekol mill-istess reċiproka “oġġettività tar-rigal”  .

2. Ir-raġel u l-mara, wara d-dnub oriġinali, jitilfu l-grazzja tal-innoċenza oriġinarja. L-iskoperta tas-sinifikat sponsali tal-ġisem ma tibqax tkun għalihom sempliċi realtà tar-rivelazzjoni u tal-grazzja. Madankollu, tali sinifikat jibqà bħala mpenn mogħti lill-bniedem bħala l-ethos tar-rigal, miktub fil-profond tal-qalb umana, kważi eku mbiegħed tal-innoċenza oriġinarja. Minn dak is-sinifikat sponsali tifforma l-imħabba umana fil-verità tagħha nterna u fl-awtentiċità tagħha soġġettiva. U l-bniedem – ukoll permezz tal-velu tal-mistħija – jiskopri lilu nnifsu kontinwament bħala għassies tal-misteru tas-suġġett, jiġifieri tal-libertà tar-rigal, hekk li jiddefendiha minn kwalunkwè riduzzjoni għal pożizzjoni ta’ sempliċement oġġett.

3. Għalissa, madankollu, ninsabu quddiem it-tarġa tal-istorja terrena tal-bniedem. Ir-raġel u l-mara għadhom ma qabżuhiex lejn l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Jinsabu mgħaddsa fil-misteru stess tal-ħolqien, u l-profondità ta’ dan il-misteru moħbi ġewwa qalbhom huwa l-innoċenza, il-grazzja, l-imħabba u l-ġustizzja: “U Alla ra dak li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen1,31). Il-bniedem jidher fid-dinja viżibbli bħala l-iktar espressjoni għolja tar-rigal divin, għaliex iġib fih id-dimensjoni interna tar-rigal. U magħha jġib fid-dinja ix-xebħ tiegħu partikolari ma’ Alla, li bih huwa jittraxxendi u jiddomina wkoll il-“viżibiltà” tiegħu fid-dinja, il-korporeità tiegħu, il-maskulinità u l-femminilità tiegħu, l-għera tiegħu. Rifless ta’ dan ix-xebħ hija wkoll il-konsapevolezza primordjali tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, mimlija mill-misteru tal-innoċenza oriġinarja.

4. Hekk, f’din id-dimensjoni, jiġi kkostitwit sagrament primordjali, mifhum bħala sinjal li jittrasmetti b’mod effikaċi fid-dinja viżibbli il-misteru nviżibbli moħbi f’Alla sa mill-eternità. U dan huwa l-misteru tal-Verità u tal-Imħabba, il-misteru tal-ħajja divina, li fiha jieħu sehem il-bniedem b’mod reali. Fl-istorja tal-bniedem, hija l-innoċenza oriġinarja li tibda din il-parteċipazzjoni u hija wkoll nixxiegħa tal-feliċità oriġinarja. Is-sagrament, bħala sinjal viżibbli, jikkostitwixxi mal-bniedem, sakemm “ġisem”, permezz tal-maskulinità u l-femminilità “viżibbli” tiegħu. Infatti, il-ġisem, u hu biss, huwa kapaċi jirrendi viżibbli dak li huwa nviżibbli: l-ispiritwali u d-divin. Huwa ġie maħluq biex jittrasferixxi fir-realtà viżibbli tad-dinja il-misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla, u hekk ikun sinjal.

5. Mela, fil-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla kienet irrivelata,f’ċertu sens, is-sagramentalità nnifisha tal-ħolqien, is-sagramentalità tad-dinja. Infatti, il-bniedem permezz tal-korporeità tiegħu, il-maskulinità u l-femminilità tiegħu, isir sinjal viżibbli tal-ekonomija tal-Verità u tal-Imħabba, li għandha fonti fl-istess Alla u li kienet irrivelata diġa fil-misteru tal-ħolqien. Fuq dan l-isfond vast nifhmu pjenament il-kliem kostituttiv tas-sagrament taż-żwieġ, preżenti f; Ġenesi2,24 (“ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed”). Fuq dan l-isfond vast, nifhmu barra minn dan, li l-kliem tal-Ġenesi 2,25 (“it-tnejn kienu mneżżà, ir-raġel u martu, imma ma kinux iħossu mistħija”), travers il-profondità kollha tas-sinifikat antropoloġiku tagħhom, jesprimu il-fatt li flimkien mal-bniedem daħlet fid-dinja viżibbli l-qdusija, maħluqa għalh. Is-sagrament tad-dinja u s-sagrament tal-bniedem fid-dinja, joħorġu min-nixxiegħa divina għall-qdusija. L-innoċenza oriġinarja, marbuta mal-esperjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, u l-istess qdusija li tippermetti li l-bniedem jesprimi lilu nnifsu profondament bl-istess ġismu, u dan, appuntu, permezz tad-“don sinċier” tiegħu nnifsu. Il-kuxjenza tar-rigal tikkondizzjona, f’dan il-każ, “is-sagrament tal-ġisem”: il-bniedem iħoss f’ġismu ta’ maskju jew ta’ femmina, suġgett ta’ qdusija .

6. B’tali kuxjenza tas-sinifikat tal-propju ġisem, il-bniedem, bħala maskju u femmina, jidħol fid-dinja bħala suġġett ta’ verità u ta’ mħabba. Jistà jingħad li  Ġenesi 2, 23-25 jirrakkonta kważi l-ewwel festa tal-umanità fil-milja kollha oriġinarja tal-esperjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem: u hija festa tal-umanità, li tieħu oriġini min-nixxiegħa divina tal-Verità u tal-Imħabba fil-misteru stess tal-ħolqien. U għalkemm, bikri sewwa, dwar dik il-festa oriġinarja jinfirex x-xefaq tad-dnub u tal-mewt (Ġen 3), madankollu diġa sa mill-misteru tal-ħolqien niksbu l-ewwel tama; li, jiġifieri, il-frott tal-ekonomija divina tal-verità u tal-imħabba, li kienet irrivelata “fil-bidu”, mhijiex il-Mewt, imma l-Ħajja, u mhux tant il-qerda tal-ġisem ta’ Alla, daqskemm pjuttost is-“sejħa għall-glorja” (cf. Rm 8,30).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >