50. Tradizzjoni antikotestamentarja u sinifikat ġdid ta’ “purezza”


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 10/12/1980.

1. Kompletar indispensabbli tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja fuq liema ċcentrajna ċ-ċiklu tar-riflessjonijiet preżenti tagħna, għandu jkun l-analiżi tal-purezza.

Meta Kristu, waqt li spjega s-sinifikat ġust tal-kmandament “La tikkommettix adulterju”, għamel sejħa mill-ġdid għall-bniedem intern, huwa speċifika fl-istess ħin id-dimensjoni fundamentali tal-purezza, li permezz tagħha jiġu mmarkati r-rapporti reċiproċi bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ u barra miż-żwieġ. Il-kliem: “Imma jien ngħidilkom: kulmin iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5,27-28) jesprimi dak li jikkuntrasta mal-purezza.  F’ħin wieħed, dan il-kliem jesiġi l-purezza li fid-Diskors tal-Muntanja jinsab inkluż fl-espressjoni tal-beatitudni: “Imberkin il-puri tal-qalb, għaliex għad jaraw ‘l Alla” (Mt 5,8). B’tali mod Kristu jindirizza appell lill-qalb umana: jistedinha, mhux jakkużaha, kif diġa ċċarajna preċedentement.

2. Kristu jara fil-qalb, fl-intimu tal-bniedem is-sors tal-purezza – imma wkoll tal-impurità morali – fis-sinifikat fundamentali u iktar ġeneriku tal-kelma. Dan huwa kkonfermat, per eżempju, mit-tweġiba mogħtija lill-Fariżej, skandalizzati minħabba l-fatt li d-dixxipli tiegħu “jiksru t-tradizzjoni tal-antiki, għaliex ma jaħslux idejhom meta jaqbdu l-ikel” (Mt 15,2). Ġesù allura qal lil dawk preżenti: “Mhux dak li jidħol mill-ħalq jirrendi mpur lill-bniedem” (Mt 15,11). Lid-dixxipli tiegħu, minflok, waqt li wieġeb għall-mistoqsija ta’ Pietru, hekk spjegalhom dan il-kliem: “…dak li joħrog mill-fomm jiġi mill-qalb. Dan jirrendi maħmuġ lill-bniedem. Infatti, mill-qalb jiġu l-proposti kattivi, l-omiċidji, l-adulterji, il-prostituzzjonijiet, is-serq, ix-xhieda foloz, id-dagħa. Dawn huma l-ħwejjeġ li jirrendu maħmuġ lill-bniedem, imma l-ikel mingħajr il-ħasil tal-idejn ma jirrendix maħmuġ lill-bniedem” (cf. Mt 15,18-20; cf. Mc 7,20-23).

Meta ngħidu “purezza”, “pur” fl-ewwel sinifikat ta’ dawn it-termini, nindikaw dak li jikkontrasta mal-ħmieġ. “Tħammeġ ifisser “tirrendi maħmuġ”, “tikkontamina”. Dan jirreferi għad-diversi ambiti tad-dinja fiżika. Wieħed jitkellem, per eżempju, minn “triq maħmuġa”, minn “kamra maħmuġa”, jitkellem ukoll minn “arja kontaminata”. Hekk, saħansitra, ukoll il-bniedem jistà jkun “maħmuġ” meta ġismu ma jkunx nadif. Biex jitneħħa l-ħmieġ tal-ġisem, hemm bżonn li naħsluh. Fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim kienet tingħata attenzjoni kbira lill-abluzzjonijiet ritwali, per eżempju l-ħasil tal-idejn qabel l-ikel, li dwaru jitkellem it-test ikkwotat. Preskrizzjonijiet numerużi u partikolariġġati jirrigwardaw l-abluzzjonijiet tal-ġisem fir-rapport tal-impurità sesswali, mifhuma f’sens esklussivament fiżjoloġiku, li għalih aċċennajna qabel (cf. Lv 15). Skont l-istat tax-xjenza medika ta’ dak iż-żmien, id-diversi abluzzjonijiet setgħu jikkorrispondu għal preskrizzjonijiet iġjeniċi. In kwantu li kienu mposti f’isem Alla u kontenuti fil-Kotba Mqaddsa tal-leġislazzjoni antikotestamentarja, l-osservanza tagħhom akkwistat, b’mod indirett, sinifikat reliġjuż; kienu abluzzjonijiet ritwali u, fil-ħajja tal-bniedem tal-Allejanza Antika, kien jservu għall-“purezza” rituali.

3. F’konnessjoni mal-imsemmiha tradizzjoni ġuridika-reliġjuża tal-Allejanza Antika ġie ffurmat mod żbaljat ta’ fehim tal-puezza morali(1). Hemm spiss wieħed kien jifhimha b’mod esklussivament estern u “materjali”. Fi kwalunkwè każ, infirxet tendenza espliċita għal tali nterpretazzjoni. Kristu jopponiha b’mod radikali: xejn ma jirrendi l-bniedem maħmuġ “minn barra”, l-ebda ħmieġ “materjali” ma jirrendi l-bniedem impur f’sens morali, jew inkella intern. Ebda abluzzjoni, lanqas ritwali, mhi weħedha idonja biex tipproduċi l-purezza morali. Din għandha s-sors esklussiv tagħha fl-intern tal-bniedem: din tiġi mill-qalb. Huwa probabli li l-preskrizzjonijiet rispettivi tat-Testment il-Qadim (dawk, per eżempju, li jinsabu fil-Levitiku) (Lv 15,16-24; 18,1ss; 12,1-5) kienu jservu, minbarra bħala finijiet iġjeniċi, ukoll biex jattribwixxu ċerta dimensjoni ta’ nterjorità għal dak li l-persuna umana hija korporja u sesswali. Hu xinhu Kristu qagħad ferm attent li ma jorbotx il-purezza f’sens morali (etiku) mal-fiżjoloġija u mal-proċessi organiċi relattivi. Fid-dawl tal-kliem ta’ Mattew 15,18-20, ikkwotati fuq, l-ebda wieħed mill-aspetti tal-“ħmieġ” sesswali, fis-sens strettament somatiku, bijofiżjoloġiku, ma jidħol minnu nfih fid-definizzjoni tal-purezza u tal-impurità f’sens morali (etiku).

4. L-imsemmija espressjoni (Mt 15,18-20) hija importanti speċjalment minħabba raġunijiet semantiċi. Waqt li nitkellmu dwar il-purezza f’sens morali, jiġifieri dwar il-virtù tal-purezza, ninqdew b’analoġija, skont liema l-ħażin morali jiġi mqabbel appuntu mal-ħmieġ. Bla dubju tali analoġija daħlet tagħmel parti, sa minn żminijiet ferm remoti, mill-ambitu tal-kunċetti etiċi. Kristu jerġà jaqbadha u jikkonfermaha fl-estensjoni kollha tagħha: “Dak li joħroġ mill-fomm jiġi mill-qalb. Dan hu li jirrendi maħmuġ lill-bniedem”. Hawn Kristu jitkellem minn kull ħażin morali, ta’ kull dnub, jiġifieri dwar ksur tal-kmandamenti varji, u jinnumera “l-intenzjonijiet ħżiena, l-omiċidji, l-adulterji, il-prostituzzjonijiet, is-serq, il-gideb, id-dagħa”, mingħajr ma jillimita ruħu għal xi ġeneru tad-dnub speċifiku. Joħroġ li l-kunċett ta’ “purezza” u ta’ “mpurità” f’sens morali huwa qabel xejn kunċett ġenerali, mhux speċifiku: minħabba liema kull ġid morali huwa manifestazzjoni ta’ purezza, u kull deni morali huwa manifestazzjoni ta’ mpurità. L-espressjoni ta’ Mattew 15,18-20 ma tirristrinġix il-purezza u hija settur uniku tal-morali, jew aħjar għal dak konness mal-kmandamenti “La tikkommettix adulterju” u “La tixtieqx in-nisa tal-proxxmu tiegħek”, jiġifieri għal dak li jirrigwarda r-rapporti reċiproċi bejn ir-raġel u l-mara, marbutin mal-ġisem u mal-konkupixxenza relattiva. B’mod analogu nistgħu ukoll nifhmu l-beatitudni tad-Diskors tal-Muntanja, indirizzata lill-bnedmin “puri tal-qalb”, kemm fis-sens ġeneriku, kemm f’dak iktar speċifiku. Huma biss l-kuntesti possibbli li jippermettulna li niddefenixxu u nippreċiżaw tali sinifikat.

5. Is-sinifikat l-iktar wiesà u ġenerali tal-purezza huwa preżenti wkoll fl-ittri ta’ San Pawl, li fihom b’mod gradat nindividwaw il-kuntesti li, b’mod espliċitu, jirristrinġu s-sinifikat tal-purezza fl-ambitu “somatiku” u “sesswali”, jiġifieri għal dak is-sinifikat li nistgħu niġbru mill-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja dwar il-konkupixxenza, li jesprimi ruħu diġa fil- “tħares lejn mara”, u jiġi illivellat għal “adulterju mwettaq fil-qalb (cf. Mt 5,27-28).

Mhuwiex San Pawl l-awtur tal-kliem dwar il-konkupixxenza tripla. Dan, kif nafu, jinsab fl-ewwel ittra ta’ Ġwanni. Nistgħu, madankollu, ngħidu li b’mod analogu għal dak li għal Ġwanni (1Gw 2,16-17) huwa kontrappożizzjoni fl-intern tal-bniedem bejn Alla u d-dinja (bejn dak li jiġi “mill-Missier” u dak li jiġi “mid-dinja”) – kontrappożizzjoni li titnissel fil-qalb u tippenetra fl-azzjonijiet tal-bniedem bħal “konkupixxenza tal-għajnejn, konkupixxenza tal-ġisem u suppervja tal-ħajja” – San Pawl jinnota fin-nisrani kontradizzjoni oħra: l-oppożizzjoni u magħha t-tensjoni bejn il-“gisem” u l-“Ispirtu” )miktub b’ittra kbira, jiġifieri l-Ispirtu Santu): “Ngħidilkom mela: Imxu skont l-Ispirtu u ma titwasslux biex tissodisfaw ix-xewqat tal-ġisem; il-ġisem infatti għandu xewqat kuntrarji għall-Ispirtu u l-Ispirtu għandu xewqat kuntrarji għall-ġisem, sabiex intom ma tagħmlux dak li tixtiequ” (Gal 5,16-17). Joħroġ li l-ħajja “skont il-ġisem” hija kuntrarja għall-ħajja “skont l-Ispirtu”. “Infatti dawk li jgħixu skont il-ġisem, jaħsbu dwar il-ħwejjeġ tal-ġisem; għall-kuntrarju dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, skont il-ħwejjeġ tal-Ispirtu” (Rm 8,5).

Fl-analiżi suċċessivi se nfittxu li nuru li l-purezza – il-purezza tal-qalb, li dwarha tkellem Kristu fid-Diskors tal-Muntanja – twettaq lilha nnifsha propjament fil-ħajja “skont l-Ispirtu”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >