37. L-adulterju skont Kristu: falsifikazzjoni tas-sinjal u ksur tal-allejanza personali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 27/08/1980.

1. Fid-Diskors tal-Muntanja Kristu jgħid: “la taħsbux li jiena ġejt biex nabolixxi l-Liġi jew il-Profeti,  jien ma ġejtx biex nabolixxi imma biex inwettaq” (Mt 5,17).

Biex niċċaraw fiex jikkonsisti tali twettieq, Huwa mbagħad jgħaddi għall-kmandamenti singuli, waqt li jirreferi għal dak li jgħid: “La tikkommettix adulterju”. Il-meditazzjoni tagħna ta’ qabel kienet immirata biex turi f’liema mod il-kontenut adegwat ta’ dan il-kmandament, mixtieq minn Alla, ġie offuskat minn kompromessi numerużi fil-leġiżlazzjoni partikulari ta’ Iżrael. Il-profeti, li fit-tagħlim tagħhom spiss jiddenunzjaw l-abbandun tal-veru Alla-Jahwe min-naħa tal-poplu, waqt li jqabbluh mal-“adulterju”, iġiegħlu jispikka, bil-mod l-iktar awtentiku, tali kontenut.

Osea mhux biss bil-kliem, imma(milli jidher) ukoll bl-imġieba, jinkwieta biex jirrivelalna (cf. Os 1-3) li t-tradiment tal-poplu jixbaħ lil dak konjugali, anzi, iktar minn hekk, lill-adulterju eżerċitat bħala prostituzzjoni: “Mur, ħu b’martek prostituta u jkollok ulied ta’ prostituzzjoni, għaliex il-pajjiż ma jagħmilx għajr jipprostitwixxi ruħu waqt li jitbiegħed mill-Mulej” (Os 1,2). Il-Profeta jħoss ġewwa fih din l-ordni u jaċċettaha bħala li ġejja minn Alla-Jahwe: “Il-Mulej kompla qalli: “Mur, ħobb mara li hija maħbuba minn ħaddieħor u hija adultera””(Os 3,1). Infatti, alavolja Iżrael huwa hekk infidel fil-konfront ta’ Alla tiegħu, bħall-għarusa li “kienet issegwi il-maħbubin tagħha waqt li kienet tinsieni” (Os 2,15), madankollu Jahwè ma jieqafx ifittex l-għarusa tiegħu, ma jgħejjiex jistenna l-konversjoni tagħha u r-ritorn tagħha, waqt li jwettaq dan l-atteġġjament bil-kliem u bl-azzjonijiet tal-Profeta: “U f’dak il-jum iseħħ – oraklu tal-Mulej – li hi ssejjaħli: “Żewġi, u ma ssejjaħlix iktar:  Sidi”… Nagħmlek l-għarusa tiegħi għal dejjem, nagħmlek l-għarusa tiegħi fil-ġustizzja u fid-dritt, fil-ġid u fl-imħabba, nitgħarrsek miegħi fil-fedeltà u inti tagħraf lill-Mulej” (Os 2,18.21-22). Din is-sejħa sħuna għall-konversjoni tal infidili għarusa-miżżewġa jimxi pari passu mat-theddida li ġejja: “Neħħi minn wiċċek is-sinjali tal-prostituzzjoni tiegħek u s-sinjali tal-adulterju tiegħek minn fuq sidrek; inkella nneżżgħek għarwiena kollok kemm int u nirrendik bħal dakinhar li twelidt” (Os 2,4-5).

2. Tali immaġni tal-għera umiljanti fit-twelid, kienet imfakkra lill-Iżrael-għarusa infidila mill-Profeta Eżekjiel, u b’mod iktar wiesà: “… bħala oġġett diżgustanti kont mormija fil-kampanja miftuħa, f’jum twelidek. Għaddejt qribek u rajtek waqt li kont tissielet fid-demm u għidtlek: Għix f’demmek u ikber bħal żmien l-għalqa. Tikber u nagħmlek kbira u tasal fil-fjur taż-żgħożija: sidrek isir  floworixxenti u tkun issa wasalt għall-pubertà; imma tkun għarwiena u mikxufa. Għaddejt qribek u rajtek; hekk hu, l-età tiegħek kienet l-età tal-imħabba; jien frixt it-tarf tal-mantell tiegħi fuqek u għattejt l-għera tiegħek; ħlift allejanza miegħek, jgħid il-Mulej Alla, u sirt tiegħi… poġġejt fi mnieħrek ċurkett, imsielet f’widnejk u kuruna brillanti fuq rasek. Hekk kont imżejna b’deheb u fidda; ħwejġek kienu għażel fin, ħarir u rakkmu… Il-fama tiegħek xterdet fost il-ġnus għal sbuħitek li kienet perfetta, għall-glorja li jien kont qgħedt fik… Int iżda, infatwata wara sbuħitek u waqt li approfiitajt ruħek minħabba l-fama tiegħek, ipprostitwejt ruħek waqt li offrejt lilek innifsek lil kull min għadda minn ħdejk… Kemm kienet ħażina qalbek – jgħid il-Mulej – li wettaqt dawn l-azzjonijiet kollha denji ta’ prostituta bla mistħija!

Meta għamilt altura f’kull pjazza, int ma kontx bħal prostituta tfittex il-qligħ, imma bħala adultera li, flok lil żewġha, kienet tilqà l-barranin!” (cf. Ez 16,5-8.12-15.30-32).

3. Il-kwotazzjoni hija ftit twila, imma t-test huwa però hekk rilevanti li kien hemm bżonn li nirrevokawh. L-analoġija bejn l-adulterju u l-idolatrija hija hawn espressa b’mod partikolarment qawwi u eżawrjenti. Il-waqt similari bejn iż-żewg komponenti tal-analoġija jikkonsisti fl-allejanza akkumpanjata mill-imħabba. Alla-Jahwe jikkonkludi għal imħabba l-allejanza ma’ Iżrael, – mingħajr il-mertu tiegħu – isir għalih bħala għarus u miżżewweġ l-iktar maħbub, l-iktar premoruż u l-iktar ġeneruż lejn l-għarusa propja tiegħu. Għal din l-imħabba, li mix-xefaq tal-istorja akkumpanjat lill-poplu magħżul, Jahwe-għarus jirċievi bi tpattija tradimenti numerużi. “l-alturi”, hekk hu l-postijiet tal-kult idolatriku, li fihom jiġi mwettaq “l-adulterju” ta’ Iżrael-għarusa. Fl-analiżi li hawn qegħdin nagħmlu, l-essenzjali huwa l-kunċett ta’ adulterju li bih jinqeda Eżekjiel. Nistgħu ngħidu bdanakollu li t-totalità tas-sitwazzjoni, li fiha dan il-kunċett kien inserit (fl-ambitu tal-analoġija), mhuwiex tipiku. Hawn m’għandux x’jaqsam wisq mal-għażla tal-għarusa (u dan diġa mill-waqt ta’ twelidha), għażla ġejja mill-imħabba tal-għarus, imħabba li, min-naħa tal-għarus stess, hija att ta’ ħniena pura. F’tali sens tieħu forma din l-għażla: hija tikkorrispondi ma’ dik il-parti tal-analoġija li tikkwalifika l-allejanza ta’ Jahwe ma’ Iżrael; minflok tikkorrispondi inqas mat-tieni parti tagħha, li tikkwalifika in-natura taż-żwieġ. Bla dubju il-mentalità ta’ dak iż-żmien ma kinitx hekk sensibbli ma’ din ir-rejaltà – skont l-Iżraeliti iż-żwieġ kien pjuttost ir-riżultat ta’ għażla unilaterali, spiss magħmula mill-ġenituri – madankollu tali sitwazzjoni diffiċilment tidħol fl-ambitu tal-ideat tagħna.

4. Irrespettivament minn tali dettall huwa mpossibbli li ma nintebħux li fit-testi tal-Profeti jiġi nnutat sinifikat tal-adulterju differenti minn dak li tagħtina t-tradizzjoni leġislattiva. L-adulterju huwa dnub għaliex jikkostitwixxi il-ksur tal-allejanza personali tar-raġel u tal-mara. Fit-testi leġiżlattivi tiġi nnutata l-vjolazzjoni tad-dritt ta’ propjetà u, fl-ewwel post, tad-dritt ta’ propjetà tar-raġel fir-rigward ta’ dik il-mara, li kienet il-mara legali tiegħu: waħda mill-ħafna. Fit-testi tal-Profeti l-isfond tal-poligamija effettiva u legalizzata ma tbiddilx is-sinifikat etiku tal-adulterju. F’bosta testi il-monogamija tidher l-analoġija unika u ġusta tal-monoteiżmu intiż fil-kategoriji tal-Allejanza, jiġifieri tal-fedeltà u tal-affidament għall-uniku u veru Alla-Jahwe: Għarus ta’ Iżrael. L-adulterju huwa l-antiteżi ta’ dik ir-relazzjoni sponsali, huwa l-antinomija taż-żwieġ (ukoll bħala istituzzjoni) in kwantu ż-żwieġ monogamiku jattwa fih innifsu l-allejanza interpersonali tar-raġel u tal-mara, jwettaq l-allejjanza mnissla mill-imħabba u aċċettata miż-żewġ partijiet rispettivi appuntu bħala żwieġ (u, bħala tali, magħruf mis-soċjetà). Dan it-tip ta’ allejanza bejn żewġ persuni jikkostitwixxi is-sies ta’ dik l-għaqda li għaliha “r-raġel… jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2,24). Fil-kuntest, fuq ikkwotat, wieħed jistà jgħid li tali għaqda korporeja hija dritt (bilaterali) tagħhom, imma qabel kollox li hija sinjal regolari tal-għaqda tal-persuni, għaqda magħmula bejn ir-raġel u l-mara bħala miżżewġin. L-adulterju imwettaq minn kwalunkwè wieħed minnhom mhuwiex biss il-vjolazzjoni ta’ dan id-dritt, li huwa esklussiv tal-parti l-oħra, imma fl-istess ħin huwa falsifikazzjoni radikali tas-sinjal. Donnu li fl-orakli tal-Profeti appuntu dan l-aspett tal-adulterju jsib espressjoni ċara biżżejjed.

5. Fl-osservanza li l-adulterju huwa falsifikazzjoni ta’ dak is-sinjal, li jsib mhux tant in- “normattiva” tiegħu, imma pjuttost, is-sempliċi verità interna tiegħu fiż-żwieġ – jiġifieri fil-konvivenza tar-raġel u tal-mara, li saru miżżewġin – allura, f’ċertu sens, mill-ġdid nerġgħu nirreferu għall-affermazzjonijiet fundamentali, magħmulin qabel, waqt li nikkunsidrawhom essenzjali u importanti għat-tejoloġija tal-ġisem, mill-punt di vista kemm antropoloġiku kif ukoll etiku. L-adulterju huwa “dnub tal-ġisem”. Dan tixhdu it-tradizzjoni kollha tat-Testment il-Qadim, u jikkonfermah Kristu. L-analiżi mqabbla ta’ kliemu, ippronunzjat fid-diskors tal-muntanja (cf. Mt 5,27-28), kif ukoll tad-diversi espressjonijiet relattivi kontenuti fil-Vanġeli u fil-passi l-oħra tat-Testment il-Ġdid, jippermettulna nistabilixxu r-raġuni propja tal-pekkaminożità tal-adulterju. U hija ħaġa ovvja li niddeterminaw tali raġuni ta’ pekkaminożità, biex inkunu preċiżi tal-ħażen morali, waqt li nibbażaw fuq il-prinċipju tal-kontrappożizzjoni fir-rigwardi ta’ dak il-ġid morali li huwa l-fedeltà konjugali, dak il-ġid li jistà jkun rrejalizzat b’mod adegwat biss fir-rapport esklussiv taż-żewġ partijiet (jiġifieri fir-rapport konjugali ta’ raġel ma’ mara). L-esiġenza ta’ tali rapport hija propja tal-imħabba sponsali, li l-istruttura interpersonali (kif diġa nnutajna) hija mmexxiha min-normattiva nterna tal-“komunjoni tal-persuni”. Hija propju hi li titfà sinifikat essenzjali lill-Allejanza (kemm fir-rapport raġel-mara, kif ukoll, b’analoġija, fir-rapport Jahwe-Iżrael). Dwar l-adulterju, dwar il-pekkaminożità tiegħu, dwar il-ħsara morali li hemm fih, wieħed jistà jiddeċiedi a bażi tal-prinċipju tal-kontrappożizzjoni bil-patt konjugali daqshekk mifhum.

6. Hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna dan kollu, meta ngħidu li l-adulterju huwa “dnub tal-ġisem”; il-“ġisem” hawn jitqies fir-rabta konċettwali mal-kliem tal-Ġenesi, 2,24, li nfatti jitkellmu dwar ir-raġel u dwar il-mara, li bħala raġel miżżewweġ u mara miżżewġa, jingħaqdu b’mod hekk strett bejniethom li jiffurmaw “ġisem wieħed”. L-adulterju jindika l-att li permezz tiegħu raġel u mara li ma jkunux miżżewġin jiffurmaw “ġisem wieħed” (jiġifieri dawk li mhumiex raġel miżżewweġ u mara miżżewġa fis-sens tal-monogamija kif kienet stabbilita fil-bidu, anzi fis-sens tal-każistika legali tat-Testment il-Qadim). Id-“dnub” tal-ġisem jistà jkun identifikat biss b’rispett għar-rapport tal-persuni. Wieħed jistà jitkellem minn ġid jew deni morali skont jekk dan ir-rapport jirrendix vera tali unità tal-“ġisem” u  jekk jagħtix jew le l-karattrue ta’ sinjal veritjer.  F’dan il-każ, nistgħu mela niġġudikaw l-adulterju bħala dnub, b’mod konformi mal-oġġettiv kontenut tal-att.

U dan huwa l-kontenut li Kristu għandu f’moħħu, meta, fid-diskors tal-muntanja, jfakkar: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettix adulterju”. Kristu però ma jiqafx fuq tali prospettiva tal-problema.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zar.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >