28. Il-ġisem, mhux sottomess għall-ispiritu jhedded l-unità tal-bniedem-persuna

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 28/05/1980.

1. Qegħdin naqraw mill-ġdid l-ewwwel kapitoli tal-ktieb tal-Ġenesi, biex nifhmu kif – bid-dnub oriiġinali – il-“bniedem tal-konkupixxenza” ħa l-post tal-“bniedem tal-innoċenza” oriġinarja.

Il-kliem tal-Ġenesi 3,10: “Bżajt, għaliex jien għarwien, u nħbejt”, li kkunsidrajna ġimagħtejn ilu, jiddukumentaw l-ewwel esperjenza ta’ mistħija tal-bniedem fil-konfront tal-Ħallieq tiegħu: mistħija li tistà wkoll tissejjaħ “kożmika”.

Madankollu, din “il-mistħija kożmika” – jekk inhu possibbli li nirrewtjalizzaw il-fatturi kollha fis-sitwazzjoni totali tal-bniedem wara id-dnub oriġinali – fit-test bibbliku ċċedi postha għal forma oħra ta’ mistħija. Din hija l-mistħija prodotta fl-umanità nfisha, ikkawżata jiġifieri mid-diżordni intima f’dak li minħabba fih il-bniedem, fil-misteru tal-ħolqien, kien “ix-xbiha ta’ Alla”, kemm fil-“jien” tiegħu personali kif ukoll fir-relazzjoni interpersonali, permezz tal-komunjoni primordjali tal-persuni, kostitwita flimkien mir-raġel u mill-mara. Dik il-mistħija, li l-kawża tagħha tinsab fl-istess umanità, hija inerenti u relattiva fl-istess ħin: timmanifesta ruħha fid-dimensjoni tal-interjorità umana u fl-istess ħin tirreferi għall-“ieħor”. Din hija l-mistħija tal-mara “fir-rigward” tar-raġel, u wkoll tar-raġel “fir-rigward” tal-mara: mistħija reċiproka, li ġġegħlhom jgħattu l-għera propja, biex jaħbu il-propji iġsma, biex jitwarrab mill-vista tar-raġel dak li jikkostitwixxi is-sinjal viżibbli tal-femminilità, u mill-vista tal-mara dak li jikkostitwixxi s-sinjal viżibbli tal-maskulinità. F’tali direzzjoni, orjentat ruħha l-mistħija tat-tnejn wara d-dnub oriġinali, meta ntebħu li “kienu mneżżgħa”, kif jixhed Ġenesi 3,7. It-test jahwista donnu jindika b’mod espliċitu il-karattru “sesswali” ta’ tali mistħija: “Ħietu weraq tat-tin u għamluhom bħal faxex”. Madankollu nistgħu nistaqsu jekk l-aspett “sesswali” għandux biss karattru “relattiv”; fi kliem ieħor: jekk dan għandux x’jaqsam biss ma’ mistħija mill-propja sesswalità biss bħala riferiment għall-persuna tas-sess l-ieħor.

2. Għalkemm fid-dawl ta’ dik l-unika sentenza determinanti ta’ Ġenesi 3,7 it-tweġiba għad-domanda tidher fuq kollox issostni il-karattru relattiv tal-mistħija oriġinarja, xejn inqas ir-riflessjoni fuq il-kuntest kollu mmedjat tippermetti li niskopru l-isfond tiegħu l-iktar imminenti. Dik il-mistħija, li bla dubju timmanifest ruħha fl-ordni “sesswali”, tirrivela diffikultà speċifika li tħoss l-essenzjalità umana tal-propju ġisem: diffikultà li l-bniedem ma kienx sperimenta fl-istat tal-innoċenza oriġinarja. Hekk, infatti, jistgħu jinftehmu l-kliem: “Bżajt, għaliex kont għarwien”, li jpoġġu fid-dieher il-konsegwenzi tal-frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin fl-intimu tal-bniedem. Permezz ta’ dawn il-kliem tiġi żvelata ċerta qasma kostituttiva fl-intern tal-persuna umana, kważi qasma tal-unità oriġinarja spiritwali u somatika tal-bniedem.   Jinduna għall-ewwel darba li ġismu m’għadux jikseb mill-qawwa tal-ispirtu, li kien jelevah għal-livell tax-xbiha ta’ Alla. Il-mistħija oriġinarja tiegħu iġġorr fiha s-sinjali ta’ umiljazzjoni speċifika permezz tal-ġisem. Taħbi fiha ż-żerriegħa ta’ dik il-kontradizzjoni, li takkumpanja lill-bniedem “storiku” fil-mixja terrena kollha tiegħu, kif jikteb Sab Pawl: “Infatti naqbel fl-intimu tiegħi mal-liġi ta’ Alla. Imma fil-membri tiegħi nara liġi oħra, li tmexxi gwerra kontra l-liġi ta’ moħħi” (Rm 7,22-23).

3. Hekk, mela, dik il-mistħija hija inerenti. Fiha tali intensità konixxitiva li toħloq inkwetudni ta’ fidi fl-eżistenza umana kollha, mhux biss quddiem il-prospettiva tal-mewt, immna wkoll quddiem dik, li minnha jiddependi il-valur u l-istess dinjità tal-persuna fis-sinifikat  etiku tagħha. F’tali sens il-mistħija oriġinarja tal-ġisem (“jien għarwien”) hija diġa biżà (“bżajt”), u tipprununzja minn qabel l-inkwetudni tal-kuxjenza marbuta mal-konkupixxenza. Il-ġisem li mhux sottomess għall-ispirtu bħal fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, iġorr fih ċentru kostanti ta’ reżistenza għall-ispirtu, u jhedded b’xi mod l-unità tal-bniedem-persuna, jiġifieri tan-natura morali, li tgħaddas b’mod sod l-għeruq fl-istess kostituzzjoni tal-persuna. Il-konkupixxenza tal-ġisem hija theddida speċifika għall-istruttura tal-awtopussess u tal-awtodominju, permezz ta’ liema tifforma ruħha l-persuna umana. U tikkostitwixxi għaliha wkoll sfida speċifika. Fi kwalunkwè każ, il-bniedem tal-konkupixxenza ma jiddominax il-propju ġismu bl-istess mod . bl-istess sempliċità u “naturalezza”, ugwali, bħalma kien jagħmel il-bniedem tal-innoċenza oriġinarja. L-istruttura tal-awtopussess, essenzjali għall-persuna, tiġi fih, b’ċertu mod, imriegħda mill-istess sisien; hu mill-ġdid jidentifika ruħu magħha minħabba li huwa lest kontinwament li jirbaħha.

4. Ma’ tali skwilibriju intern hija marbuta l-mistħija inerenti. U din għandha karattru “sesswali”, appuntu għaliex l-isfera tas-sesswalità umana qisha ġġiegħel jispikka dak l-iskwilibriju, li joħroġ mill-konkupixxenza u speċjalment mill-“konkupixxenza tal-ġisem”. Minn dan il-punt di vista, dak l-ewwel impuls, li dwaru jitkellem Ġenesi 3,7 (“intebħu li kienu mneżżgħa, ħietu flimkien weraq tat-tin u għamluhom bħal faxex”) huwa ferm elokwenti: bħal donnu l-“bniedem tal-konkupixxenza” (raġel u mara “fl-att tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin”) iħoss li sempliċement spiċċa, ukoll permezz tal-propju ġismu u sessu, milli jkun ‘il fuq mid-dinja tal-esseri ħajjin jew “l-animalja”. Bħal donnu jħoss qasma speċifika tal-integrità personali tal-propju ġismu, b’mod partikolari f’dak li jiddetermina s-sesswalità u li hu kollegat b’mod dirett mas-sejħa għal dik l-unità, li fiha r-raġel u l-mara “ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2,24). Għalhekk, dak il-pudur inerenti u flimkien mas-sesswalità huwa dejjem, almenu b’mod indirett, relattiv. Huwa l-pudur tal-propja sesswalità “fir-rigward” tal-esseri uman l-ieħor. B’tali mod il-pudur jiġi manifestat fir-rakkont ta’ Ġenesi 3, minħabba liema aħna, f’ċertu sens, xhieda tat-twelid tal-konkupixxenza umana. Hija allura suffiċjentement ċara wkoll il-motivazzjoni biex nerġghu nqanqlu l-kliem ta’ Kristu dwar il-bniedem (maskju), li “jħares lejn mara biex jixtieqha” (Mt 5,27-28), għal dak l-ewwel waqt, li fih il-pudur jispjega ruħu permezz tal-konkupixxenza u l-konkupixxenza permezz tal-pudur. Hekk niftehmu aħjar għaliex – u f’dak is-sens – Kristu jitkellem mix-xewqa bħala “adulterju” magħmul fil-qalb, għaliex ikun indirizzat għall-“qalb” umana.

5. Il-qalb umana żżomm fiha kontemporanjament ix-xewqa u l-pudur. It-twelid tal-pudur jorjentana lejn dak il-waqt, li fih il-bniedem intern, “il-qalb”, waqt li tingħalaq għal dak li “jiġi mill-Missier”, tinfetaħ għal dak li “jiġi mid-dinja”. It-twelid tal-pudur fil-qalb umana jimxi pass wieħed mal-bidu tal-konkupixxenza: tal-konkupixxenza tripla skont it-tejoloġija ġovanneska  (cf. 1Ġw 2,16), u b’mod partikulari tal-konkupixxenza tal-ġisem. Il-bniedem għandu pudur tal-ġisem minħabba l-konkupixxenza. Anzi, għandu pudur mhux tant tal-ġisem, daqskemm propju tal-konkupixxenza: għandu pudur tal-ġisem minħabba l-konkupixxenza. Għandu pudur tal-ġisem minħabba dak l-istat tal-ispirtu tiegħu, għal-liema t-tejoloġija u l-psikoloġija jagħtu l-istess denominazzjoni sinonima: xewqa jew inkella konkupixxenza, għalkemm b’sinifikat mhux għal kollox ugwali. Is-sinifikat bibbliku u tejoloġiku tax-xewqa u tal-konkupixxenza huwa differenti minn dak użat fil-psikoloġija. Għal din tal-aħħar, ix-xewqa tiġi min-nuqqas jew mill-bżonn, li l-valur mixtieq jinħtieġ jissodisfa. Il-konkupixxenza bibblika, bħal ma niddeduċu minn 1Ġw 2,16, tindika l-istat tal-ispirtu uman imbiegħed mis-sempliċità oriġinarja u mill-milja tal-valuri, li l-bniedem u d-dinja jippossiedu “fid-dimensjonijiet ta’ Alla”. Appuntu tali sempliċità u milja tal-valur tal-ġisem uman fl-ewwel esperjenza tal-maskulinità-femminilità tiegħu, li dwarha jitkellem Ġenesi 2,23-25, ġarrbet suċċessivament, “fid-dimensjoni tad-dinja”, trasformazzjoni radikali. U allura, flimkien mal-konkupixxenza tal-ġisem twieled il-pudur.

6. Il-pudur għandu sinifikat doppju: jindika t-theddida tal-valur u fl-istess ħin jippriserva internament tali valur (cf. Karol Wojtyla, Amore e responsabilità, Torino 19782, pp. 161-178). Il-fatt li l-qalb umana, mill-waqt li fih hemm titwieled il-konkupixxenza tal-ġisem, iżżomm fiha wkoll il-mistħija, tindika li tistà u hemm bżonn li tagħmel appell għalih, meta jkun hemm bżonn li tiggarantixxi dawk il-valuri, għal-liema l-konkupixxenza taqtà d-dimensjoni oriġinarja u sħiħa tagħhom. Jekk inżommu dan f’moħħna, inkunu nistgħu nifhmu aħjar għaliex Kristu, waqt li tkellem dwar il-konkupixxenza, jagħmel appell għall-“qalb” umana.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >