36. L-adulterju skont il-liġi u fil-lingwaġġ tal-profeti

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 20/08/1980.

1. Meta Kristu, fid-Diskors tal-Muntanja, jgħid: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettux adulterju” (Mt 5,27), Huwa jirreferi għal dak li kull wieħed mis-semmiegħa tiegħu kien jaf perfettament u għal-liema kien iħossu obbligat minħabba l-kmandament ta’ Alla-Jahwe.

Bdanakollu, l-istorja tat-Testment il-Qadim turina li hija l-ħajja tal-poplu – magħqud ma’ Alla-Jahwe b’allejanza partikulari – kemm il-ħajja tal-bnedmin individwali, spiss titbiegħed minn dan il-kmandament. Dan turih ukoll ħarsa qasira mitfugħa fuq il-leġislazzjoni, li tagħha nsibu dokumentazzjoni għanja fil-Kotba tat-Testment il-Qadim.

Il-preskrizzjonijiet tal-Liġi antik-testamentarja kienu tassew ħorox. Huma kienu wkoll partikulareġġjati fl-iċken dettalji konkreti tal-ħajja (cf. ex. gr Dt 21,10-13;Nm 30,7-16; Dt 24,1-4; 22,13-21; Lv 20,10-21 eċċ.). Wieħed jistà jassumi li iktar ma l-leġislazzjoni tal-poligamija effettiva kienet issir evidenti f’din il-liġi, iktar kienet tikber l-esiġenza li ssostni id-dimensjonijiet ġuridiċi tagħha u li tipproteġi il-limiti legali tagħha. Minn hawn in-numru kbir ta’ preskrizzjonijiet, u wkoll is-severità tal-pieni previsti tal-leġislatur għall-infrazzjoni ta’ tali normi. Fuq il-bażi tal-analiżi, li żvolġejna qabel dwar ir-riferenza li Kristu jagħmel għall-“bidu”, fid-diskors tiegħu dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ u dwar l-“att tar-rifjut”, huwa evidenti li Huwa jara b’ċarezza il-kontradizzjoni fundamentali li d-dritt matrimonjali tat-Testment il-Qadim kien jaħbi fih, waqt li jilqà l-poligamija effettiva, jiġifieri l-istituzzjoni tal-konkubini maġemb in-nisa legali, jew inkella d-dritt tal-konvivenza mal-iskjava. (Għalkemm il-Ktieb tal-Ġenesi jippreżenta iż-żwieġ monogamiku ta’ Adam, ta’ Seth u ta’ Noe bħala mudell ta’ min jimitah, u donnu jikkundanna il-bigamija li titfaċċa biss fost id-dixxendenti ta’ Kajjin [cf. Gen 4,19], madankollu l-ħajja tal-Patrijarki tforni iktar eżempji kuntrarji. Abraham josserva l-preskrizzjoni tal-liġi ta’ Ħammurabi, li kienet tippermetti li tiżżewweġ lit-tieni mara fil-każ tal-isterilità tal-ewwel waħda; u Ġakobb kellu żewġ nisa u żewġ konkubini [cf. Ġen 30,1-19]. Il-Ktieb tad-Dewteronomju jammetti l-eżistenza legali tal-bigamija [cf. Dt 21,15-17] u saħansitra tal-poligamija, meta jwissi lis-sultan biex ma jkollux wisq nisa [cf. Dt 17,17]; jikkonferma wkoll l-istituzzjoni tal-konkubini: priġunieri tal-gwerra [cf. Dt 21,10-14] inkella skjavi [cf. Es 21,7,11]. [cf. R. De Vaux, Ancient Israel. Its Life and Institutions, London 19763, Darton, Longman, Todd; pp. 24-25, 83]. Mhemm fit-Testment il-Qadim ebda aċċenn espliċitu dwar l-obbligu tal-monogamija, għalkemm l-immaġni ppreżentata mill-kotba posterjuri turi li din kienet imxerrda fil-prattika soċjali [cf. ad es. Il-Kotba tal-għerf bl-eċċezzjoni ta’Sir 37,11;Tob.]) Wieħed jistà jgħid li tali dritt, waqt li kien jikkumbatti d-dnub, fl-istess ħin kien iżomm fih, u anzi kien jipproteġi l-“istrutturi soċjali tad-dnub”, kien jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi kien jimponi ruħu il-bżonn li s-sens etiku essenzjali tal-kmandament “la tikkommettix adulterju” jġarrab ukoll rivalutazzjoni fondamentali. Fid-Diskors tal-Muntanja Kristu jiżvela mill-ġdid dak is-sens, waqt li b’hekk jeċċedi ir-ristrezzjonijiet tradizzjonali u legali.

2. Forsi huwa tajjeb li nżidu li fl-interpretazzjoni antik-testamentarja, kif ukoll il-projbizzjoni tal-adulterju hija immarkata – wieħed jistà jgħid – mill-kompromess mal-konkupixxenza tal-ġisem, tant hija determinata b’mod ċar il-pożizzjoni fil-konfront tad-devjazzjonijiet sesswali. Dan huwa kkonfermat mill-preskrizzjonijiet relattivi li jipprevedu l-piena kapitali għall-omosesswalità u għall-bestjalità. Inkwantu għall-imġieba ta’ Onan bin Ġuda (minn min ħadet bidu id-denominazzjoni moderna ta “onaniżmu”), l-Iskrittura Mqaddsa tgħid li “…ma kienx apprezzat mill-Mulej, tant li ppermetta li hu jmut ukoll” (Ġen 38,10).

Id-dritt matrimonjali tat-Testment il-Qadim, fil-globalità wiesgħa tiegħu, jimponi fl-ewwel pjan il-finalità prokrejattiva taż-żwieġ, u f’ċerti każi jfittex li juri trattament ġuridiku paritarju tal-mara u tar-raġel – per eżempju, rigward il-piena għall-adulterju huwa migħud b’mod espliċitu: “Jekk wieħed jikkummetti adulterju mal-mara tal-ġar tiegħu, l-adulteru u l-adultera hemm bżonn li jkunu kkundannati għall-mewt” (Lv 20,10) – imma fit-totalità jippreġudika lill-mara billi jittrattaha bi ħruxija ikbar.

3. Hemm bżonn forsi li nenfasizzaw il-lingwaġġ ta’ din il-leġizlazzjoni, li, bħal dejjem f’każ tali, huwa lingwaġġ oġġettivizzanti tas-sesswaloġija ta’ dak iż-żmien. U wkoll lingwaġġ importanti għat-totalità tar-riflessjonijiet dwar it-tejoloġija tal-ġisem.  Niltaqgħu mal-konferma speċifika tal-karattru ta’ pudur li jdawwar dak li, fil-bniedem, jappartieni għas-sess. Anzi dak li huwa sesswali, jiġi f’ċertu sens ikkonsidrat bħala “impur”, speċjalment meta jkollu x’jaqsam mal-manifestazzjonijiet fiżjoloġiċi tas-sesswalità umana. L-“iskoperta tal-għera” (cf. ex. gr. Lv 20,11.17-21) hija mmalafamata bħala l-ekwivalenti ta’ att illeċitu sesswali mwettaq; diġa l-istess espressjoni tidher hawn ferm elokwenti. Mhemmx dubju li l-leġiżlatur fittex li jinqeda bit-terminoloġija korrispondenti għall-kuxjenza u għad-drawwiet tas-soċjetà kontemporanja. Hekk mela il-lingwaġġ tal-leġiżlazzjoni antik-testimentarja  hemm bżonn li jwettaqna b’konvinzjoni li l-fiżjoloġija tas-sess u l-manifestazzjonijiet somatiċi tal-ħajja sesswali mhumiex biss noti għal-leġiżlatur u għas-soċjetà imma wkoll li dawn ikunu evalwati b’mod determinat. Huwa diffiċli li tneħħi l-impressjoni li tali valutazzjoni jkollha karattru negattiv. Dan ma jħassarx bla dubju l-verità li nafu mill-Ktieb tal-Ġenesi, lanqas ma jistà jagħti tort lit-Testment il-Qadim – u fost l-oħrajn, ukoll il-Kotba leġiżlattivi – li jkunu bħala prekursuri ta’ manikeiżmu (jara kollox abjad u iswed). Il-ħaqq espress fir-rigward tal-ġisem u tas-sess mhuwiex tant “negattiv” u linqas tant aħrax, imma pjuttost immarkat minn oġgettiviżmu motivat mill-intenzjoni li jistabilixxi ordni f’din l-isfera tal-ħajja umana. Ma tidħolx hawn b’mod dirett l-ordni tal-“qalb”, imma l-ordni tal-ħajja soċjali kollha kemm hi, li l-bażi tagħha kienu, dejjem, iż-żwieġ u l-familja.

4. Jekk nieħdu in konsiderazzjoni il-problematika “sesswali” fit-totalità kollha tagħha, ikun aħjar forsi li nerġgħu mill-ġdid nitfgħu fil-qosor l-attenzjoni tagħna fuq aspett ieħor, u jiġifieri fuq ir-rabta eżistenti bejn il-moralità, il-liġi u l-mediċina, enfasizzat fil-Kotba rispettivi tat-Testment il-Qadim. Dawn jinkludu mhux ftit preskrizzjonijiet prattiċi rigwardl-ambitu tal-iġjene, jew inkella dak tal-mediċina, immarkat iktar mill-esperjenza milli mix-xjenza, skont il-livell milħuq sa dak iż-żmien (cf. ex. gr. Lv 12,1-6; Lv 15,1-28; Dt 21,12-13). U, mill-bqija, ir-rabta esperjenza-xjenza għadha, notorjament, attwali llum. F’din l-isfera wiesgħa ta’ problemi, il-mediċina takkumpanja dejjem mill-qrib l-etika; u l-etika, bħalma wkoll it-tejoloġija, tfittex il-kollaborazzjoni.

5. Meta Kristu fid-Diskors tal-Muntanja ppronunzja l-kliem: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettix adulterju” u minnufih iżid: “Imma jien nghidilkom…”, huwa ċar li Hu jrid jibni mill-ġdid fil-kuxjenza tas-semmiegħa tiegħu is-sinifikat etiku propju ta’ dan il-kmandament, waqt li jinqatà mill-interpretazzjoni tad-“dutturi”, esperti uffiċċjali tal-liġi. Imma, minbarra l-interpretazzjoni ġejja mit-tradizzjoni, it-Testment il-Qadim joffrilna wkoll tradizzjoni oħra biex nifhmu l-kmandament “la tikkommettix adulterju”. U din hija t-tradizzjoni tal-Profeti. Dawn, waqt li jirreferu għall-“adulterju”, riedu jfakkru “lill-Iżrael u lil Ġuda” li l-ikbar dnub tagħhom kien l-abbandun tal-uniku u veru Alla a favur tad-diversi idoli, li l-poplu magħżul, f’kuntatt mal-popli l-oħra, kien għamel tiegħu b’mod faċli u b’mod skunsiderat. Dan għalhekk huwa karatteristika propja tal-lingwaġġ tal-Profeti  pjuttostl-analoġija mal-adulterju iktar milli l-adulterju nnifsu; u madankollu tali analoġija sservi biex nifhmu wkoll il-kmandament “la tikkommettix adulterju” u l-interpretazzjoni relattiva, li l-iskarsezza tagħha tinħass fid-dokumenti leġislattivi. Fl-orakli tal-Profeti, u b’mod partikulari ta’ Iżaija, Osea u Ezekjiel, l-Alla tal-Allejanza-Jahwe jiġi spiss irrappreżentat bħala Għarus, u l-imħabba li biha huwa ngħaqad ma’ Iżrael tistà u trid tidentifika ruħha mal-imħabba sponsali tal-għarajjes. U hekk hu li Iżrael, minħabba l-idolatrija tiegħu u l-abbandun tal-Alla-Għarus, jikkommetti quddiemu tradiment li jistà jiġi mqabbel ma’ dak tal-mara fir-rigward ta’ żewġha: jikkommetti, appuntu, “adulterju”.

6. Il-Profeti bi kliem elokwenti u, spiss, permezz ta’ immaġni u similitudni straordinarjament plastiċi, jippreżentaw kemm l-imħabba ta’ Jahwe-Għarus, kif ukoll it-tradiment ta’ Iżrael-Għarusa li ċċedi għall-adulterju. Din hija tema li hemm bżonn li nerġgħu lura għaliha fir-riflessjonijiet tagħna, meta jiġifieri nissottomettu għal analiżi l-problema tas-“Sagrament”; madankollu diġa issa hemm bżonn li nmissuha, minħabba li hija meħtieġa biex nifhmu l-kliem ta’ Kristu, skont Mattew 5,27-28, u nifhmu dak it-tiġdid tal-ethos, li dawn il-kliem jimplikaw: “Imma jien ngħidilkom…”. Jekk minn banda, Iżaija (cf.  54; 62,1-5) fit-testi tiegħu jippreżenta ruħu fl-att li jġiegħel tispikka l-imħabba ta’ Jahwe-Għarus, li, f’kull ċirkustanza,  jipprova jikkuntenta lil Għarustu, billi jisboq l-infedeltajiet kollha tagħha, mill-banda l-oħra Osea u Eżakjiel jeċċellaw f’paraguni, li jiċċaraw fuq kollox il-kruha u l-ħażen morali tal-adulterju mwettaq mill-Għarusa-Iżrael.

Fil-meditazzjoni li jmiss nippruvaw nippenetraw aktar profondament fit-testi tal-Profeti, biex niċċaraw ulterjorment il-kontenut li, fil-kuxjenza tas-semmiegħa tad-Diskors tal-Muntanja, kien jikkorrispondi għall-kmandament: “la tikkommettix adulterju”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: