Illum il-Knisja tfakkar lil San Ċirillu ta’ Lixandra


Fis-27 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Ċirillu ta’ Lixandra, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 370 sa 444.

 

San Ċirillu twieled Lixandra, l-Eġittu, fis-sena 370. Għall-ewwel mar jgħix bħala eremita, imbagħad ordna saċerdot u mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien il-Patrijarka ta’ Lixandra. Meta fis-sena 412 il-Patrijarka miet, Ċirillu laħaq floku.

Għall-bidu, Ċirillu kien awtoritarju u aħrax, u beda jagħlaq il-knejjes tal-eretiċi Novazjani, u kellu ħafna konfronti mal-Lhud tal-belt. Iżda wara ftit snin inbidel u beda juri l-kwalitajiet kbar tiegħu speċjalment fid-difiża tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Fis-sena 428, Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli, ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla. Ċirillu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jgħallem bil-kelma tal-pinna u tal-fomm kontra din l-ereżija. Anke appella lill-Papa San Ċelestinu I.

Fis-sena 431, Ċirillu, bħala r-rappreżentant tal-Papa, mexxa u ppresieda t-Tielet Konċilju ta’ Efesu li għalih kienu attendew aktar minn mitejn isqof, u li fih Nestorju kien ġie kkundannat u skomunikat u eventwalment eżiljat fid-deżert tal-Eġittu.

Kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u fuq l-Ispiritwalità biex b’għaqal kbir ifisser u jiddefendi l-fidi Nisranija, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu, u li l-Persuna Divina sofriet fin-natura umana. It-tagħlim tiegħu għen il-Knisja għal sekli sħaħ wara mewtu.

Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, bħalma Santu Wistin hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Grazzja.

Miet fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 444. San Ċirillu ta’ Lixandra kien iddikjarat duttur tal-knisja mill-Papa Ljun XIII fl-1882.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.