29. Sinifikat tal-mistħija oriġinali fir-rapporti interpersonali raġel-mara

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 04/06/1980.

1. Waqt li tkellimna mit-twelid tal-konkupixxenza fil-bniedem, a bażi tal-ktieb tal-Ġenesi analizzajna s-sinifikat oriġinarju tal-mistħija, li tfaċcat mal-ewwel dnub.

L-analiżi tal-mistħija, fid-dawl tar-rakkont bibbliku, jippermettilna nifhmu aktar fil-fond liema sinifikat hi għandha għall-għaqda tar-rapporti interpersonali raġel-mara. It-tielet kapitolu tal-Ġenesi juri bla ebda dubju li dik il-mistħija feġġet fir-rapport reċiproku tar-raġel mal-mara u li tali rapport, minħabba l-mistħija stess ġarrab trasformazzjoni radikali. U minħabba li hi twieldet ġo qalbhom flimkien mal-konkupixxenza tal-ġisem, l-analiżi tal-mistħija oriġinarja tippermettilna li fl-istess ħin neżaminaw f’liema rapport tibqà tali konkupixxenza fejn tidħol l-għaqda tal-persuni, li sa mill-bidu kienet permessa u mogħtija bħala kompitu lir-raġel u lill-mara minħabba l-fatt li kienu ġew maħluqin “xbiha ta’ Alla”. Mela, it-tappa ulterjuri tal-istudju dwar il-konkupixxenza, li “fil-bidu” dehret permezz tal-mistħija tar-raġel u tal-mara, skont Ġenesi 3, hija l-analiżi tan-nuqqas ta’ xabà tal-għaqda, jiġifieri tal-għaqda tal-persuni, li kellha tkun espressa wkoll minn ġisimhom, skont il-propja maskulinità u femminilità speċifika.

2. Fuq kollox, mela, din il-mistħija li, skont ir-rakkont bibbliku, twassal lir-raġel u lill-mara biex jaħbu b’mod reċiproku ġisimhom propju u bħal speċi id-differenzjazzjoni sesswali tagħhom, tikkonferma li ġiet miksura dik il-kapaċità oriġinarja li jikkomunikaw lilhom infushom b’mod reċiproku, dwar liema jitkellem Ġenesi 2,25. Il-bidla radikali tas-sinifikat tal-għera oriġinarja jħallina nissopponu trasformazzjoni negattiva tar-rapport kollu interpersonali raġel-mara. Dik l-għaqda reċiproka fl-umanità nfisha permezz tal-ġisem u permezz tal-maskulinità u femminilità tiegħu li kellha risonanza hekk qawwija fil-pass preċedenti tar-rakkont jahwista (cf. Ġen 2,23-25), tiġi f’dan il-waqt iddisturbata: bħallikieku il-ġisem, fl-maskulinità u l-femminilità tiegħu, ifittex li jibni s-substrat “insospettibbli” tal-għaqda tal-persuni, bħallikieku l-funzjoni oriġinarja tiegħu ġiet “imqiegħda f’dubju” fil-kuxjenza tar-raġel u tal-mara. Jgħibu s-sempliċità u l-“purezza” tal-esperjenza oriġinarja, li kienu jiffaċilitaw milja singulari fil-kumunikazzjoni reċiproka tagħhom infushom. Ovvjament, il-proġenituri ma qatgħux mill-komunikazzjoni reċiproka  permezz ta’ ġisimhom u tal-movimenti, ġesti, espressjonijiet tagħhom; imma għabet l-għaqda sempliċi u diretta minnha nfiha magħquda mal-esperjenza oriġinarja tal-għera reċiproka. Kważi f’salt wieħed, dehret fil-kuxjenza tagħhom tarġa insormontabbli, li kienet tillimita id-“donazzjoni tagħhom infushom” oriġinarja lil xulxin, b’fiduċja sħiħa għal dak kollu li kien jikkostitwixxi l-identità propja u, fl-istess ħin, differenza, mil-lat femminil, mill-ieħor maskil. Id-differenza, jew aħjar id-differenza tas-sess maskil u femminil, ġiet f’salt wieħed maħsusa u mifhuma bħala element ta’ kuntrast ta’ persuni. Dan ġie mixhud mill-espressjoni qasira ta’ Ġenesi 3,7: “Intebħu li kienu mneżżgħa”, u mill-kuntest tagħha mmedjat. Dan kollu jagħmel parti wkoll mill-analiżi tal-ewwel mistħija. Il-ktieb tal-Ġenesi mhux biss jimmarka l-oriġni tal-esseri uman, imma jippermetti wkoll li jiżvela il-gradi tiegħu fit-tnejn, fir-raġel u fil-mara.

3. L-għeluq tal-ħila ta’ għaqda reċiproka sħiħa, li jidher bħala pudur sesswali, jippermettilna li nifhmu aħjar il-valur oriġinarju tas-sinifikat unifikanti tal-ġisem. Infatti ma tistax tifhem mod ieħor dak l-għeluq rispettiv, jew aħjar il-mistħija, jekk mhux f’rapport għas-sinifikat li l-ġisem, fil femminilità u l-maskulinità tiegħu, kellu qabel għall-bniedem fl-istat tal-innoċenza oriġinarja. Dak is-sinifikat unifikante jiftiehem mhux biss fir-rigward tal-għaqda, li r-raġel u l-mara, bħala miżżewġin, kellhom jikkostitwixxu, waqt li jsiru “ġisem wieħed” (Ġen 2,24) permezz tal-att konjugali, imma wkoll bħala riferiment għall-istess “għaqda tal-persuni”, li kienet id-dimensjoni propja tal-eżistenza tar-raġel u tal-mara fil-misteru tal-ħolqien. Il-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu jikkostitwixxi is-“substrat” stramb ta’ tali għaqda personali. Il-pudur sesswali, li dwaru jittratta Ġenesi 3,7, jixhed it-telfa taċ-ċertezza oriġinarja li l-ġisem uman, permezz tal-maskulinità u l-femminilità tiegħu, huwa propju dak is-“substrat” tal-għaqda tal-persuni, li “sempliċement” tesprimiha, li sservi għar-rejalizzazzjoni (u hekk ukoll għall-kompletar tal-“immaġni ta’ Alla” fid-dinja viżibbli. Dan l-istat ta’ kuxjenza tat-tnejn għandu riperkussjonijiet qawwija fil-kuntest ulterjuri ta’ Ġenesi 3, li dwaru se nitkellmu f’qasir żmien. Jekk il-bniedem, wara d-dnub oriġinali, kien tilef, biex ngħidu hekk, is-sens tal-immaġni ta’ Alla fih, dan immanifesta ruħu bil-mistħija tal-ġisem (cf. praesertim Ġen 3,10-11). Dik il-mistħija, waqt li nvadiet ir-relazzjoni raġel-mara fit-totalità kollha tagħha, immanifestat ruħha bl-iskwilibriju tas-sinifikat oriġinarju tal-għaqda korporja, jiġifieri tal-ġisem bħala “substrat” stramb tal-għaqda tal-persuni. Bħal donnu l-profil personali tal-maskulinità u l-femminilità, li qabel kien jenfasizza s-sinifikat tal-ġisem għal għaqda sħiħa tal-persuni, ċeda postu għas-sensazzjoni għas-“sesswalità” fir-rigward tal-esseri uman l-ieħor. Bħal donnu li s-sesswalità saret “ostaklu” fir-rapport personali tar-raġel mal-mara. Bil-ħabi reċiproku, skont Ġenesi 3,7, it-tnejn jesprimuha kważi b’mod istintiv.

4. Din hija, fl-istess ħin, bħat-“tieni” skoperta tas-sess, li fir-rakkont bibbliku ma taqbilx b’mod radikali mill-ewwel waħda. Il-kuntest sħiħ tar-rakkont jikkonferma li din l-iskoperta ġdida tiddistingwi l-bniedem “storiku” mill-konkupixxenza (anzi mill-konkupixxenza tripla) tal-bniedem tal-innoċenza oriġinarja. F’liema rapport timponi ruħha l-konkupixxenza, u b’mod partikulari l-konkupixxenza tal-ġisem, fir-rigward tal-għaqda tal-persuni mwettqa mill-ġisem, mill-maskulinità u l-femminilità tiegħu, jiġifieri fir-rigward tal-għaqda allokata, “mill-bidu”, lill-bniedem mill-Ħallieq?  Hekk hi d-domanda li jeħtieġ nagħmlu lilna nfusna, preċiżament dwar “il-bidu”, dwar l-esperjenza tal-mistħija, li għaliha jirreferixxi r-rakkont bibbliku.  Il-mistħija, kif diġa osservajna, timmanifesta ruħha fir-rakkont ta’ Ġenesi 3 bħala sintomu tad-distakk tal-bniedem mill-imħabba, li tagħha kien parteċipi fil-misteru tal-ħolqien skont l-espressjoni ġovanneska: dak li “jiġi mill-Missier”. “Dak li hemm fid-dinja”, jiġifieri l-konkupixxenza, iġġib magħha diffikulta kważi kostituttiva ta’ identifikazzjoni bil-propju ġisem; u mhux biss fl-ambitu tal-propja soġġettività, imma ferm iktar fir-rigward tas-soġġettività tal-esseri uman l-ieħor: tal-mara għar-raġel, tar-raġel għall-mara.

5. Minn hawn il-bżonn tal-ħabi quddiem l-“ieħor” bil-propju ġisem, b’dak li jiddetermina il-propja maskulinità/femminilità. Dan il-bżonn juri n-nuqqas fundamentali ta’ fiduċja, li waħdu jindika il-waqgħa tar-rapport oriġinarju “ta’ għaqda”. Appuntu r-rigward għas-soġġettività tal-ieħor, u flimkien mal-propja soġġettività, qanqal f’din is-sitwazzjoni ġdida, jiġifieri fil-kuntest tal-konkupixxenza, l-esiġenza tal-ħabi, li dwarha jitkellem Ġenesi 3,7.

U preċiżament hawn donnu li jkun riskopert sinifikat iktar profond tal-pudur “sesswali” u wkoll is-sinifikat sħiħ ta’ dak il-fenomenu, li għalih jerġà jfakkar it-test bibbliku biex jirrivela l-konfini bejn il-bniedem u l-innoċenza oriġinarja u l-bniedem “storiku” tal-konkupixxenza. It-test integrali ta’ Ġenesi 3 ifornilna elementi biex niddefinixxu id-dimensjoni l-iktar profonda tal-mistħija; imma dan jesiġi analiżi għaliha. Din nibdewha fir-riflessjoni li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: