52. Il-kontrappożizzjonijiet bejn il-ġisem u l-ispirtu u l-“ġustifikazzjoni” fil-fidi

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 07/01/1981.

Għeżież ħuti fl-Episkopat, fis-saċerdozju, Ħuti rġiel u nisa fil-ħajja reliġjuża, Għeżież ħuti rġiel u nisa,

Wara ll-pawsa dovuta għall-festivitajiet riċenti illum nerġgħu nibdew il-laqgħat tagħna ta’ nhar t’Erbgħa waqt li nġorru f’qalbna l-ferħ seren tal-misteru tat-twelid ta’ Kristu, li l-liturġija tal-Knisja f’dan il-perijodu ġagħlitna niċċelebraw u nattwalizzaw f’ħajjitna. Ġesù ta’ Nazaret, it-Tarbija li tibki fil-maxtura ta’ Betlem, hija l-Verb etern ta’ Alla li ħa l-ġisem b’imħabba lejn il-bniedem (Gw 1,14).Din hija l-verità l-kbira għal-liema n-nisrani jattakka ruħu mal-fidi profonda. Bil-fidi ta’ Marija Santissima li fil-glorja tal-verġinità tagħha mhux mimsusa ikkonċepit u ġgenerat l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Bil-fidi ta’ San Ġużepp li għassu u pproteġih b’devozzjoni immensa ta’ mħabba. Bil-fidi tar-rgħajja li ġrew minnufih lejn il-grotta tat-twelid. Bil-fidi tal-Maġi li lemħuh fis-sinjal tal-kewkba u, wara tfittxija twila, setgħu jikkuntemplawh u jadurawh f’dirgħajn l-Omm Verġni.

Jalla s-sena l-ġdida tingħex minn dawk kollha taħt dan is-sinjal ta’ dan il-ferħ kbir intern, frott taċ-ċertezza li Alla tant ħabb id-dinja li jasal li jagħti l-uniku Ibnu sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Dan huwa l-awgurju li nindirizza lil kull wieħed u waħda minnkom li tinsabu hawn preżenti għal din l-ewwel udjenza ġenerali tal-1981 u għal dawk kollha għeżież għalikom.

1. Xi tfisser l-affermazzjoni: “Il-ġisem… għandu xewqat kuntrarji għall-Ispirtu u l-Ispirtu għandu xewqat kuntrarji għall-ġisem”? (Gal 5,17) Din id-domanda donnha mportanti, anzi fundamentali fil-kuntest tar-riflessjonijiet tagħna dwar il-purezza tal-qalb, li dwarha jitkellem il-Vanġelu. Madankollu, l-Awtur tal-ittra lill-Galatin jiftaħ quddiemna, f’dan ir-rigward, orizzonti ferm iktar vasti. F’din il-kontrappożizzjoni tal-“ġisem” għall-Ispirtu (Spirtu ta’ Alla), u tal-ħajja, “skont il-ġisem” għall-Hajja “skont l-Ispirtu” hemm miġbura t-tejoloġija pawlina dwar il-ġustifikazzjoni, jiġifieri l-espressjoni tal-fidi fir-rejaliżmu antropoloġiku u etiku tal-fidwa mwettqa minn Kristu, li Pawlu, fil-kuntest ġa magħruf minna, jsejjaħ ukoll “fidwa tal-ġisem”. Skont l-Ittra lir-Rumani (Rm8,23), il-“Fidwa tal-ġisem” għandha wkoll dimensjoni “kożmika” (irriferuta għall-ħolqien kollu), imma fiċ-ċentru tagħha hemm il-bniedem, il-bniedem kostitwit fl-unità personali tal-ispirtu u tal-ġisem. U appuntu f’dan il-bniedem, ġewwa “qalbu”, u konsegwentement fl-imġieba kollha tiegħu, tiffruttifika l-fidwa ta’ Kristu, grazzi għal dawk il-qawwiet tal-Ispirtu li jattwaw il-“ġustifikazzjoni”, jiġifieri jagħmlu iva li l-ġustizzja “toktor” fil-bniedem bħal ma hu instillat fid-Diskors tal-Muntanja: Mattew (Mt 5,20), jiġifieri “joktor” fid-daqs li Alla stess ried li Hu jistenna.

2. Huwa sinifikattiv li Pawlu, waqt li jitkellem dwar l-“opri tal-ġisem” (cf. Gal 5,11-21), isemmi mhux biss il-“fornikazzjoni, l-impurità, il-libertinaġġ… is-sokor, l-orġji – mela, dak kollu li, skont mod ta’ fehim oġġettiv, jerġà jilbes il-karattru tad-“dnubiet karnali” u tal-pjaċir senswali marbut mal-ġisem – imma jsemmi wkoll dnubiet oħra, għal-liema ma naslux li nattribwixxu karattru “karnali” u “senswali”: “idolatrija, stregonerija, inimiċizzja, diskordja, ġelożija, dissensi, diviżjonijiet, fazzjonijiet, għira…”(Gal 5,20-21). Skont il-kategoriji antropoloġiċi (u etiċi) tagħna aħna nkunu nklinati li pjuttost insejħu l-“opri” kollha hawn elenkati bħala “dnubiet tal-ispirtu” uman, minflok dnubiet tal-“ġisem”. Mhux mingħajr mottiv stajna nipprevedu fihom pjuttost l-effetti tal-“konkupixxenza tal-għajnejn” jew tas-“suppervja tal-ħajja” u mhux tal-effetti tal-“konkupixxenza tal-ġisem”. Bdanakollu Pawlu jikkwalifikahom bħala “opri tal-ġisem”. Dan jinftiehem b’mod esklussiv fuq l-isfond ta’ dak is-sinifikat iktar wiesà (f’ċertu sens metonimiku), li fl-ittri pawlini jassumi it-terminu “ġisem”, kontroppost mhux biss u mhux tant għall-“ispirtu” uman daqs kemm għall-Ispirtu Santu li jopera fir-ruħ (fl-ispirtu) tal-bniedem.

3. Teżisti, mela, analoġija sinifikattiva bejn dak li Pawlu jiddefenixxi bħala “opri tal-ġisem” u l-kliem li bih Kristu jispjega lid-dixxipli tiegħu dak li l-ewwel kien qal lill-Fariżej dwar il-“purezza” u l-“impurità” ritwali (cf. Mt 15,2-20). Skont kliem Kristu, il-vera “purezza” (kif ukoll l-“impurità”) f’sens morali tinsab fil-“qalb” u tiġi “mill-qalb” umana. Bħala “opri mpuri” fl-istess sens huma ddefiniti l-“adulterji” u l-“protistuzzjonijiet”,  mela d-“dnubiet tal-ġisem” f’sens strett, imma wkoll il-“proposti ħżiena… is-serq, il-gideb, id-dagħa”. Kristu bħal ma diġa stajna nosservaw, jinqeda hawn bis-sinifikat hekk ġenerali daqskemm speċifiku tal-“impurità” (u għalhekk b’mod indirett ukoll tal-“purezza”). San Pawl jesprimi ruħu b’mod analogu: l-opri “tal-ġisem” huma mifhuma fit-test pawlin f’sens hekk ġenerali daqskemm speċifiku. Id-dnubiet kollha huma espressjoni tal-“ħajja skont il-ġisem”, li hija f’kuntrast mal-“ħajja skont l-Ispirtu”. Dak li, b’mod konformi mal-konvenzjoni lingwistika tagħna (mill-bqija ġustifikata b’mod parzjali), jiġi kkunsidrat bħala “dnub tal-ġisem”, fl-elenku pawlin huwa waħda mit-tant manifestazzjonijiet (jew speċi) ta’ dak li huwa jsejjaħ bħala “opri tal-ġisem”, u, f’dan is-sens, wieħed mis-sintomi, jiġifieri tal-attwaliżazzjonijiet tal-ħajja “skont il-ġisem” u “skont l-Ispirtu”.

4. Il-kliem ta’ Pawlu miktub lir-Rumani: “Hekk mela, ħuti, aħna midjunin, imma mhux lejn il-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem: ġaladarba jekk tgħixu skont il-ġisem, intom tmutu; jekk għall-kuntrarju bil-għajnuna tal-Ispirtu intom teqirdu l-opri tal-ġisem, tgħixu” (Rm 8,12-13), jintroduċuna mill-ġdid fl-isfera għanja u differenti tas-sinifikati, li t-termini “ġisem” u  “spirtu” għandhom għalih. Madankollu, is-sinifikat definittiv ta’ dik l-espressjoni huwa parentetiku, eżortattiv, mela validu għall-ethos evanġeliku. Pawlu, meta jitkellem dwar il-bżonn li noqtlu l-opri tal-ġisem bl-għajnuna tal-Ispirtu, appuntu jesprimi dak li dwaru tkellem Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, waqt li alluda għall-qalb umana u ħeġġiġha għad-dominju tax-xewqat, ukoll ta’ dawk li jesprimu ruħhom fil-“ħars lejn” tar-raġel indirizzat lejn il-mara b’fini li jissodisfa l-konkupixxenza tal-ġisem. Tali għelbien, jiġifieri, bħal ma jikteb Pawlu, “il-qerda tal-opri tal-ġisem bil-għajnuna tal-Ispirtu”, hija kundizzjoni indispensabbli tal-“ħajja skont l-ispirtu”, jiġifieri tal-“ħajja” li hija antitesi tal-“mewt” li dwarha jitkellem fl-istess kuntest. Il-ħajja “skont il-ġisem”  tiffrottifika infatti l-“mewt”, jiġifieri tinvolvi bħala effett il-“mewt” tal-Ispirtu.

Mela, it-terminu “mewt” ma jfissirx biss mewt korporali, imma wkoll id-dnub, li t-tejoloġija morali ssejjaħ mejjet. Fl-Ittri lir-Rumani u lill-Galatin l-Appostlu jwessà kontinwament l-orizzont tad-“dnub il-mejjet”, sew lejn il-“bidu” tal-istorja tal-bniedem, kif ukoll lejn it-terminu tiegħu. U allura, wara li jelenka il-multiformi “opri tal-ġisem”, jenfasizza li “min iwettaqhom ma jiritx is-saltna ta’ Alla” (Gal 5,21). F’post ieħor jikteb b’qawwa simili: “Kunu afu sewwa, ebda fornikatur, jew impur, jew xħiħ – li huma hwejjeġ tal-idolaturi – ma jkollu sehem fis-saltna ta’ Alla” (Ef 5,5). Ukoll f’dan il-każ,  l-opri li jeskludu milli jkollna “sehem fis-saltna ta’ Kristu u ta’ Alla” – jiġifieri l-“opri tal-ġisem” – jiġu elenkati bħala eżempju u b’valur ġenerali għalkemm fl-ewwel post hawn insibu d-dnubiet kontra l-“purezza” fis-sens speċifiku (cf. Ef 5,3-7).

5. Biex ngħaqqdu l-kwadru tal-kontrappożizzjoni bejn il-“ġisem” u “il-frott tal-Ispirtu” hemm bżonn nosservaw li f’dak kollu li huwa manifestazzjoni tal-ħajja u tal-imġieba skont l-Ispirtu, Pawlu jara f’ħin il-manifestazzjoni ta’ dik il-libertà, għal-liema Kristu “ħelisna” (Gal5,1). Hekk huwa appuntu jikteb: “Intom infatti, ħuti, kontu msejħa għal-libertà. Sabiex din il-libertà ma ssirx pretest biex ngħixu skont il-ġisem, imma permezz tal-karità tkunu għas-servizz ta’ xulxin. Infatti l-liġi kollha ssib il-milja tagħha fi preċett wieħed: tħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Gal 5,13-14). Bħal ma diġa qabel irrivelajna, il-kontrappożizzjoni “ġisem-Spirtu, ħajja “skont il-ġisem”, ħajja “skont l-Ispirtu”, għandha xxerred b’mod profond id-duttrina pawlina kollha rigward il-ġustifikazzjoni. L-Appostlu tal-Ġnus, b’qawwa eċcezzjonali ta’ konvinzjoni, jxandar li l-ġustifikazzjoni tal-bniedem sseħħ fi Kristu u għal Kristu. Il-bniedem jikseb il-ġustifikazzjoni fil-“fidi li taħdem permezz tal-karità (Gal 5,6), u mhux biss permezz tal-osservanza tal-preskrizzjonijiet singoli tal-Liġi antikotestamentarja (b’mod partikulari, taċ-ċirkonċiżjoni). Il-ġustifikazzjoni tiġi mela “mill-Ispirtu” (ta’ Alla) u mhux “mill-ġisem”. Huwa, għalhekk, iħeġġeġ, lid-destinatarji tal- ittra tiegħu biex jeħilsu lilhom infushom mill-idea “karnali” żbaljata tal-ġustifikazzjoni, biex isegwu dik vera, jiġifieri, dik spiritwali, f’dan is-sens iħeġġiġhom biex iqisu lilhom infushom liberi mil-Liġi, u ferm iktar biex ikunu liberi mil-libertà, li għaliha Kristu “ħelisna”.

Hekk, mela, waqt li nsegwu l-ħsieb tal-Appostlu, ikun aħjar għalina li nikkunsidraw u fuq kollox nirrejalizzaw l-purezza evanġelika, jiġifieri l-purezza tal-qalb, skont il-miżura ta’ dik il-libertà li għaliha Kristu “ħelisna”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: